Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

FAQ - Liema regoli japplikaw għalija?

Diġà żort il-paġna tagħna dwar liema regoli japplikaw għalik?

Issekondar

Jekk tintbagħat taħdem f'pajjiż ieħor, tibqa' assigurat taħt il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini tiegħek jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-ħaddiema ssekondati.

Dan ifisser li tista' taħdem hemm għal massimu ta' 24 xahar f'isem min iħaddmek li hu bbażat fil-pajjiż li bagħtek. Qabel ma titlaq, għandek tiżgura li jkollok dokument A1 li jiċċertifika li int kopert mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż minn fejn int issekondat. Min iħaddmek jiddikjara s-sitwazzjoni tiegħek lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali kompetenti.

Din is-soluzzjoni hi maħsuba biex tevita tibdil frekwenti fis-sitwazzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek fil-każ ta' perjodi qosra ta' xogħol barra minn pajjiżek. Japplikaw l-istess dispożizzjonijiet għall-persuni li jaħdmu għal rashom li temporanjamanet jagħmlu attività simili f'pajjiż ieħor. >> Niżżel il-gwida dwar l-issekondar

Min iħaddmek għandu japplika għal A1 qabel ma jibda l-perjodu ta' ssekondar tiegħek. >> Niżżel il-gwida dwar l-issekondar

X'inhi s-sitwazzjoni tiegħek?

Int ħaddiem transkonfinali jekk taħdem f'pajjiż tal-UE differenti minn dak fejn tgħix u tirritorna kuljum fil-pajjiż ta' residenza tiegħek, jew tal-anqas darba fil-ġimgħa. Bħala ħaddiem transkonfinali, int assigurat fil-pajjiż fejn taħdem. Dan il-pajjiż ikun responsabbli għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tiegħek.

Japplikaw regoli speċjali għall-kura tas-saħħa u għall-qgħad. Rigward il-kura tas-saħħa, għandek dritt għal għażla: tista' tikseb dawn il-benefiċċji fejn tgħix jew fejn taħdem. Għal aktar informazzjoni, ara t-taqsima u l-mistoqsijiet frekwenti tagħna dwar il-benefiċċji tal-mard.

Rigward il-benefiċċji tal-qgħad, jekk int impjegat mija fil-mija, int intitolat għall-benefiċċji fil-pajjiż fejn tgħix. Għal aktar informazzjoni, ara t-taqsima u l-mistoqsijiet frekwenti tagħna dwar il-qgħad.

L-uffiċjali ċivili jibqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-amministrazzjoni tagħhom anke jekk jagħmlu attivitajiet oħra bħala impjegati jew ħaddiema għal rashom f'pajjiż ieħor.

Jekk taħdem fuq bastiment tal-baħar, tkun assigurat fil-pajjiż tal-bandiera li jtajjar dak il-bastiment, anke jekk tgħix f'pajjiż differenti. Tkun assigurat fil-pajjiż fejn tgħix jekk il-post irreġistrat tan-negozju ta' min iħaddmek jinsab hemmhekk ukoll, anke jekk dan ikun pajjiż differenti minn dak tal-bandiera tal-bastiment.

Jekk ma taħdimx, hemm żewġ sitwazzjonijiet possibbli:

  • Tirċievi benefiċċji fi flus minħabba l-attività tiegħek bħala impjegat jew persuna li taħdem għal rasha. F'dan il-każ, tibqa' suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn kont assigurat meta kont taħdem.
  • Ma tirċevix benefiċċji tas-sigurtà soċjali minn relazzjoni attwali jew preċedenti u m'intix attiv ekonomikament. F'dan il-każ, bħala persuna mhix attiva, int suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn tgħix. Jekk jogħġbok innota li f'xi pajjiżi l-aċċess għall-kopertura tas-sigurtà soċjali hu bbażat fuq ir-residenza, u f'oħrajn huma assigurati biss il-persuni li għandhom attività jew impjieg (u l-membri tal-familja tagħhom). Biex tkun taf dwar is-sitwazzjoni tiegħek, ikkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek.  >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni

Fil-prinċipju, bħala student li toqgħod temporanjament fil-pajjiż fejn tistudja, int meqjus li għadek tgħix u li int assigurat f'pajjiżek.

Dan ifisser li int intitolat għall-kura tas-saħħa neċessarja fil-pajjiż fejn qed tistudja jekk tippreżenta l-Kard Ewropea tal-Assigurazzjoni fuq is-Saħħa maħruġa mill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali ta' pajjiżek, qabel ma titlaq.

Jekk għal xi raġuni m'intix assigurat fil-pajjiż ta' oriġini tiegħek, għandek tikkuntattja l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż fejn qed tistudja biex jevalwaw is-sitwazzjoni tiegħek. Jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet li jiddeterminaw ir-residenza hemmhekk, tista' tkun kopert hemmhekk u mhux fil-pajjiż ta' oriġini tiegħek. >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni

Żewġ pajjiżi jew aktar jistgħu jipprovdu derogi nazzjonali għar-regoli tal-UE fuq ftehim komuni fl-interess tal-persuni, jew il-gruppi ta' persuni, ikkonċernati.

Dawn id-derogi normalment isiru każ b'każ, għalhekk għandek tikkuntattja l-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħek jekk għandek bżonn aktar informazzjoni. >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni

Post tar-residenza u post fejn taħdem

Il-pajjiż ta' residenza tiegħek hu l-post fejn tgħix normalment. Fi kliem ieħor, fejn jinsab iċ-"ċentru ta' interess" tiegħek.

