Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Aċċess għall-Finanzi

Il-fundazzjoni għall-kompetittività tal-SMEs

Il-kreditu hu għall-kumpaniji dak li hu l-ilma għall-bniedem. Mingħajr aċċess tajjeb għall-finanzi, in-negozji - speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) - jispiċċaw imutu. Dan hu dak li qed jiġri minħabba l-kriżi finanzjarja taż-żona tal-ewro.

Il-kriżi tal-kreditu li għaddejjin minnha bħalissa f'ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea tagħmel l-investiment, l-innovazzjoni u saħansitra l-pagament ta' kontijiet bażiċi impossibbli għal eluf ta' kumpaniji. Bosta negozji f'saħħithom għebu minħabba nuqqas ta' kreditu. Ħafna oħra jinsabu mhedda.

Dan mhux aċċettabbli, mhux l-inqas minħabba li t-23 miljun SME tal-UE jirrappreżentaw is-sinsla tal-ekonomija Ewropea u joffru l-impjiegi. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tistabbilixxi mill-ġdid il-funzjonament korrett tal-fluss ta' kreditu lejn l-SMEs.

Il-banek iridu jiġu mħeġġa jipprovdu finanzjament għall-intrapriżi żgħar u medji. Barra mill-provvista ta' kapital b'rati ta' imgħax baxxi mill-Bank Ewropew tal-Investiment, l-UE kattret rekwiżiti ta' kapital inqas stretti għas-self mill-banek lill-SMEs. Dan ifisser li l-banek ikollhom jirriservaw kapital inqas regolat meta jisilfu lill-SMEs. Dan iħeġġiġhom jisilfu iktar ta' spiss.

Il-Kummissjoni qed tikkonsidra wkoll sorsi oħra ta' finanzjament għall-SMEs, u alternattivi oħra minflok il-metodi bankarji tradizzjonali. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi suq verament Ewropew għall-kapital ta' riskju li jipprovdi finanzjament ta’ ekwità lil kumpaniji żgħar jew li għadhom jibdew. Jekk jitneħħa x-xkiel li jeżisti bħalissa, il-kapital ta' riskju jkun jista' jipprovdi sors importanti ta' finanzjament għall-SMEs. Nippromwovu wkoll l-elenkar tal-SMEs fil-borża u l-possibiltà li kumpaniji iżgħar joħorġu bonds (bħal ma jagħmlu l-kumpaniji l-kbar).

Barra minn hekk, il-baġit tal-UE se jkun qed jintuża dejjem aktar biex jiffinanzja l-SMEs. Orizzont 2020, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, jinkludi finanzjament għall-garanziji ta' kreditu biex iġedded l-SMEs u l-midcaps. COSME, il-programm immirat lejn iż-żieda tal-kompetittività tal-SMEs, se juża 60% mill-baġit tiegħu biex jappoġġa l-aċċess ta' finanzjament għall-SMEs, jiġifieri madwar €1.4 biljun bejn garanziji ta' self u appoġġ għall-kapital ta' riskju. Dan għandu jibbenefika kważi 40,000 kumpanija fis-sena. Il-Bank Ewropew tal-Investiment se jkompli jżid l-effett ta' ingranaġġ b'aktar operat ta' kreditu.

"L-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament jibqa' diffiċli u huwa fattur fil-kontinwazzjoni tat-tendenza ekonomika ħażina attwali. Għaldaqstant għandna f'rasna nestendu l-garanziji ta' self lejn intermedjarji finanzjarji biex jisilfu lill-SMEs. Kull ewro ddedikata għall-garanziji tagħna diġà kellha l-qawwa tistimola - bejn wieħed u ieħor - 30 ewro f'self mill-banek. Dan huwa kruċjali biex ngħinu l-magna tal-impjiegi fl-Ewropa, l-intrapriżi żgħar tagħna, biex jimxu bla ntoppi."

Aktar informazzjoni

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq