Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

In-Navigazzjoni bis-Satellita

Galileo

Tinsab imwaħħal fit-traffiku fil-qalba tal-belt u għandek appuntament li mhux ta’ min jitilfu. Sitwazzjoni tipika fejn is-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita fil-vetturi huma l-aktar meħtieġa, imma wkoll meta l-limiti tat-teknoloġija eżistenti joħorġu fid-dieher. L-interferenza u d-disponibbiltà skarsa tas-sinjali fi bliet b'bini għoli sikwit jinterferixxu mal-wasla ta’ informazzjoni vitali f’waqtha. B'Galileo din se tkun problema tal-passat. 

Galileo, is-sistema Ewropea globali ta’ navigazzjoni bis-satellita, hija l-akbar infrastruttura spazjali mfassla fl-Ewropa u sforz konġunt bejn il-pajjiżi Ewropej kollha. Bħalissa s-sistema tinsab fil-fażi ta’ kostruzzjoni, u se tkun kompletament funzjonali qabel l-2020.  Galileo se toffri servizzi ta’ navigazzjoni madwar id-dinja, se tkun aktar preċiża mis-sistemi eżistenti, aktar reżistenti għall-interferenzi u r-riflessjoni, u se taqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-Ewropa. 

Dan se jkun possibbli bis-saħħa kemm ta' użu ta’ għadd akbar ta’ satelliti minn dawk attwalment disponibbli kif ukoll ta' trasmissjoni ta’ sinjali ta’ navigazzjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida.  Galileo se tkun kompatibbli wkoll mas-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita tal-Istati Uniti tal-Amerika u tar-Russja, u b’hekk tippermetti lill-klijenti biex jisfruttaw mill-vantaġġi tas-sistemi flimkien. 

“Galileo hija ta’ importanza strateġika għall-indipendenza tal-Unjoni Ewropea fin-navigazzjoni bis-satellita u se tgħin lin-negozji Ewropej biex jiżviluppaw prodotti u servizzi ġodda. Ser tagħti kontribut sinifikanti għall-irkupru tal-ekonomija tal-Ewropa u se tindirizza sfidi kbar, bħat-trasport sostenibbli, il-biedja intelliġenti u l-għajnuna għall-anzjani.”

It-trasport huwa settur ovvju li se jgawdi minn aktar preċiżjoni offruta minn Galileo, iżda mhuwiex l-uniku wieħed. L-operazzjonijiet ta’ protezzjoni ċivili f’ambjenti ħarxa se jsibu lil Galileo riżorsa importanti. Il-komunità agrikola tal-Komunità se tgawdi minn titjib fil-monitoraġġ tat-tqassim u d-dilwit tal-kimiċi, grazzi għal trattament personalizzat u aktar effiċjenti tal-ġestjoni tal-art. 

L-isfruttar tal-enerġija se jkun jista' jserraħ fuq dejta aktar preċiża. In-netwerks ta’ telekomunikazzjoni bla fili se jiffunzjonaw b’mod aktar effettiv bis-saħħa tas-sinkronizzazzjoni eċċellenti tal-ħin ta’ Galileo. Anke s-settur finanzjarju se jgawdi: permezz tal-arloġġ estremament preċiż ta' Galileao għall-awtentikazzjoni u l-'kronogrammazzjoni' tat-tranżazzjonijiet finanzjarji.  

Il-vantaġġi ta’ Galileo se jinħassu fl-ekonomija b'mod ġenerali. Huwa stmat li se jkun hemm impatt ekonomiku globali ta’ madwar €90 biljun matul l-għoxrin sena li ġejjin. Is-suq tas-sistema ta’ navigazzjoni bis-satellita biss huwa stmat li se jirdoppja sal-2020 għal €244 biljun. 

Il-valur tal-applikazzjonijiet u s-suq tas-servizzi li jiddependu fuq dejta min-navigazzjoni bis-satellita huwa stmat li jkun madwar €14-il biljun fl-20 sena li ġejjin. L-effetti ta' riperkussjoni huma kbar ħafna u se jinfirxu f’setturi differenti, inklużi l-kura tas-saħħa, it-trasport u x-xjenza komputazzjonali, hekk kif teknoloġiji ġodda żviluppati għall-proġetti spazjali huma spiss użati f’applikazzjonijiet terrestri.

Illum, sa 7% tal-PGD tal-Ewropa jiddependu fuq prodotti u servizzi li jużaw sinjali ta’ navigazzjoni bis-satellita pprovduti mis-Sistema ta’ Pożizzjonament Globali (GPS) tal-Istati Uniti. Fil-futur, Galileo se tibni bil-mod il-mod fuq is-servizzi tal-GPS disponibbli fl-UE, u b’hekk tipprovdi valur miżjud ovvju għall-ekonomija, ir-riċerka u s-sigurtà tal-Ewropa. Madankollu, is-servizzi ta’ Galileo, inklużi s-servizzi tas-sigurtà, se jkunu ankrati taħt kontroll ċivili tal-UE.

Aktar informazzjoni

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq