EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0426

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”)

COM/2019/426 final

Brussell, 25.9.2019

COM(2019) 426 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”)

{SWD(2019) 337 final}


1.Introduzzjoni

1.1.Id-Direttiva

Il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern fl-Unjoni Ewropea mnaqqxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE). Id-Direttiva 96/71/KE dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema 1 (kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/957 2 3 ) (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema”) timplimenta dawk il-prinċipji bl-għan li tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema.

Id-Direttiva ta’ Infurzar 2014/67/UE 4 (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”) tistabbilixxi qafas komuni ta’ sett ta’ dispożizzjonijiet, miżuri u mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa meħtieġa għal implimentazzjoni, applikazzjoni u infurzar aħjar u aktar uniformi fil-prattika tad-Direttiva 96/71/KE.

1.2.Ir-rapport

L-Artikolu 24 tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrevedi l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva biex tippreżenta rapport u tipproponi, fejn xieraq, l-emendi meħtieġa mhux aktar tard mit-18 ta’ Ġunju 2019. Hija tispeċifika ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva li jridu jiġu vvalutati b’mod partikolari, jiġifieri dawk imsemmija fl-Artikolu 4 (dwar l-identifikazzjoni ta’ stazzjonar ġenwin u l-prevenzjoni tal-abbuż u l-evażjoni tar-regoli), fl-Artikolu 6 (dwar l-għajnuna reċiproka), fl-Artikolu 9 (dwar rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll), fl-Artikolu 12 (dwar ir-responsabbiltà tas-sottokuntrattar) u fil-Kapitolu VI (dwar l-infurzar transfruntier ta’ penali u/jew multi amministrattivi finanzjarji) kif ukoll l-adegwatezza tad-data disponibbli u l-użu ta’ ftehimiet jew arranġamenti bilaterali relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern. Minbarra dawn il-kwistjonijiet, ir-rapport iħares ukoll lejn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva. Sa fejn tippermetti l-informazzjoni disponibbli, ir-rapport jirrifletti wkoll fuq l-effettività fil-prattika tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri. Barra minn hekk, jesplora l-ħtieġa ta’ kwalunkwe emenda għad-Direttiva.

Ir-rapport huwa miktub abbażi ta’ informazzjoni dwar il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva li l-Istati Membri kkomunikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 5 . Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-membri (esperti nazzjonali) u lill-osservaturi (esperti mill-pajjiżi taż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u s-sħab soċjali Ewropej) tal-Kumitat Espert dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema 6 billi bagħtitilhom kwestjonarju (minn hawn ’il quddiem il-kwestjonarju) u l-abbozz tar-rapport preliminari. Il-Kummissjoni użat ukoll informazzjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni miġbura miċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenzi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, l-impjiegi u l-politika tas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, tqieset l-informazzjoni li tressqet għall-attenzjoni tal-Kummissjoni minn membri tal-Parlament Ewropew, ilmenti u ittri miċ-ċittadini kif ukoll permezz tal-kuntatti ma’ partijiet interessati differenti.

Ir-rapport huwa akkumpanjat mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jinkludi diversi annessi: L-Annessi I u II jikkonċernaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri tal-Artikoli 9 u 12, rispettivament. L-Anness III fih l-istatistika tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern dwar l-użu tal-modulu tal-istazzjonar kif ukoll il-modulu li jikkonċerna l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-infurzar transfruntier tal-penali u tal-multi. L-Anness IV fih rapport dwar il-ġbir ta’ data mill-għodod ta’ dikjarazzjoni nazzjonali għas-sena 2017 abbozzat mill-Istatistika tan-Netwerk tal-Moviment Liberu tal-Ħaddiema, il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali u l-Frodi u l-Iżbalji.

2.Il-proċess tat-traspożizzjoni

Skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva sat-18 ta’ Ġunju 2016.

Biex tassisti lill-Istati Membri bit-traspożizzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Esperti dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema 2014/67/UE, li ltaqa’ disa’ darbiet bejn Diċembru 2014 u Mejju 2016. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni fil-prattika tad-Direttiva ġew diskussi f’diversi laqgħat tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema.

L-Istati Membri issa kollha ttrasponew id-Direttiva.

Għal dak il-għan, l-Istati Membri kollha, ħlief il-Ġermanja, li kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni tagħha hija konformi mad-Direttiva, għaddew liġijiet jew atti amministrattivi ġodda jew emendaw atti eżistenti. Sal-iskadenza tat-18 ta’ Ġunju 2016, f’għaxar Stati Membri (id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, ir-Renju Unit u l-Ungerija) daħlu fis-seħħ liġijiet li jittrasponu d-Direttiva. Aktar tard fl-2016, wara l-iskadenza, f’sitt Stati Membri oħra (il-Belġju, l-Estonja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja) daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni rilevanti. Fl-2017, daħlet fis-seħħ leġiżlazzjoni ġdida fl-Awstrija, fil-Bulgarija, fil-Kroazja, fir-Repubblika Ċeka, f’Ċipru, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fil-Portugall, fir-Rumanija, fi Spanja u fl-Iżvezja.

3.Implimentazzjoni tad-Direttiva

3.1.Suġġett u Definizzjonijiet (l-Artikoli 1 u 2)

L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi tad-Direttiva u r-relazzjoni tagħha mad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Għalkemm mhuwiex meħtieġ li din id-dispożizzjoni tiġi trasposta b’mod espliċitu, il-liġi nazzjonali trid tiżgura li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni jkopri l-każijiet ta’ stazzjonar kif definit f’dik id-Direttiva, b’mod partikolari, l-Artikoli 1 sa 3.

Għalhekk, ħafna Stati Membri ma ddefinixxewx b’mod espliċitu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni, iżda jikkjarifikawh permezz tal-kuntest u r-referenzi għal dispożizzjonijiet oħra tal-liġi nazzjonali. L-Istati Membri li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni b’mod espliċitu b’referenza għad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema huma l-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, u Spanja.

