Statistics Explained

Archive:Statistika dwar l-ekonomija u s-soċjetà diġitali - unitajiet domestiċi u individwi


L-estrazzjoni tad-data saret f’Settembru 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artikolu: Diċembru 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 26 August 2021.


Highlights

Sal-2019, is-sehem tal-unitajiet domestiċi tal-EU-27 b’aċċess għall-internet żdied għal 90 %, xi 26 punt perċentwali aktar mill-2009 (64 %).

L-aċċess għall-internet broadband intuża minn 88 % tal-unitajiet domestiċi fl-EU-27 fl-2019, bi 33 punt perċentwali aktar mill-2009 (55 %).

Il-proporzjon ta’ individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena fl-EU-27 li ordnaw jew xtraw oġġetti jew servizzi bl-internet għall-użu privat kien ta’ 60 % fl-2019, jiġifieri 14-il punt perċentwali aktar mill-2014 (46 %).

[[File:Digital_economy_and_society_-_households_and_individuals-interactive_FP2020-MT.xlsx]]

Aċċess għall-internet tal-unitajiet domestiċi, l-2014 u l-2019


Dan l-artiklu jippreżenta data statistika riċenti dwar diversi aspetti differenti digital tas-soċjetà u l-ekonomija diġitali fl-Unjoni Ewropea (UE), billi jiffoka fuq id-disponibbiltà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) u l-użu tagħhom minn individwi u fl-unitajiet domestiċi.

L-ICTs jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tan-nies b’ħafna modi, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fid-dar, pereżempju, meta jikkomunikaw jew jixtru prodotti jew servizzi online. Il-politiki tal-UE jvarjaw minn regolamentazzjoni ta’ oqsma sħaħ bħall-kummerċ elettroniku sa li jippruvaw jipproteġu l-privatezza tal-individwu. Għalhekk, l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni huwa meqjus minn ħafna bħala kruċjali biex jiġu pprovduti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-promozzjoni ta’ ekonomija moderna u kompetittiva.

Full article

Aċċess għall-internet

L-ICTs saru disponibbli sew għall-pubbliku ġenerali, kemm f’termini ta’ aċċessibbltà kif ukoll ta’ kost. Fl-2007 kien hemm kisba partikolari, meta l-maġġoranza (53 %) tal-unitajiet domestiċi fl-EU-27 kellhom aċċess għall-internet. Dan il-proporzjon kompla jiżdied, u qabeż it-tliet kwarti fl-2012 u l-erbgħa minn kull ħamsa fl-2014. Sal-2019, is-sehem ta’ unitajiet domestiċi tal-EU-27 b’aċċess għall-internet żdied għal 90 %, xi 26 punt perċentwali aktar mill-2009.

L-aċċess mifrux u affordabbli għall-broadband hu wieħed mill-mezzi għall-promozzjoni ta’ soċjetà tal-għarfien u tal-informazzjoni. Il-broadband bla dubju kien l-aktar forma komuni ta’ aċċess għall-internet fl-Istati Membri kollha tal-EU-27: dan intuża minn 88 % tal-unitajiet domestiċi tal-EU-27 fl-2019, jiġifieri 33 punt perċentwali aktar mis-sehem irreġistrat fl-2009 (55 %) — ara l-Figura 1.

Figura 1: Aċċess għall-internet u konnessjonijiet tal-internet broadband tal-unitajiet domestiċi, EU-27, 2009-2019
(% tal-unitajiet domestiċi kollha)
Sors: il-Eurostat (isoc_ci_in_h) u (isoc_ci_it_h)

L-ogħla proporzjon (98 %) ta’ unitajiet domestiċi b’aċċess għall-internet fl-2019 ġie rreġistrat fin-Netherlands (ara l-Figura 2), filwaqt li l-Iżvezja, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Lussemburgu, il-Finlandja, l-Irlanda u Spanja wkoll irrappurtaw li aktar minn 9 minn kull 10 unitajiet domestiċi kellhom aċċess għall-internet. L-aktar rata baxxa ta’ aċċess għall-internet fost l-Istati Membri tal-EU-27 ġiet osservata fil-Bulgarija (75 %). Iżda l-Bulgarija — flimkien mar-Rumanija, Ċipru, Spanja, il-Portugall u l-Litwanja — irreġistrat espansjoni rapida fil-proporzjon tagħha ta’ unitajiet domestiċi b’aċċess għall-internet, b’żidiet fil-medda ta’ 16-23 punt perċentwali bejn l-2014 u l-2019. Kif mistenni, ġiet irreġistrata stabbiltà relattiva f’diversi Stati Membri fejn l-aċċess għall-internet fl-unitajiet domestiċi kien diġà qrib is-saturazzjoni fl-2014, bħal-Lussemburgu, in-Netherlands u d-Danimarka; dan kien ukoll il-każ fl-Iżlanda u fin-Norveġja.

Figura 2: L-aċċess għall-internet tal-unitajiet domestiċi, 2014 u 2019
(% tal-unitajiet domestiċi kollha)
Sors: il-Eurostat (isoc_ci_in_h)

Il-Figura 3 turi li, sa ċertu punt, hemm disrepanza urbana rurali fi ħdan l-EU-27 fejn jidħol l-aċċess għall-internet. Filwaqt li l-unitajiet domestiċi fil-bliet kif ukoll fl-irħula u fis-subborgi kellhom rati ta’ aċċess komparattivament għoljin — 92 % fil-bliet u 89 % fl-irħula u fis-subborgi — l-aċċess għall-internet kien xi ftit aktar baxx fiż-żoni rurali (86 %). F’19-il Stat Membru tal-EU-27, il-proporzjon ta’ unitajiet domestiċi fiż-żoni rurali b’aċċess għall-internet kien aktar baxx mill-proporzjonijiet ekwivalenti ta’ unitajiet domestiċi fil-bliet jew fl-irħula u fis-subborgi. Id-diskrepanza bejn iż-żoni rurali u ż-żewġ tipi l-oħra ta’ żoni kienet partikolarment b’saħħitha fil-Greċja, fil-Bulgarija, fil-Portugall, fis-Slovenja u fir-Rumanija, li lkoll għandhom livell kumplessiv aktar baxx ta’ aċċess għall-internet mill-medja tal-EU-27. Fil-Ġermanja, is-sehem ta’ unitajiet domestiċi b’aċċess għall-internet kien identiku fit-tliet gradi differenti ta’ urbanizzazzjoni, u għan-Netherlands u d-Danimarka, kważi identiċi (punt perċentwali aktar baxx fl-irħula u fis-subburgi fin-Netherlands u punt perċentwali ogħla fil-bliet fid-Danimarka). Fil-Belġju u f’Malta, l-irħula u s-subborgi rreġistraw l-ogħla livell ta’ aċċess għall-internet, u anki fis-Slovenja, fejn il-proporzjon ta’ unitajiet domestiċi fil-bliet u fiż-żoni rurali kien identiku. Eċċezzjonijiet oħra kienu l-Estonja, Franza u l-Lussemburgu, fejn l-ogħla livell ta’ aċċess għall-internet kien irreġistrat fil-bliet, iżda dak l-aktar baxx kien irreġistrat fl-irħula u fis-subborgi (aktar milli fiż-żoni rurali), u fl-Iżvezja fejn l-ogħla livell ta’ aċċess għall-internet ġie rreġistrat fiż-żoni rurali.

Figura 3: Aċċess għall-internet fl-unitajiet domestiċi skont il-grad ta’ urbanizzazzjoni, 2019
(% tal-unitajiet domestiċi kollha)
Sors: il-Eurostat (isoc_ci_in_h)

Użu tal-internet

Mill-bidu tal-2019, sitta minn kull seba’ individwi (86 %) fl-EU-27, li għandhom bejn 16 u 74 sena, użaw l-internet (mill-anqas darba fit-tliet xhur qabel id-data tal-istħarriġ). Dan is-sehem kien mill-inqas 90 % f’għaxar pajjiżi, bl-ogħla valuri rreġistrati fl-Iżvezja (98 %) u fid-Danimarka (97 %). F’paragun, madwar erbgħa minn kull ħames individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena użaw l-internet fil-Kroazja (79 %), filwaqt li dan is-sehem kien madwar tliet kwarti fl-Italja (76 %), fil-Greċja (76 %), fil-Portugall (75 %) u fir-Rumanija (74 %). L-inqas sehem, kemxejn ogħla minn żewġ terzi, ġie rreġistrat fil-Bulgarija (68 %).

Il-proporzjon tal-popolazzjoni tal-EU-27 li qatt ma uża l-internet kien 10 % fl-2019 (żewġ punti perċentwali aktar baxxi mis-sena ta’ qabel), b’dan is-sehem jinżel għal madwar terz tal-livell tiegħu fl-2009 (meta kien 32 %).

Fl-2019, aktar minn tliet kwarti (77 %) tal-individwi fl-EU-27 aċċessaw l-internet kuljum — ara l-Figura 4 — b’7 % oħra jużawh tal-anqas darba fil-ġimgħa (iżda mhux kuljum). Fil-fatt, 84 % tal-individwi kienu utenti regolari tal-internet (mill-anqas darba fil-ġimgħa). Il-proporzjon ta’ utenti li jużaw l-internet kuljum fost l-utenti kollha tal-internet (li kienu użaw l-internet fit-tliet xhur ta’ qabel) laħaq medja ta’ 90 % fl-EU-27 u varja madwar l-Istati Membri tal-EU-27 minn 77 % fir-Rumanija sa aktar minn 90 % f’erbatax-il Stat Membru, b’massimu ta’ 96 % fl-Italja, f’Malta u fin-Netherlands. L-Iżlanda (98 %) irrappurtat sehem saħansitra ogħla ta’ utenti li jużaw l-internet kuljum fost l-utenti kollha tal-internet.

Figura 4: Frekwenza tal-użu tal-internet, 2019
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: il-Eurostat (isoc_ci_ifp_iu) u (isoc_ci_ifp_fu)

Il-Figura 5 tanalizza l-użu tal-internet waqt ċaqliq minn post għall-ieħor, fi kliem ieħor bħal meta l-persuna tkun bogħod mid-dar jew fuq ix-xogħol, pereżempju, u tuża l-internet fuq il-kompjuter portabbli jew apparat tal-id b’konnessjoni mobbli jew mingħajr fili. Il-Figura tqabbel id-data tal-2014, meta 48 % tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena fl-EU-27 użaw apparat mobbli biex jaqbdu mal-internet, mad-data tal-2019, meta dan is-sehem żdied għal 73 %. L-aktar apparat mobbli komuni għall-konnessjonijiet mal-internet kienu t-telefons ċellulari jew l-ismartphones, il-laptops u l-kompjuters tablet.

L-Iżvezja, id-Danimarka, in-Netherlands, Spanja, il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Irlanda, l-Awstrija u Franza rreġistraw l-ogħla proporzjonijiet ta’ użu tal-internet mobbli fl-2019, b’aktar minn erba’ minn kull ħames individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena li użaw l-internet waqt li kienu qed jiċċaqilqu minn post għall-ieħor, b’massimu ta’ 93 % fl-Iżvezja, li għandha l-istess pożizzjoni bħan-Norveġja; B’paragun ma' dan, bejn 63 % u 70 % tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena fil-Portugall, fil-Greċja, fil-Bulgarija, fil-Latvja, fir-Rumanija u fil-Litwanja użaw l-internet ’il bogħod mid-dar jew mix-xogħol, b’dan il-proporzjon jilħaq l-aktar livell baxx ta’ 59 % fil-Polonja u ta’ 50 % fl-Italja.

Figura 5: Individwi li użaw kompjuter jew apparat portabbli għall-aċċess għall-internet ’il bogħod mid-dar jew mix-xogħol, 2014 u 2019
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: il-Eurostat (isoc_ci_im_i)

Fl-2019, waħda mill-attivitajiet online l-aktar komuni fl-EU-27 kienet il-parteċipazzjoni fin-netwerking soċjali, ara l-Figura 6. Aktar minn nofs (54 %) l-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena użaw l-internet għan-netwerking soċjali (pereżempju, użaw siti bħal Facebook, Twitter, Instagram jew Snapchat). Bejn 71 % u 76 % tal-persuni fil-Belġju, f’Ċipru, fl-Iżvezja u f’Malta użaw siti ta’ netwerking soċjali, u dan is-sehem laħaq massimu ta’ 81 % fid-Danimarka, filwaqt li dan żdied b’mod konsiderevoli fl-Iżlanda (92 %) u fin-Norveġja (86 %). Fl-estrem l-ieħor, kien hemm żewġ Stati Membri tal-EU-27 li anqas minn nofs in-nies użaw dawn is-siti, jiġifieri l-Italja u Franza (it-tnejn 42 %).

