Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Dwar l-Alleanza għall-Apprendistati

L-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (EAfA) hija pjattaforma b’diversi partijiet ikkonċernati li għandha dawn l-għanijiet:

  • It-tisħiħ tal-kwalità, il-provvista u l-immaġni tal-apprendistati fl-Ewropa
  • Il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-apprendisti

Dawn l-għanijiet huma promossi permezz ta’ impenji nazzjonali u wegħdiet volontarji mill-partijiet ikkonċernati.

F’Lulju 2020, il-Kummissarju Nicolas Schmit nieda l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (EAfA) imġedda, li tat impetu ġdid lill-impenn tal-UE lejn l-apprendistati u stabbilixxiet sitt prijoritajiet ambizzjużi.

Is-sitt prijoritajiet tal-EAfA mġedda ġew stabbiliti għall-ewwel darba fil-pakkett ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-1 ta’ Lulju 2020. Dawn kienu sinteżi tal-kontributi minn dokumenti u politiki differenti tal-UE, li l-ewwel wieħed kien il-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi.

Il-prijoritajiet tal-EAfA mġedda jinkludu:

  • l-inkoraġġiment tal-impenn fost l-Istati Membri u l-kumpaniji għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi billi jitrawmu koalizzjonijiet nazzjonali tal-apprendistati
  • l-inċentivar tal-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) biex jipprovdu provvista stabbli ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi
  • il-mobilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala katalisti għall-apprendistati fi ħdan l-ambjent tan-negozju lokali
  • it-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz ta’ involviment aktar attiv tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tas-sħab soċjali
  • l-involviment proattiv tal-kumitati settorjali Ewropej għad-djalogu soċjali dwar l-apprendistati, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar wegħdiet settorjali konġunti
  • l-appoġġ għar-rappreżentanza tal-apprendisti fl-Istati Membri billi jerġa’ jitnieda n-Network Ewropew tal-Apprendisti (EAN)

Min huma l-membri?

Minbarra l-gvernijiet nazzjonali, il-membri tal-EAfA jinkludu kumpaniji u organizzazzjonijiet tan-negozju, kmamar tal-industrija, tal-kummerċ u tal-artiġjanat, fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk mingħajr skop ta’ qligħ, awtoritajiet reġjonali u lokali, sħab soċjali, korpi u networks professjonali kif ukoll istituti ta’ riċerka u gruppi ta’ riflessjoni.

L-EAfA hija pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-esperjenzi u għat-tagħlim mill-aħjar prattiki. Permezz tagħha l-membri jistgħu:

  • isibu sħab
  • jippromwovu l-avvenimenti
  • jiżviluppaw ideat u attivitajiet ġodda
  • jipprovdu aċċess għall-aħħar aħbarijiet u għodod dwar l-apprendistati

L-Alleanza hija miftuħa għall-pajjiżi kollha tal-UE, tal-EFTA u għall-pajjiżi kandidati, kif ukoll għall-partijiet ikkonċernati minn dawn il-pajjiżi.

X’inhuma l-benefiċċji?

L-apprendistati jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol. Dawn jikkombinaw taħriġ ibbażat fil-kumpanija ma’ edukazzjoni bbażata fl-iskola, u jwasslu għal kwalifika rikonoxxuta fil-livell nazzjonali meta jitlestew.

L-apprendisti jitgħallmu ħiliet siewja fuq il-post tax-xogħol f’ambjent professjonali, li jiżgura livell ogħla ta’ impjegabbiltà fil-futur

Il-kumpaniji li jipprovdu apprendistati x’aktarx li jibbenefikaw minn profitt nett fuq l-investiment tagħhom. Dan jista’ jkun jew matul l-apprendistat, jew ftit wara billi jiġi impjegat ħaddiem imħarreġ bis-sħiħ.

L-evidenza tissuġġerixxi li l-pajjiżi b’sistema b’saħħitha ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) u ta’ apprendistat għandhom livelli aktar baxxi ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. Ħafna drabi jkun hemm relazzjoni kuntrattwali bejn l-impjegatur u l-apprendist, bl-apprendist jitħallas għax-xogħol tiegħu.

L-EAfA tippromwovi l-impjieg taż-żgħażagħ u tappoġġja l-għan tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li tnaqqas id-disparità bejn il-provvista tal-ħiliet u d-domanda fis-suq tax-xogħol.

X'sar s'issa?

L-Alleanza mmobilizzat lill-Istati Membri tal-UE, l-EFTA u l-pajjiżi kandidati tal-UE, u għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati biex jinvolvu ruħhom f’apprendistati ta’ kwalità.

Hija ffaċilitat in-networking, il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba, bis-Cedefop u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF) jipprovdu appoġġ espert strateġiku.

L-Alleanza kkontribwixxiet ukoll għas-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-apprendistati.

Minn mindu tnediet l-EAfA mġedda, il-membri involvew ruħhom f’attivitajiet ta’ kondiviżjoni tal-għarfien bħal Diskussjonijiet Diretti, webinars u avvenimenti ta’ livell għoli.

L-Alleanza ħolqot firxa ta’ attivitajiet biex tgħin tiffaċilita apprendistati ta’ kwalità u effettivi permezz tal-librerija online, Moduli ta’ Taħriġ Online u s-serje ta’ Podcasts tal-EAfA.

Ixxerja din il-paġna