L-Istati Membri kollha japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tad-Direttiva għall-ħaddiema stazzjonati. Xi Stati Membri, madankollu, japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet b’mod usa’, jiġifieri għal persuni li mhumiex ħaddiema stazzjonati fis-sens tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema jew għal attivitajiet li ma jinvolvux provvista ta’ servizz. Dan huwa l-każ għall-Awstrija, fejn il-liġi tkopri l-każijiet kollha ta’ ħaddiema mibgħuta jaħdmu l-Awstrija mill-impjegatur tagħhom. Għalkemm mhux imsemmija b’mod espliċitu, tali applikazzjoni wiesgħa hija wkoll implikata mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol Ungeriż. Ir-regolamenti Netherlandiżi u Sloveni japplikaw din il-leġiżlazzjoni parzjalment anke għall-fornituri transfruntiera tas-servizzi li jaħdmu għal rashom.

L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi f’żewġ Stati Membri (l-Awstrija u Franza) irrimarkaw li l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva għandhom jiġu applikati biss għas-sitwazzjonijiet li jistgħu jitqiesu bħala stazzjonar skont id-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. It-trejdjunjins, b’mod ġenerali, qiesu li huwa possibbli u f’konformità sħiħa mal-kompetenzi tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva wkoll għal kategoriji oħra ta’ ħaddiema li ma jitqisux bħala stazzjonati skont id-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema.

3.2.L-awtoritajiet kompetenti u l-uffiċċji ta’ kollegament (l-Artikolu 3)

L-Artikolu 3 tad-Direttiva jittratta l-ħatra mill-Istati Membri ta’ awtoritajiet kompetenti u uffiċċji ta’ kollegament għall-finijiet tad-Direttiva.

L-obbligu li jinħatru awtoritajiet kompetenti u uffiċċji ta’ kollegament li permezz tagħhom isseħħ il-kooperazzjoni amministrattiva u/jew l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema, imur lura għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Għalhekk, l-Istati Membri kollha ħatru l-awtoritajiet u l-uffiċjali ta’ kollegament responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-istazzjonar ta’ ħaddiema.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri għażlu traspożizzjoni diretta tal-Artikolu 3 tad-Direttiva. L-awtoritajiet jew ġew innominati direttament bil-liġi jew inħatru mill-Gvern jew minn awtorità oħra.

Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti u tal-uffiċċji ta’ kollegament tinstab fuq il-paġna web L-Ewropa Tiegħek 7 .

3.3.Identifikazzjoni ta’ stazzjonar ġenwin u l-prevenzjoni tal-abbuż u l-evażjoni tar-regoli (l-Artikolu 4)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi għal żewġ listi mhux eżawrjenti ta’ elementi li l-Istati Membri jistgħu jużaw b’mod partikolari meta jagħmlu l-valutazzjoni ġenerali biex jiddeterminaw jekk impriża twettaqx attivitajiet sostanzjali b’mod ġenwin fl-Istat Membru ta’ stabbiliment (Artikolu 4(2)) u jekk ħaddiem stazzjonat iwettaqx ix-xogħol tiegħu temporanjament fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih normalment jaħdem (Artikolu 4(3)). Dawn l-elementi għandhom jassistu lill-awtoritajiet kompetenti meta jwettqu l-kontrolli u l-verifiki u meta jkollhom raġuni biex jemmnu li ħaddiem ma jistax jikkwalifika bħala ħaddiem stazzjonat. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li element wieħed jew iktar mhux issodisfat ma jipprekludix sitwazzjoni milli tiġi kkaratterizzata bħala stazzjonar (l-Artikolu 4 (4)), li jfisser li ma għandu jkun hemm l-ebda rekwiżit li kull element jiġi ssodisfat f’kull każ ta’ stazzjonar.

3.3.1.Elementi biex jiġi ddeterminat jekk impriża twettaqx attivitajiet sostanzjali b’mod ġenwin

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew għal lista ta’ elementi identiċi għal dawk tad-Direttiva. L-Awstrija, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Iżvezja, in-Netherlands, u r-Renju Unit ma ttrasponewx b’mod espliċitu din il-parti tal-Artikolu. Tmien Stati Membri (l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, ir-Rumanija, is-Slovenja, u Spanja) introduċew jew żammew elementi eżistenti oħrajn, bħal:

it-tul ta’ żmien tal-istazzjonar attwali (il-Bulgarija),

it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-attività tal-impjegatur fit-territorju nazzjonali, u jekk din titwettaqx kultant jew kontinwament (il-Kroazja);

kwalunkwe element ieħor utli għall-valutazzjoni ġenerali (l-Italja);

l-attività ewlenija tal-impriża fejn hija awtorizzata topera u l-għan tal-kuntratt ta’ servizz; il-kuntratti ta’ impjieg/forom oħra ta’ impjieg konklużi mill-impriża mal-impjegati tagħha stess (ir-Rumanija);

jekk l-impjegatur għandux post xieraq fejn jingħata s-servizz; l-impjieg tal-persunal amministrattiv li jaħdem fl-uffiċċju prinċipali jew fil-bini tal-impjegatur; jekk l-impjegatur jirreklamax l-attività u jekk kienx hemm bidliet relatati mal-attività tal-impjegatur fl-aħħar sitt xhur (is-Slovenja);

in-natura ekonomika vera tal-attività aktar milli d-dehra tal-fatti għandha tkun rilevanti biex jiġi vvalutat jekk teżistix relazzjoni ta’ impjieg, l-istazzjonar transfruntier jew il-kiri ta’ ħaddiema (l-Awstrija) u stazzjonar ma għandux jirrikjedi l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz bejn impjegatur mhux stabbilit fl-Awstrija u benefiċjarju ta’ servizz li jopera fl-Awstrija;

l-identifikazzjoni tal-impriża li tistazzjona lill-ħaddiema (Spanja);

iż-żmien meta l-impriża stabbiliet ruħha u l-impriża li verament tħallas il-pagi lill-ħaddiema stazzjonati (il-Greċja).

3.3.2.L-elementi biex jiġi vvalutat jekk ħaddiem stazzjonat ikunx qiegħed iwettaq ix-xogħol tiegħu temporanjament fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih jaħdem normalment

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, minbarra l-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit, ittrasponew il-lista ta’ elementi fl-Artikolu 4(3), prinċipalment billi pprovdew lista ta’ elementi identiċi għal dawk fid-Direttiva. Fil-Greċja, fil-Kroazja, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Lussemburgu, u fis-Slovenja ġew ipprovduti elementi addizzjonali:

id-data tal-impjieg, il-pussess taċ-ċertifikat tad-Dokument Portabbli A1 (jew l-applikazzjoni għal dak iċ-ċertifikat), jekk l-impjegatur kienx bagħat ħaddiema fl-Istat Membru fit-12-il xahar ta’ qabel u x’kompiti u fejn il-ħaddiem wettaqhom xahar qabel ma ġie stazzjonat fl-Istat Membru (il-Kroazja);

kull element ieħor utli għall-valutazzjoni ġenerali u għaċ-ċertifikazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-sigurtà soċjali (l-Italja);

sabiex jiġi vvalutat jekk ħaddiem stazzjonat ikunx qed iwettaq ix-xogħol fi Stati Membri oħra minbarra dak li normalment jaħdem fih, l-Ispettorat tax-Xogħol tal-Istat għandu jivverifika bil-quddiem jekk ikunx hemm relazzjoni ġenwina ta’ impjieg (il-Latvja);

l-intenzjoni tal-ħaddiem li jirritorna lejn il-pajjiż tal-oriġini (il-Lussemburgu, bħala riżultat tal-ġurisprudenza);

perjodi preċedenti ta’ assigurazzjoni ta’ ħaddiem stazzjonat fuq il-bażi tal-impjieg jew tal-impjieg indipendenti (Slovenja);

id-data tat-tmiem tal-istazzjonar u jekk il-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni bejn il-ħaddiem stazzjonat u l-fornitur tas-servizz għandhomx ikomplu wara t-tmiem tal-istazzjonar (il-Greċja).

Il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponew b’mod espliċitu l-Artikolu 4(4), u ċċaraw ukoll li l-kriterji msemmija hawn fuq mhumiex eżawrjenti.

3.4.Aċċess aħjar għall-informazzjoni (Artikolu 5)

L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-obbligi tal-Istati Membri rigward l-aċċess għall-informazzjoni u t-twaqqif ta’ siti web nazzjonali uffiċjali uniċi (minn hawn ’il quddiem is-sit(i) web).

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 5(2), fil-maġġoranza tal-Istati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, r-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, Spanja u l-Ungerija,) il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati għall-informazzjoni pprovduta fuq is-sit web.

Madankollu, l-Istati Membri kollha waqqfu s-siti web u dawn jissodisfaw fil-biċċa l-kbira l-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva, inklużi r-rekwiżiti tal-lingwa, jiġifieri l-biċċa l-kbira tas-siti web huma disponibbli mhux biss fil-lingwa/i nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, iżda wkoll bl-Ingliż u ħafna minnhom ukoll f’lingwi rilevanti oħra.

F’dak li jirrigwarda l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri ħadu toroq differenti. Huma jew jirriproduċu testi leġiżlattivi jew amministrattivi nazzjonali, jew jipprovdu sommarji jew opinjonijiet f’lingwa sempliċi u/jew mistoqsijiet u tweġibiet.

L-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg li japplikaw għall-ħaddiema stazzjonati li joħorġu mill-ftehimiet kollettivi applikabbli skont l-Artikolu 3(8) tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema (l-Artikolu 5(4)) hija ppreżentata mill-Istati Membri, fejn jeżistu ftehimiet bħal dawn, fuq is-sit web f’forom differenti. Dawn jistgħu jkunu fil-forma ta’: (1) it-test sħiħ tal-ftehim kollettiv (l-Awstrija, il-Kroazja, l-Iżvezja, il-Latvja u l-Lussemburgu); (2) sommarju tal-ftehim kollettiv ippreżentat fuq is-sit web (l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Estonja); (3) link għall-ftehim kollettiv fuq is-sit web (il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Kroazja, u n-Netherlands); u (4) fuq is-siti web nazzjonali tal-Belġju, il-Finlandja, l-Italja, n-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, u l-Ungerija, tiġi ppreżentata link għall-bażi tad-data dwar il-ftehimiet kollettivi.

Il-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema wettaq eżerċizzju fejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab soċjali fil-livell Ewropew jirrevedu s-siti web u jippreżentaw il-fehmiet u s-sejbiet tagħhom, inklużi l-aħjar prattiki u jagħmlu suġġerimenti għat-titjib. Dan l-eżerċizzju għadu għaddej. Ir-riżultati preliminari juru li filwaqt li l-biċċa l-kbira tas-siti web ġew stabbiliti kif stipulat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, bosta siti web imorru lil hinn fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata u tal-lingwi koperti.

Is-sħab soċjali fil-livell Ewropew enfasizzaw l-aċċess għall-informazzjoni bħala wieħed mill-elementi l-aktar kruċjali biex ikunu ggarantiti d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati u biex tkun żgurata ċ-ċertezza legali għan-negozji. L-impjegaturi rrimarkaw li mudell għal sit web uniformi jkun titjib sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċarezza u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni. It-trejdjunjins innotaw l-importanza li s-siti web jinkludu wkoll informazzjoni dwar il-kuntatti tas-sħab soċjali rilevanti.

Is-siti web uffiċjali nazzjonali uniċi tal-Istati Membri kollha huma aċċessibbli mis-sit web L-Ewropa tiegħek 8 .

3.5.Kooperazzjoni amministrattiva (l-Artikoli 6 u 7)

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva jikkonċernaw il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, li għandha ssir mingħajr dewmien żejjed sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar fil-prattika tad-Direttiva u tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. L-Artikolu 6 jistabbilixxi wkoll skadenzi għat-tweġiba tat-talbiet: jumejn ta’ xogħol f’każijiet urġenti u 25 jum ta’ xogħol għal talbiet oħra. L-Artikolu 7 jispeċifika ulterjorment ir-rwoli tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ domiċilju f’kooperazzjoni amministrattiva.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew b’mod espliċitu l-Artikoli 6 u 7 jew diġà għandhom leġiżlazzjoni eżistenti applikabbli. Ir-Renju Unit, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands jikkonformaw mal-aspetti kollha tal-Artikoli 6 u 7 jew ma’ xi wħud minnhom permezz ta’ prattika amministrattiva, jiġifieri m’hemm l-ebda leġiżlazzjoni rispettiva fis-seħħ.

L-Artikolu 6(3) jippermetti wkoll li l-Istati Membri jibagħtu u jipprovdu notifika ta’ dokumenti. Din id-dispożizzjoni mhijiex obbligatorja, madankollu l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jużawha fil-prattika mill-uffiċċji ta’ kollegament tal-Istati Membri ospitanti biex jipprovdu dokumenti lill-fornituri tas-servizz fl-Istati Membri ta’ domiċilju u din taħdem sew, b’mod ġenerali, anki fl-Istati Membri li ma ttrasponewhiex.

Minħabba li l-kooperazzjoni amministrattiva fir-rigward tal-istazzjonar ta’ ħaddiema tieħu l-aktar il-forma ta’ trażmissjoni u reazzjoni għat-talbiet motivati ta’ informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, l-istatistika dwar l-użu tagħha tagħti deskrizzjoni kwantitattiva ta’ kif tiġi applikata fil-prattika.

Fir-rigward ta’ talbiet għal informazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva, l-Istati Membri indikaw xi diffikultajiet. F’xi każijiet l-awtoritajiet tal-Istati Membri rikjesti jiddikjaraw li mhumiex kompetenti biex iwieġbu ċerti mistoqsijiet u/jew ma jipprovdux tweġiba jew ma jkunux qegħdin jagħtu tweġiba insuffiċjenti. F’xi każijiet minħabba skadenzi qosra, l-awtoritajiet ma jkunux jistgħu jwettqu spezzjoni. Dan jirriżulta f’talbiet mhux imwieġba jew parzjalment imwieġba.

Fir-rigward tal-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 6(6), il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jsibu li dawn huma adegwati, għalkemm f’xi każijiet huma qosra wisq, pereżempju jekk ikun hemm bżonn li jinġabru dokumenti minn awtoritajiet oħra jew ikunu meħtieġa spezzjonijiet sabiex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa. L-istatistika tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ara l-Anness III tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal) turi li hemm madwar terz tat-talbiet li ma jingħatawx tweġiba fil-limiti tal-iskadenzi.

Fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema, it-trejdjunjins enfasizzaw l-importanza li tiġi żgurata l-konformità mal-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 6(6). Huma enfasizzaw il-fatt li sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-abbużi, huwa importanti li wieħed jirċievi informazzjoni affidabbli u komprensiva malajr. Barra minn hekk huma enfasizzaw il-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw riżorsi adegwati għall-koperazzjoni amministrattiva.

L-istatistika tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern dwar it-trażmissjoni u l-wasla tat-talbiet

Fl-2018, intbagħtu total ta’ 4789 skambju ta’ informazzjoni dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern. Il-maġġoranza ta’ dawn it-talbiet kienu talbiet għal informazzjoni (2785 skambju), u talbiet biex jintbagħtu dokumenti (1089). Tipi oħra ta’ skambji kienu inqas frekwenti: talbiet sabiex tiġi notifikata deċiżjoni li timponi penali jew multa amministrattiva (568), talbiet sabiex jiġu rkuprati penali jew multa (201), talbiet urġenti (130), u komunikazzjonijiet ta’ irregolaritajiet (16).

Il-livell ta’ kooperazzjoni jirrappreżenta żieda kostanti mill-2017, fejn in-numru totali ta’ skambji ta’ informazzjoni kiber minn 873 skambju fir-raba’ trimestru tal-2017 għal 1214-il skambju fir-raba’ trimestru tal-2018. B’mod partikolari, l-għadd ta’ talbiet urġenti żdiedu minn 22 talba fir-raba’ trimestru tal-2017 għal 50 talba fir-raba’ trimestru tal-2018.

Fl-2018, il-Belġju kien l-aktar mittent attiv tat-talbiet għall-informazzjoni, segwit mill-Awstrija u Franza. Il-Belġju bagħat ukoll il-maġġoranza tat-talbiet urġenti filwaqt li l-Awstrija bagħtet l-ogħla numru ta’ talbiet biex jintbagħtu dokumenti, biex tinnotifika deċiżjoni u tirkupra penali jew multa. L-ogħla numru ta’ komunikazzjonijiet ta’ irregolaritajiet intbagħat mis-Slovakkja.

B’mod ġenerali, is-Slovenja rċeviet l-aktar talbiet fl-2018, għalkemm l-ogħla numru ta’ talbiet għal informazzjoni ntbagħtu lill-Polonja segwita mill-Portugall u s-Slovenja. Ir-Rumanija rċeviet l-ogħla numru ta’ talbiet urġenti segwita mill-Polonja u l-Portugall. Is-Slovenja rċeviet l-ogħla numru ta’ talbiet biex tibgħat dokumenti, notifiki ta’ deċiżjoni u talbiet biex tkopri penali jew multa, filwaqt li l-Ġermanja rċeviet l-ogħla numru ta’ komunikazzjonijiet ta’ irregolaritajiet.

Il-ħin medju meħud biex tingħata tweġiba għat-talbiet urġenti, fejn l-informazzjoni meħtieġa għandha tkun disponibbli f’reġistru, kien ta’ għaxart ijiem kalendarji fl-2018, filwaqt li d-Direttiva tistabbilixxi skadenza ta’ jumejn tax-xogħol biss.

Il-ħin medju meħud biex tingħata tweġiba għat-talbiet (mhux urġenti) għall-informazzjoni kien ta’ 43 jum fl-2018, filwaqt li l-iskadenza legali biex dawn it-talbiet jitwieġbu hija ta’ 35 jum (25 jum tax-xogħol). F’xi każijiet, Stati Membri li jirċievu numri kbar ta’ talbiet jipprovdu tweġibiet aktar malajr minn Stati Membri li jirċievu anqas talbiet.

Ara l-Anness III tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għal ħarsa ġenerali tal-istatistika. 

3.6.Rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll (Artikolu 9)

Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll sabiex ikun żgurat il-monitoraġġ effettiv tal-konformità mad-Direttiva u mad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema, sakemm dawn ikunu ġustifikati u proporzjonati skont id-dritt tal-Unjoni. Ma hemm l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri li jintroduċu dawn il-miżuri. Il-lista ta’ miżuri possibbli pprovduta mhijiex eżawrjenti. Madankollu, rekwiżiti amministrattivi oħra u miżuri ta’ kontroll jistgħu jiġu imposti biss jekk ikunu ġustifikati u proporzjonati.

Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tinsab fl-Anness I tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

3.6.1.L-Artikolu 9(1)(a) - dikjarazzjoni sempliċi

Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jirrikjedu li fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor jagħmel “dikjarazzjoni sempliċi” li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jsiru kontrolli fattwali fuq il-post tax-xogħol, inklużi: (i) l-identità tal-fornitur ta’ servizz; (ii) l-għadd antiċipat ta’ ħaddiema stazzjonati identifikabbli b’mod ċar; (iii) il-persuni ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 9(1)(e) - (f); (iv) kemm mistenni jdum, id-data prevista tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonar; (v) l-indirizz(i) tal-post tax-xogħol; u (vi) in-natura tas-servizzi li jiġġustifikaw l-istazzjonar.

L-Istati Membri kollha, minbarra r-Renju Unit (bl-eċċezzjoni ta’ Ġibiltà), jirrikjedu li dikjarazzjoni bħal din issir mill-fornitur tas-servizz qabel il-bidu tal-attivitajiet fit-territorju tagħhom. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri d-dikjarazzjoni għandha ssir fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-provvista tas-servizz, inkluż fl-istess ġurnata (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja). Madankollu, f’xi Stati Membri (l-Italja, il-Litwanja, ir-Rumanija) in-notifika trid issir fil-jum ta’ qabel (jiġifieri l-jum ta’ qabel il-jum li fih jibda jingħata s-servizz). Peress li d-dikjarazzjoni tista’ tkun meħtieġa “mhux aktar tard minn meta tibda l-prestazzjoni tas-servizz”, kull rekwiżit biex id-dikjarazzjoni ssir fi żmien ċerta data ta’ skadenza (pereżempju, ftit sigħat jew ftit jiem) qabel l-istazzjonar imur lil hinn minn dak li huwa awtorizzat b’mod espliċitu skont id-Direttiva.

Fil-każ ta’ bidliet fl-informazzjoni sottomessa fid-dikjarazzjoni, il-liġijiet Awstrijaċi, Finlandiżi u Ġermaniżi jirrikjedu li dawn il-bidliet jiġu nnotifikati minnufih, u Stati Membri oħra jindikaw terminu preċiż għal din in-notifika: fl-ewwel ġurnata tal-ġimgħa wara l-bidla fid-Danimarka, tlett ijiem fil-Kroazja u fl-Iżvezja, ħamest ijiem fl-Italja u fir-Rumanija, sebat ijiem fil-Polonja, għaxart ijiem fir-Repubblika Ċeka u ħmistax-il jum f’Ċipru u fil-Greċja, minn meta jkunu saru l-bidliet. Fl-Italja, mhumiex permessi bidliet fl-“informazzjoni essenzjali” (il-kodiċi ta’ identifikazzjoni u l-istat tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizz, il-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiema stazzjonati, eċċ.); f’każijiet bħal dawn, id-dikjarazzjoni trid tiġi sottomessa mill-ġdid sa meta tibda l-prestazzjoni tas-servizz. Fil-Greċja, f’każ ta’ bidliet fil-ħin tax-xogħol, l-informazzjoni trid tiġi sottomessa mhux aktar tard mill-ġurnata tal-bidla.

3.6.1.1.Informazzjoni dwar il-fornitur tas-servizz/impjegatur

L-Istati Membri jirrikjedu mill-inqas informazzjoni dwar l-isem u l-indirizz tal-fornitur tas-servizz, normalment xi data ta’ kuntatt oħra bħal numru tat-telefon u/jew indirizz tal-posta elettronika. Minbarra dawn ir-rekwiżiti, tnax-il Stat Membru (l-Awstrija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, Spanja u l-Ungerija) jirrikjedu li l-impjegatur li se jistazzjona jinnotifika n-numru tal-VAT tiegħu, in-numru tar-reġistrazzjoni tan-negozju jew simili, u Ċipru jitlob li l-impriża tindika l-forma legali tagħha. Disa’ Stati Membri (l-Awstrija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Kroazja, il-Litwanja u l-Ungerija) jippreskrivu informazzjoni dwar it-tip ta’ negozju, jiġifieri s-settur tan-negozju li fih hija attiva l-impriża.

3.6.1.2.Informazzjoni dwar il-ħaddiema stazzjonati

Informazzjoni bażika dwar il-ħaddiema normalment tinvolvi l-ismijiet u l-indirizzi tal-ħaddiema, fir-Repubblika Ċeka u fil-Ġermanja d-data tat-twelid tagħhom ukoll, u fi tlettax-il Stat Membru (l-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja) kemm id-data tat-twelid kif ukoll in-nazzjonalità. Fi Spanja huma meħtieġa dettalji personali u professjonali. Il-Finlandja u l-Ungerija jitolbu wkoll indikazzjoni tan-numru ta’ ħaddiema stazzjonati u l-Ungerija titlob ukoll l-ismijiet tal-ħaddiema stazzjonati.

Ġew stabbiliti rekwiżiti addizzjonali fi tlettax-il Stat Membru: tmien Stati Membri (id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, il-Litwanja u l-Portugall u r-Repubblika Ċeka) jirrikjedu n-numru tal-passaport jew ta’ identifikazzjoni; id-Danimarka, il-Greċja u r-Repubblika Ċeka jeħtieġu s-sess tal-ħaddiema; l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja jeħtieġu n-numru tas-sigurtà soċjali tagħhom; is-Slovenja teħtieġ l-indirizz ta’ residenza temporanja fis-Slovenja; Franza, l-istatus tas-sigurtà soċjali, id-Danimarka, informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali u n-Netherlands jitolbu l-preżentazzjoni ta’ dokumenti dwar il-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż ta’ domiċilju. L-Awstrija, il-Finlandja, il-Kroazja u l-Latvja jirrikjedu l-permessi tax-xogħol u/jew ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu stazzjonati fit-territorju tagħhom. Il-Lussemburgu u l-Litwanja jirrikjedu wkoll l-impjieg tal-ħaddiem.