Figura 6: Individwi li użaw l-internet biex jieħdu sehem fin-netwerking soċjali, 2019
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: il-Eurostat (isoc_ci_ac_i)

Privatezza u protezzjoni tal-identità personali (stħarriġ tal-2016)

Jistgħu jiġu osservati disparitajiet bejn l-Istati Membri tal-EU-27 fil-mod kif l-utenti tal-internet immaniġġaw l-aċċess għall-informazzjoni personali tagħhom fuq l-internet fl-2016. Ftit inqas minn terz (31 %) tal-utenti tal-internet tal-EU-27 ma tawx informazzjoni personali fuq l-internet, sehem li varja minn 8 % biss fil-Lussemburgu għal nofs jew aktar fil-Bulgarija, fil-Portugall u fir-Rumanija (ara l-Figura 7). Fil-fatt, aktar minn 69 % tal-utenti tal-internet tal-EU-27 taw xi tip ta’ informazzjoni personali online, u ħafna minnhom ħadu xi tip ta’ azzjoni biex jiġi kkontrollat l-aċċess għal din l-informazzjoni personali fuq l-internet. Kważi nofs (45 %) l-utenti kollha tal-internet irrifjutaw li jippermettu l-użu ta’ informazzjoni personali għar-reklamar u ftit anqas minn tnejn minn kull ħamsa (38 %) limitaw l-aċċess għall-profil jew il-kontenut tagħhom fuq is-siti tan-netwerking soċjali. Barra minn hekk, aktar minn terz (36 %) tal-utenti tal-internet qraw id-dikjarazzjonijiet tal-politika tal-privatezza qabel ma pprovdew informazzjoni personali, filwaqt li ftit anqas minn terz (30 %) limitaw l-aċċess għall-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

Figura 7: Individwi li ma taw l-ebda informazzjoni personali fuq l-internet, 2016
(% tal-individwi li użaw l-internet fl-aħħar sena)
Sors: il-Eurostat (isoc_cisci_prv)

Fl-2016, madwar 71 % tan-nies li għandhom bejn 16 u 74 sena fl-EU-27, li kienu użaw l-internet fit-12-il xahar ta’ qabel kienu jafu li l-cookies jistgħu jintużaw biex jintraċċaw l-attivitajiet online tan-nies. Il-livell ta’ sensibbiltà ta’ din il-kwistjoni kien ftit ogħla (76 %) fost l-utenti żgħażagħ (li għandhom bejn 16 u 24 sena) u aktar baxx (65 %) fost l-utenti anzjani (li għandhom bejn 55 u 74 sena). Ftit aktar minn terz (34 %) tal-utenti li għandhom bejn 16 u 74 sena rrappurtaw li kienu bidlu l-kunfigurazzjonijiet tal-brawżer tal-internet tagħhom biex jipprevjenu jew jillimitaw l-użu tal-cookies (ara l-Figura 8).

Fost l-Istati Membri tal-EU-27, l-utenti tal-internet fin-Netherlands (89 %), fil-Ġermanja u fil-Finlandja (it-tnejn 85 %) kellhom l-akbar sensibbilizzazzjoni li l-cookies jistgħu jintużaw biex jintraċċaw l-attivitajiet tagħhom online. Il-livell ta’ sensibbilizzazzjoni kien ukoll għoli fid-Danimarka (81 %), fil-Kroazja (78 %), fl-Italja (77 %), fil-Lussemburgu u fl-Awstrija (it-tnejn 76 %). B’kuntrast, anqas minn nofs l-utenti tal-internet kienu konxji minn dan fir-Rumanija (38 %), fil-Latvja (47 %) u f’Ċipru (48 %); ġie rrappurtat ukoll livell baxx ta’ sensibbilizzazzjoni fit-Turkija u fil-Maċedonja ta’ Fuq (it-tnejn 30 %). Il-proporzjon ta’ utenti tal-internet li kienu bidlu l-kunfigurazzjonijiet tal-brawżer tal-internet tagħhom biex jevitaw jew jillimitaw l-użu tal-cookies qabeż in-nofs fi Stat Membru wieħed biss, jiġifieri fil-Lussemburgu (54 %). Min-naħa l-oħra, anqas minn kwinta tal-utenti tal-internet ħadu xi azzjoni bħal din fiċ-Ċekja, fir-Rumanija, fil-Bulgarija, f’Ċipru u fil-Latvja, kif kien ukoll il-każ fit-Turkija.