Normalment, id-determinazzjoni tal-post ta' residenza tiegħek hi deċiżjoni nazzjonali. Hemm lista ta' kriterji biex tgħin lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jevalwaw liema pajjiż għandu jitqies bħala l-post ta' residenza tiegħek f'każ ta' opinjonijiet differenti bejn żewġ pajjiżi jew aktar. Il-kriterji jinkludu: kemm domt fuq it-territorju tal-pajjiżi kkonċernati; l-istatus u r-rabtiet ta' familtek; is-sitwazzjoni tal-akkomodazzjoni tiegħek u kemm hi permanenti; il-post fejn għandek attivitajiet professjonali jew bla lukru; il-karatterisitiċi tal-attività professjonali tiegħek; fejn tgħix għal raġunijiet ta' taxxa; fil-każ ta' studenti, is-sors tad-dħul tagħhom.

Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni dwar liema pajjiż għandu jitqies bħala l-post ta' residenza tiegħek issir mill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u mhux minnek. >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni

Jekk taħdem f'żewġ pajjiżi jew aktar, int assigurat fil-pajjiż ta' residenza jekk tagħmel "parti sostanzjali" tal-attività tiegħek hemmhekk. "Parti sostanzjali" tfisser tal-anqas 25% tal-ħin tax-xogħol u/jew tar-remunerazzjoni tiegħek, iżda jista' jkun hemm elementi rilevanti oħra kif ukoll is-sitwazzjoni ġenerali tiegħek.

Biex tiddetermina jekk tagħmilx "parti sostanzjali" tal-attività tiegħek fil-pajjiż ta' residenza tiegħek, trid tikkunsidra wkoll is-sitwazzjoni futura fuq it-12-il xahar sussegwenti. >> Niżżel il-gwida tagħna dwar l-issekondar

Jekk l-istituzzjonijiet fil-pajjiżi differenti ma jaqblux dwar liema leġiżlazzjoni ta' liema pajjiż għandha tapplika għas-sitwazzjoni tiegħek, ir-regoli tal-UE jiżguraw li temporanjament tapplika leġiżlazzjoni waħda biex tibqa' kopert.

Sadattant, l-istituzzjonijiet iridu jieħdu deċiżjoni. Jekk ma jistgħux jilħqu ftehim, jistgħu jużaw il-proċedura ta' djalogu u konċiljazzjoni. il-każ jista' jitressaq quddiem il-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali biex tieħu deċiżjoni.

Teżisti proċedura simili għall-għoti temporanju tal-benefiċċji. >> Għal aktar informazzjoni niżżel il-gwida dwar l-issekondar

Jekk taħdem f'żewġ pajjiżi jew aktar, għandek tinforma lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta' residenza tiegħek. L-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali hemmhekk jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli temporanjament għas-sitwazzjoni tiegħek u jinformaw lill-istituzzjonijiet tal-pajjiżi kollha fejn taħdem.

Il-leġiżlazzjoni temporanja tista' ssir definittiva fi żmien xahrejn, sakemm l-istituzzjonijiet l-oħra jaqblu. Jekk ma jaqblux jistgħu jużaw il-proċedura ta' djalogu u konċiljazzjoni (ara fuq).

X'se jinbidel bir-regoli ta' koordinazzjoni l-ġodda

Jekk, minħabba r-regolamenti tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali l-ġodda, issir suġġett għal-leġiżlazzjoni ta' pajjiż differenti, tapplika l-leġiżlazzjoni preċedenti sakemm is-sitwazzjoni tiegħek tibqa' l-istess, iżda għal massimu ta' 10 snin.

Jekk tixtieq, tista' titlob li ssir suġġett għal-leġiżlazzjoni applikabbli taħt ir-reġolamenti l-ġodda. >> Uża d-direttorju tagħna biex issib il-kuntatt ta' istituzzjoni

Anke taħt ir-regolamenti tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-issekondar jibqa' jitqies bħala eżenzjoni limitata fil-ħin mir-regola ġenerali li għandek tkun assigurat fil-pajjiż fejn taħdem.

Għalhekk, il-perjodu tal-issekondar użat taħt ir-regoli l-antiki se jitqies u jitnaqqas mil-limitu ta' żmien ta' 24 xahar għall-issekondar ipprovdut bir-regolamenti l-ġodda.

Bir-regoli tal-koordinazzjoni mmodernizzata, mill-1 ta' Mejju 2010, ir-regoli speċjali għall-ħaddiema fis-settur tat-trasport ma baqgħux jeżistu: japplikaw l-istess regoli għall-persuni kollha li jagħmlu attivitajiet f'żewġ pajjiżi jew aktar.

Madankollu, għal setturi li jinvolvu ħafna ċaqliq, il-Kummissjoni Amministrattiva għall-koordinazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali tapplika regoli interpretattivi speċjali biex tipprovdi għajnuna għal min iħaddem u għall-impjegati biex jiddeterminaw liema leġiżlazzjoni hi applikabbli u għal-liema perjodu ta' żmien. >> Ara l-paġni dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE

Jekk ma jinbidel xejn aktar fis-sitwazzjoni tiegħek, min iħaddmek jista' jitlob E101 ġdida lill-istituzzjoni tas-sigurtà soċjali kompetenti. Madankollu, jekk titlob li tkun suġġett għal-leġiżlazzjoni taħt ir-regolamenti l-ġodda, min iħaddmek ikollu jitlob għad-dokument portabbli A1, li jieħu post l-E101 taħt ir-regolamenti l-ġodda.

Aħbarijiet relatati

Ebda aħbar relatata fl-aħħar sitt xhur.

Ixxerja din il-paġna