3.6.1.3.Informazzjoni dwar il-persuni ta’ kuntatt

L-Artikolu 9(1) isemmi li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-fornitur tas-servizz jindika persuna li tikkomunika mal-awtoritajiet fl-istat ospitanti. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li din il-persuna ta’ kuntatt tkun preżenti fl-Istat Membru ospitanti, ma jistgħux jiġu imposti rekwiżiti sproporzjonati. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu wkoll li tinħatar persuna ta’ kuntatt oħra biex taġixxi bħala rappreżentant li permezz tagħha s-sħab soċjali jistgħu jfittxu li jimpenjaw lill-fornitur ta’ servizzi biex jidħol f’negozjar kollettiv. Dik il-persuna ta’ kuntatt, b’differenza minn dik li tikkomunika mal-awtoritajiet, ma tistax tkun meħtieġa li tkun preżenti fl-Istat Membru ospitanti, iżda għandha tkun disponibbli fuq talba raġonevoli u ġustifikata.

L-Istati Membri kollha li għamlu użu mid-dispożizzjoni(jiet) fl-Artikolu 9(1)(e) u/jew (f) jirrikjedu wkoll li dawn il-persuni jiġu indikati fid-dikjarazzjoni sempliċi. Għaldaqstant, l-Istati Membri kollha minbarra l-Litwanja, r-Repubblika Ċeka u r-Renju Unit jirrikjedu li d-dikjarazzjoni tinkludi informazzjoni dwar persuna ta’ kuntatt biex tikkomunika mal-awtoritajiet kompetenti. L-informazzjoni dwar persuna li trid tiġi kkuntattjata rigward negozjati kollettivi għandha tiġi indikata fid-dikjarazzjoni fil-Bulgarija, f’Ċipru, fid-Danimarka, fl-Italja, fil-Latvja, f’Malta, fil-Portugall, fi Spanja u fl-Ungerija.

Barra minn hekk, ħdax-il Stat Membru (l-Awstrija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Lussemburgu, is-Slovenja u l-Ungerija) jitolbu informazzjoni dwar persuna ta’ kuntatt ġeneralment intitolata li tirrappreżenta lill-impjegatur; ir-regolament Netherlandiż jindika l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-pagi. Dawn it-tliet tipi kollha ta’ persuni ta’ kuntatt tipikament iridu jiġu identifikati bl-isem u l-indirizz tagħhom, xi kultant b’informazzjoni addizzjonali ta’ kuntatt.

3.6.1.4.Informazzjoni dwar ix-xogħol imwettaq

Informazzjoni dwar l-Artikolu 9(1)(a) il-punti (iv) sa (v): it-tul ta’ żmien antiċipat, id-data prevista tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonar u l-indirizz(i) tal-post tax-xogħol; meħtieġa minn kważi l-Istati Membri kollha li jirrikjedu dikjarazzjoni. Bl-istess mod, l-obbligu li jiġi indikat it-tip jew in-natura tax-xogħol, jiġifieri n-natura tas-servizzi, kif indikat jikkorrispondi għall-Artikolu 9(1)(a)(vi) tad-Direttiva. Barra minn hekk, din l-informazzjoni hija meħtieġa mill-pajjiżi kollha li jirrikjedu dikjarazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-Greċja u tal-Irlanda. Fil-każ ta’ Spanja, l-obbligu li jiġi indikat it-tip ta’ xogħol/servizz jista’ jiġi implikat bir-referenza tal-liġi għad-“data professjonali”.

Minbarra dawn ir-rekwiżiti, l-Istati Membri jitolbu informazzjoni addizzjonali li għandha tissemma fid-dikjarazzjoni, li ma tirrigwardax l-Artikolu 9(1)(a), iżda dispożizzjonijiet oħra f’dak l-Artikolu. Dawn ir-rekwiżiti huma permessi sakemm ikunu ġustifikati u proporzjonati. Indikazzjoni tal-post fejn jeħtieġ li d-dokumenti jinżammu u jiġu pprovduti lill-awtoritajiet fuq talba hija preskritta fil-liġi ta’ seba’ Stati Membri (l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovenja u l-Ungerija). Ħames Stati Membri (l-Awstrija, il-Bulgarija, Franza, il-Greċja u l-Kroazja) jirrikjedu informazzjoni relatata ma’ kwistjonijiet ta’ ħin tax-xogħol u pagi; il-Belġju jinkludi tal-anqas skeda tax-xogħol u indikazzjoni dwar jekk il-kuntratti humiex temporanji; u l-Italja tirrikjedi d-dettalji dwar il-pagi fil-każ ta’ impjieg fis-settur tat-trasport. Skont il-liġi Litwana hija preskritta d-dispożizzjoni ta’ “garanziji” għall-ħaddiema f’għadd ta’ oqsma inklużi, pereżempju, kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà.

3.6.1.5.Informazzjoni dwar ir-riċevitur tas-servizz

Bosta Stati Membri jitolbu wkoll li l-informazzjoni relatata mar-riċevitur tas-servizz li mhix elenkata fl-Artikolu 9(1)(a) tkun inkluża fid-dikjarazzjoni sempliċi. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dawn jirrikjedu li fid-dikjarazzjoni tiġi inkluża informazzjoni bażika (isem, indirizz, informazzjoni ta’ kuntatt) dwar is-sieħeb kuntrattwali tal-impjegatur u li jistazzjona. Fil-Ġermanja u l-Polonja, dan huwa obbligatorju biss meta l-istazzjonar isir taħt kuntratt għal xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, f’liema każ l-impriża utenti jeħtieġ li tiġi indikata. Għall-kuntrarju ta’ dan, total ta’ ħmistax-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka (mhux fil-każ ta’ persuna privata), l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, is-Slovenja u Spanja) jirrikjedu l-indikazzjoni tar-riċevitur tas-servizz fil-każijiet kollha ta’ stazzjonar. Tmienja minn dawn il-pajjiżi (Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja u s-Slovenja) jirrikjedu wkoll informazzjoni dwar it-tip ta’ negozju tal-benefiċjarju tas-servizz; fl-Awstrija, il-ftehim kollettiv applikabbli jrid ikun indikat. L-Awstrija, il-Greċja u l-Italja jippreskrivu wkoll in-notifika tan-numru tal-VAT tal-benefiċjarju tas-servizz u l-Awstrija tkun trid ukoll il-liċenzja tal-kummerċ u l-Estonja l-kodiċi tar-reġistrazzjoni tiegħu. L-Italja titlob ukoll informazzjoni dwar ir-rappreżentant legali tal-benefiċjarju tas-servizz.