Figura 8: L-użu tal-cookies u l-kunfigurazzjonijiet tal-brawżer, 2016
(% tal-individwi li użaw l-internet fl-aħħar sena)
Sors: il-Eurostat (isoc_cisci_prv)

Ordni jew xiri ta’ oġġetti u servizzi

Il-proporzjon ta’ individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena fl-EU-27 li ordnaw jew xtraw oġġetti jew servizzi bl-internet għall-użu privat kompla jiżdied: Fl-2019, dan kien 60 %, jiġifieri żieda ta’ 14-il punt perċentwali meta mqabbel mal-2014 (ara l-Figura 9). Fl-2019, aktar minn tliet kwarti jew aktar tal-individwi fil-Ġermanja ordnaw jew xtraw oġġetti jew servizzi bl-internet u dan is-sehem laħaq tal-anqas erbgħa minn kull ħamsra fin-Netherlands (81 %), fl-Iżvezja (82 %) u fid-Danimarka (84 %). B’kuntrast, dan il-proporzjon kien l-aktar baxx fir-Rumanija (23 %) u fil-Bulgarija (22 %).

Minbarra l-ħames Stati Membri tal-EU-27 li rrappurtaw waqfa fis-serje — l-Estonja, il-Latvja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u l-Iżvezja — l-akbar żieda fil-proporzjon ta’ individwi li ordnaw jew xtraw oġġetti jew servizzi bl-internet bejn l-2014 u l-2019 kienet osservata fil-Litwanja (żieda ta’ 22 punt perċentwali), u mbagħad fiċ-Ċekja u fi Spanja (żieda ta’ 21 punt perċentwali). Mhux sorprendenti li wħud mill-iżgħar żidiet (sa 5 jew 7 punti perċentwali) kienu osservati fil-Finlandja, fid-Danimarka u fl-Iżvezja fejn il-perċentwali ta’ individwi li jordnaw jew jixtru oġġetti jew servizzi online kienu diġà relattivament għoljin meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħra; dan kien ukoll il-każ fir-Renju Unit u fin-Norveġja. Iżda s-sehem ta’ individwi li jordnaw oġġetti jew servizzi bl-internet żdied ukoll b’pass relattivament modest f’Malta u fi Franza (it-tnejn bi 8 punti perċentwali).

Figura 9: Individwi li ordnaw oġġetti jew servizzi bl-internet għall-użu privat fit-12-il xahar qabel l-istħarriġ, 2014 u 2019
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: il-Eurostat (isoc_ec_ibuy)

Servizzi ordnati minn individwi oħra bl-internet

Fl-2019, is-sehem ta’ individwi (li għandhom bejn 16 u 74 sena) fl-EU-27 li użaw kwalunkwe sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal akkomodazzjoni minn individwu (privat) ieħor tul it-12-il xahar preċedenti kien ta’ 21 %. Dan il-proporzjon varja mill-ogħla livell ta’ 46 % fil-Lussemburgu u tal-anqas kwart tat-total fl-Irlanda, f’Malta u fil-Belġju, sa anqas minn 1 minn 10 individwi f’seba’ Stati Membri tal-EU-27, bl-aktar ishma baxxi rreġistrati fil-Bulgarija fir-Rumanija u fis-Slovenja (ilkoll 9 %), fil-Latvja (8 %), fiċ-Ċekja u f’Ċipru (it-tnejn 5 %). L-ibbukkjar tal-akkomodazzjoni online minn individwi privati oħra kien aktar komuni fost persuni ta’ età medja (li għandhom bejn 25 u 54 sena) milli kien fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa (bejn 16 u 24 sena) jew anzjana (bejn 55 u 74 sena). Ħafna minn dawn is-servizzi kienu ordnati permezz ta’ siti web jew applikazzjonijiet dedikati, li jaġixxu bħala intermedjarji, u li jippermettu lil individwi privati jaqsmu l-aċċess għas-servizzi ta’ akkomodazzjoni — eżempji jinkludu Airbnb, Lovehomeswap jew Couchsurfing.

Figura 10: Individwi li użaw xi sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal akkomodazzjoni minn individwu ieħor fit-12-il xahar qabel l-istħarriġ, 2019
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: il-Eurostat (isoc_ci_ce_i)

Analiżi simili hi ppreżentata fil¬Figure 11, li turi s-sehem ta’ individwi li użaw xi sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal servizz tat-trasport minn individwu ieħor. Dan it-tip ta’ servizz kien ġeneralment anqas komuni mill-arranġamenti għal akkomodazzjoni, iżda għal darb’oħra twettaq permezz ta’ siti web u applikazzjonijiet dedikati (pereżempju, Liftshare, UberPool jew Wundercar); l-użu medju li sar minn dawn it-tipi ta’ servizzi madwar l-EU-27 minn individwi (li għandhom bejn 16 u 74 sena) kien 8 %. Fost l-Istati Membri tal-EU-27, is-sehem ta’ individwi li użaw xi sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal servizz tat-trasport fl-2019 laħaq l-ogħla livell fl-Estonja (b’29 %). Kienet xi ħaġa komuni li anqas minn 1 minn kull 10 individwi użaw sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal servizzi tat-trasport; tabilħaqq, din is-sitwazzjoni ġiet osservata fi 18-il Stat Membru. L-ibbukkjar għat-trasport online minn individwi oħra kellu t-tendenza li jkun aktar komuni fost iż-żgħażagħ (ta’ bejn 16 u 24 sena) milli fost l-anzjani.

Figura 11: Individwi li użaw xi sit web jew applikazzjoni biex jagħmlu arranġamenti għal servizz tat-trasport minn individwu ieħor fit-12-il xahar qabel l-istħarriġ, 2019
(% tal-individwi li għandhom bejn 16 u 74 sena)
Sors: il-Eurostat (isoc_ci_ce_i)

Sors tad-data għat-tabelli u l-figuri (MS Excel)

Sorsi tad-data

Il-bidla teknoloġika rapida f’oqsma relatati mal-internet u applikazzjonijiet ġodda oħra tal-ICTs huma ta’ sfida għall-istatistika. Fil-fatt, kien hemm livell konsiderevoli ta’ żvilupp f’dan il-qasam, b’għodod tal-istatistika li ġew adattati biex jissodisfaw id-domandi l-ġodda għad-data. Sewwasew, l-istatistika f'dan id-dominju hija rivvalutata fuq bażi annwali biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-utenti u jiġi rifless il-pass mgħaġġel tal-bidla.

Dan l-approċċ hu rreplikat fl-istħarriġ dwar l-użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u mill-individwi tal-Eurostat. Dan l-istħarriġ annwali jintuża biex jiġu mqabbla l-iżviluppi xprunati mill-ICT, kemm billi jiġu segwiti l-iżviluppi għall-varjabbli ewlenin matul iż-żmien kif ukoll billi tingħata ħarsa aktar fil-fond lejn aspetti oħra f’waqt speċifiku. Filwaqt li l-istħarriġ inizjalment ikkonċentra fuq kwistjonijiet ta’ aċċess u ta’ konnettività, l-ambitu tiegħu sussegwentement ġie estiż biex ikopri varjetà ta’ suġġetti (pereżempju l-gvern elettroniku u l-kummerċ elettroniku) u l-analiżi soċjoekonomika (bħad-diversità reġjonali, l-ispeċifiċità tasl-ġeneri, id-differenzi fl-età, l-edukazzjoni u s-sitwazzjoni fl-impjieg). L-ambitu tal-istħarriġ fir-rigward tat-teknoloġiji differenti hu adattat ukoll biex ikopri gruppi ġodda ta’ prodotti u mezzi biex jitwasslu teknoloġiji ta’ komunikazzjoni lill-utenti finali (bħall-introduzzjoni ta’ mistoqsijiet ġodda dwar akkomodazzjoni jew servizzi tat-trasport peer-to-peer online fl-2017).

Il-perjodu ta’ referenza għall-istħarriġ dwar l-użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u minn individwi huwa fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-ewwel trimestru ta’ kull sena; fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-istħarriġ isir fit-tieni trimestru ta’ kull sena. Ta’ min jinnota li l-modulu dwar il-privatezza u l-protezzjoni tal-identità personali fforma parti mill-istħarriġ tal-2016 (iżda ma ġiex ripetut fl-2017, fl-2018 u fl-2019).