F’xi Stati Membri, l-obbligi relatati mad-dikjarazzjoni tal-ħaddiema stazzjonati huma r-responsabbiltà tar-riċevitur tas-servizz. Dan huwa l-każ fir-Repubblika Ċeka, fejn id-dikjarazzjoni trid issir mill-benefiċjarju tas-servizz. Fid-Danimarka, ir-riċevitur tas-servizz għandu l-obbligu li jinforma lill-awtorità kompetenti Daniża f’każ li ma jkunx irċieva dokumentazzjoni li turi li l-fornitur tas-servizz ikun innotifika informazzjoni lill-awtorità kompetenti Daniża jew jekk l-informazzjoni ma tkunx kompluta jew tkun ħażina.

3.6.2.L-Artikolu 9(1)(b) sa (d) - rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni

L-Artikolu 9(1)(b) jippermetti lill-Istati Membri jitolbu li ċerti dokumenti relatati mal-kuntratt tal-impjieg jinżammu jew ikunu disponibbli f’forma stampata jew elettronika. Dan ma jfissirx li tali dokumenti jista’ jkun meħtieġ li jiġu nnotifikati flimkien mad-dikjarazzjoni sempliċi.

L-Istati Membri kollha (bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit) jitolbu dokumentazzjoni li tikkorrispondi fil-biċċa l-kbira mal-punti msemmija espliċitament fl-Artikolu 9(1)(b) (“il-kuntratt ta’ impjieg jew dokument ekwivalenti […], riċevuti tal-paga, reġistri tal-ħinijiet li jindikaw il-bidu, it-tmiem u l-ħin totali tax-xogħol tal-ġurnata u prova ta’ ħlas ta’ pagi”).

Barra minn hekk, sitt Stati Membri jirrikjedu li kopji ta’ dokumenti dwar l-identità u/jew l-istatus ta’ ħaddiema jkunu disponibbli fuq il-post tax-xogħol: tali dokumenti huma tipikament passaporti jew karti tal-identità (l-Awstrija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Lussemburgu), id-Dokument Portabbli A1 (l-Awstrija, l-Italja, il-Lussemburgu, is-Slovenja), permessi ta’ xogħol u/jew permessi ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (l-Awstrija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Lussemburgu u Spanja).

Il-Lussemburgu jitlob kopji taċ-ċertifikati mediċi li juru li l-ħaddiem huwa tajjeb għax-xogħol u fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħol part-time jew ta’ impjieg għal perjodu fiss, ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-kontroll. Il-Kroazja u l-Litwanja jitolbu evidenza oħra meħtieġa għall-kontroll u s-superviżjoni.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 9(1)(b) fil-liġi nazzjonali billi ddikjaraw li d-dokumenti jridu jkunu disponibbli - fuq karta jew f’forma elettronika - fuq il-post tax-xogħol li fih jiġu stazzjonati l-ħaddiema.

L-obbligu li jinżammu d-dokumenti jispiċċa formalment fi tmiem il-perjodu tal-istazzjonar f’disa’ pajjiżi (l-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka, u s-Slovakkja).

Fil-Lussemburgu d-dokumenti kollha jeħtieġ jiġu ppreżentati elettronikament qabel l-istazzjonar, minflok jinżammu jew ikunu magħmula disponibbli f’post aċċessibbli u identifikat b’mod ċar fit-territorju tiegħu.

Id-Direttiva tippermetti li jintalab li d-dokumenti jiġu kkonsenjati wara l-perjodu ta’ stazzjonar fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli (l-Artikolu 9(1)(c)). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikjedu d-disponibbiltà tad-dokumenti f’perjodu ta’ żmien speċifiku wara t-tmiem tal-perjodu tal-istazzjonar, ħlief għal Malta fejn id-dewmien mhux speċifikat u l-Litwanja fejn id-dokumenti jeħtieġ li jkunu disponibbli, iżda jistgħu jinżammu fl-Istat Membru mittenti. Dan il-perjodu ta’ żmien huwa ta’ sena fil-Belġju, fil-Bulgarija u fil-Portugall; sentejn fi tmien Stati Membri (il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja u s-Slovenja); tliet snin fl-Irlanda, fir-Rumanija u fl-Ungerija, ħames snin fil-Kroazja u seba’ snin fl-Estonja.

3.6.3.Rekwiżiti tal-lingwa u tat-traduzzjoni

Il-kliem tal-Artikolu 9(1)(a) u (d) jippermetti lill-Istati Membri jippreskrivu l-lingwa kemm għad-dikjarazzjoni kif ukoll għad-dmirijiet ta’ dokumentazzjoni - li t-tnejn jistgħu jintalbu fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż ospitanti jew f’“lingwa jew lingwi oħra aċċettati mill-Istat Membru ospitanti”.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikjedu li d-dikjarazzjoni ssir f’(waħda mil-)lingwi uffiċjali tagħhom. Minbarra fil-lingwa uffiċjali, id-dikjarazzjoni tista’ ssir bl-Ingliż fl-Awstrija, fid-Danimarka, fl-Estonja, u fl-Iżvezja, fil-Kroazja, fil-Polonja u fl-Ungerija. Fl-Awstrija, id-dikjarazzjoni tista’ ssir bil-lingwa Ċeka, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Kroat, bit-Taljan, bl-Ungeriż, bil-Pollakk, bir-Rumen, bis-Slovakk u bis-Sloven. Fl-Iżvezja, il-lingwi disponibbli huma l-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Pollakk, ir-Rumen u l-Franċiż. Fid-Danimarka, il-ħaddiema stazzjonati jistgħu jiġu rreġistrati bl-użu tal-Ingliż, tal-Ġermaniż u tal-Pollakk. Il-possibbiltà li d-dikjarazzjoni ssir b’lingwi oħra tingħata f’ħafna Stati Membri b’sistemi elettroniċi għad-dikjarazzjoni.