Kopertura u definizzjonijiet

L-istħarriġ dwar l-ICT fl-unitajiet domestiċi jkopri dawk l-unitajiet domestiċi li għandhom tal-anqas membru wieħed fil-grupp ta’ età ta’ bejn 16 u 74 sena. L-aċċess għall-internet tal-unitajiet domestiċi jirreferi għall-perċentwal ta’ unitajiet domestiċi li għandhom aċċess għall-internet, biex kull persuna fl-unità domestika tkun tista’ tuża l-internet mid-dar, jekk tkun tixtieq dan, anke sempliċement biex tibgħat email.

L-utenti tal-internet huma definiti bħala l-individwi kollha li għandhom bejn 16 u 74 sena li kienu użaw l-internet fit-tliet xhur ta’ qabel l-istħarriġ. L-utenti regolari tal-internet huma individwi li użaw l-internet, bħala medja, tal-anqas darba fil-ġimgħa fit-tliet xhur qabel l-istħarriġ.

It-teknoloġiji bil-fili li jintużaw l-aktar għall-aċċess għall-internet jinqasmu bejn il-broadband u l-aċċess bid-dial-up permezz ta’ linja tat-telefon normali jew ISDN. Il-broadband jinkludi linji diġitali tal-abbonati (DSL) u juża teknoloġija li tittrasporta d-data b’veloċitajiet għoljin. Il-linji tal-broadband huma definiti li għandhom livell ta’ kapaċità ogħla minn ISDN, jiġifieri daqs jew aktar minn 144 kbit/s. Apparati popolari biex jiġi aċċessat l-internet mid-dar jinkludi kompjuters desktop u portabbli, filwaqt li aktar reċentement kien hemm espansjoni f’teknoloġiji oħra attivati għall-internet.

L-użu tal-internet bil-mowbajl huwa definit bħala l-użu tal-internet ’il bogħod mid-dar jew mix-xogħol fuq kompjuters jew apparat portabbli tramite netwerks tat-telefon ċellulari jew konnessjonijiet bla fili.

L-ordni ta’ oġġetti u servizzi minn individwi jirreferi għall-perjodu ta’ 12-il xahar qabel l-istħarriġ u jinkludi riżervazzjonijiet ikkonfermati għall-akkomodazzjoni jew l-ivvjaġġar, ix-xiri ta’ investimenti finanzjarji, servizzi ta’ telekomunikazzjoni, logħob vidjo jew softwer, kif ukoll servizzi ta’ informazzjoni mill-internet li tħallas għalihom direttament. Prodotti u servizzi li jinkisbu b’xejn permezz tal-internet huma esklużi. Huma esklużi wkoll ordnijiet li jsiru permezz ta’ emails ittajpjati manwalment, SMS jew MMS.

Kuntest

F’Mejju 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija għal suq uniku diġitali (COM(2015) 192 final) bħala waħda mill-10 prijoritajiet politiċi ewlenin tagħha. L-istrateġija kellha 16-il inizjattiva li koprew tliet pilastri wiesa’: il-promozzjoni ta’ aċċess online aħjar għall-prodotti u s-servizzi madwar l-Ewropa; it-tfassil tal-aqwa ambjent għall-iżvilupp ta’ netwerks u servizzi diġitali; l-iżgurar li l-ekonomija u l-industrija Ewropej iġawdu vantaġġ sħiħ mill-ekonomija diġitali bħala mutur potenzjali għat-tkabbir. In the Fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea tal-2017 It-twettiq bil-fatti ta’ Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi (COM(2016) 710), il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-proposti li diġà kienu tressqu jitmexxew ’il quddiem malajr u li jsir rieżami tal-progress li sar lejn it-tlestija tas-suq uniku diġitali.

It-teknoloġiji tal-broadband huma meqjusa bħala importanti fil-kejl tal-aċċess għall-internet u l-użu tiegħu, billi dawn joffru lill-utenti l-possibbiltà li jittrasferixxu malajr volumi kbar ta’ data u li jżommu l-linji ta’ aċċess miftuħa. Sewwasew, l-adozzjoni ta’ broadband b’veloċità għolja u superfast hija kkunsidrata bħala indikatur ewlieni fid-dominju tat-tfassil tal-politika tal-ICT. Filwaqt li l-linji diġitali tal-abbonati (DSL) jibqgħu l-forma ewlenija ta’ twassil għat-teknoloġija tal-broadband fl-UE, alternattivi bħall-kejbil, is-satellita, il-fibrottika u l-linji lokali bla fili qed jinfirxu aktar.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem fuq għadd ta’ inizjattivi biex tagħti spinta lill-ħiliet fl-ICT fil-forza tax-xogħol, bħala parti minn aġenda usa’ għal aġġornament f'ħiliet aħjar, billi tantiċipa d-domanda għall-ħiliet u tqabbel il-provvista tal-ħiliet mad-domanda. Biex tiżdied il-provvista ta’ speċjalisti tal-ICT, il-Kummissjoni Ewropea varat Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali, sħubija għall-UE kollha li tfittex li tuża fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej biex ittaffi d-diffikultajiet relatati mar-reklutaġġ ta’ speċjalisti tal-ICT.

Fl-10 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat Aġenda ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa bil-għan li tippromwovi għadd ta’ azzjonijiet ħalli jkun żgurat li n-nies fl-UE jkollhom disponibbli taħriġ, ħiliet u appoġġ adattati biex ikollhom il-ħiliet meħtieġa fl-ambjent tax-xogħol modern, inkluż il-promozzjoni tal-ħiliet diġitali.

Il-Kummissjoni Ewropea wettqet rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija għal suq uniku diġitali (COM(2017) 228 final) fl-2017 li kkonferma li żewġ terzi tal-Ewropej dehrilhom li l-introduzzjoni tal-aktar teknoloġiji diġitali riċenti ħalliet impatt pożittiv fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u fuq ħajjithom stess. Ir-rieżami identifika wkoll tliet sfidi emerġenti:

  • li jkun żgurat li l-pjattaformi online jkomplu jġibu benefiċċju għall-ekonomija u s-soċjetà — il-qtugħ tal-kontenut illegali online u l-inkoraġġiment ta’ responsabbiltà msaħħa fost il-fornituri tal-pjattaformi online;
  • li jissawwar il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija tad-data Ewropea — pereżempju, billi jsiru proposti għall-fluss liberu tad-data mhux personali fl-UE; kif ukoll
  • li jitħarsu l-assi tal-Ewropa billi jiġu indirizzati l-isfidi taċ-ċibersigurtà — inkluż pjan ta’ azzjoni għal rispons rapidu ta’ emerġenza f’każ ta’ inċident ċibernetiku fuq skala kbira.

Fl-2019, il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, spjegat kif xtaqet li l-UE taħtaf l-opportunitajiet li tipprovdi l-era diġitali. Fil-fatt, Ewropa lesta għall-era diġitali hi waħda mis-sitt prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-perjodu 2019-2024. Din it-trasformazzjoni diġitali hi bbażata fuq il-premessa li t-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet diġitali għandhom: jiftħu opportunitajiet ġodda għan-negozji; jagħtu spinta lill-iżvilupp ta’ teknoloġija affidabbli; irawmu soċjetà miftuħa u demokratika; jippermettu ekonomija vibranti u sostenibbli; u jgħinu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. B’dan il-ħsieb, fi Frar 2020 il-Kummissjoni Ewropea adottat preżentazzjoni ġenerali tal-ideat u l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa , kif ukoll proposti speċifiċi b’rabta ma’:

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u mill-individwi (t_isoc_i)
Użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u mill-individwi (isoc_i)
Konnessjoni mal-Internet u l-użu tal-kompjuter (isoc_ici)
Unitajiet domestiċi - livell ta’ aċċess għall-internet (isoc_ci_in_h)
Unitajiet domestiċi - tip ta’ konnessjoni mal-internet (isoc_ci_it_h)
Individwi - aċċess għall-internet mobbli (isoc_ci_im_i)
Użu tal-internet (isoc_iiu)
Individwi - użu tal-internet (isoc_ci_ifp_iu)
Individwi - frekwenza tal-użu tal-internet (isoc_ci_ifp_fu)
Individwi - użu tal-ekonomija kollaborattiva (sal-2019) (isoc_ci_ce_i)
Kummerċ elettroniku (isoc_iec)
Xiri bl-internet mill-individwi (sal-2019) (isoc_ec_ibuy)
Fiduċja, sigurtà u privatezza fl-ICT (isoc_ci_sci)
Privatezza u protezzjoni tal-identità personali (stħarriġ tal-2016) (isoc_cisci_prv)