Iż-żamma tad-dokumenti mingħajr traduzzjoni hija aċċettata fi tnax-il Stat Membru, li f’disa’ minnhom (il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, s-Slovenja u l-Ungerija) l-awtoritajiet jistgħu jitolbu traduzzjoni bil-lingwa uffiċjali tagħhom (jew bl-Ingliż, fil-każ tal-Belġju u l-Finlandja) f’każijiet individwali. L-Ingliż huwa għażla għall-kuntratt tax-xogħol fl-Awstrija, u d-dokumenti jistgħu jinżammu bil-lingwa uffiċjali jew bl-Ingliż f’Ċipru u fl-Iżvezja. In-Netherlands m’għandhom l-ebda regola li teħtieġ li jiġu tradotti d-dokumenti.

3.6.4.Rekwiżiti amministrattivi oħrajn u miżuri ta’ kontroll

Xi Stati Membri daħħlu fis-seħħ miżuri għall-identifikazzjoni tal-ħaddiema stazzjonati, bħall-kard tal-kostruzzjoni (“Carte d’identification professionnelle du BTP”) fi Franza, il-ConstruBadge fil-Belġju u l-kard tal-identifikazzjoni soċjali fil-Lussemburgu.

Valutazzjoni ġenerali

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jimponu l-miżuri amministrattivi kollha elenkati fl-Artikolu 9(1) jew uħud minnhom. Filwaqt li dan jaf jimplika li japplikaw dmirijiet simili ħafna għall-fornituri tas-servizzi madwar l-Istati Membri, ir-rekwiżiti konkreti stabbiliti fl-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċess tan-notifika, ir-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni u tat-traduzzjoni huma pjuttost differenti.

L-Istati Membri kollha jqisu r-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll stabbiliti bħala utli biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva u fid-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema.

L-Istati Membri jqisu li d-dikjarazzjoni sempliċi hija speċjalment utli, għax tagħmel lill-ħaddiem stazzjonat “viżibbli” għas-servizzi ta’ spezzjoni u b’hekk tiffaċilita l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu u l-identifikazzjoni tal-frodi. Barra minn hekk, in-notifika tagħti l-informazzjoni meħtieġa biex il-kontrolli jiġu mmirati lejn is-setturi/ir-reġjuni/kumpaniji l-aktar affettwati, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju. L-istess għan jintlaħaq mid-dokumenti li jistgħu jkunu meħtieġa mis-servizzi ta’ spezzjoni. Il-ħatra tal-persuna ta’ kollegament kellha effett pożittiv fuq ir-riċeviment tad-dokumenti msemmija hawn fuq u fuq il-kuntatti mar-rappreżentant tal-impjegatur.

Ħafna Stati Membri ħadu wkoll miżuri biex jillimitaw il-piż amministrattiv li jista’ jiġi kkawżat mill-miżuri msemmija hawn fuq. Normalment dawn il-miżuri jikkonċernaw stazzjonamenti għal żmien qasir jew f’ċerti setturi jew professjonijiet. L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Iżvezja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, u l-Ungerija, implimentaw għodda online/elettronika għad-dikjarazzjoni tal-istazzjonar.

Fil-Belġju, xogħlijiet urġenti ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ magni jew tagħmir, ipprovduti mill-istess impjegatur lin-negozju fejn issir it-tiswija/il-manutenzjoni, huma eżentati mir-rekwiżit tan-notifika f’“Limosa” (dikjarazzjoni obbligatorja għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom li jintbagħtu jaħdmu/jaħdmu fil-Belġju), f’każ li tali xogħol ma jaqbiżx il-ħamest ijiem fix-xahar.

Fil-Ġermanja, notifika hija obbligatorja biss fil-kostruzzjoni u fl-industriji relatati mal-kostruzzjoni, fis-servizzi ta’ tindif tal-bini u fil-provvista ta’ kura.

It-trejdjunjins isibu li rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll adegwati u effettivi huma estremament importanti sabiex tiġi mmonitorjata l-konformità mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Huma jsibu wkoll li jkun importanti li fil-livell tal-UE jiġu definiti ċerti rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll obbligatorji, inkluż l-obbligu li l-istazzjonar jiġi ddikjarat qabel il-bidu tiegħu u l-introduzzjoni ta’ reġistru elettroniku ta’ ħaddiema stazzjonati, li jista’ jtejjeb il-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli applikabbli. Fir-rigward ta’ miżuri konkreti li ttieħdu, it-trejdjunjins innotaw li, fil-każ li tkun trid tinħatar persuna ta’ kuntatt fid-dawl ta’ negozjar kollettiv, skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva, din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata wkoll lit-trejdjunjins.

L-impjegaturi, min-naħa l-oħra, esprimew tħassib li l-introduzzjoni ta’ miżuri skont l-Artikolu 9 wasslet għal problemi prattiċi meta jiġu stazzjonati l-ħaddiema, speċjalment minħabba żieda fil-piż amministrattiv.

Skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll oħra sakemm dawn il-miżuri jkunu ġġustifikati u proporzjonati. Mill-miżuri ta’ traspożizzjoni deskritti hawn fuq, huwa ċar li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħadu għadd ta’ miżuri li jaqgħu taħt dan l-Artikolu.

3.7.Spezzjonijiet (l-Artikolu 10)

L-Artikolu 10 huwa dwar spezzjonijiet f’sitwazzjonijiet ta’ stazzjonar, billi jippreskrivi li dawn għandhom ikunu bbażati fuq evalwazzjoni tar-riskju u ma jkunux diskriminatorji u/jew sproporzjonati.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri għażlu traspożizzjoni espliċita tal-Artikolu 10. Madankollu, għadd ta’ Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, l-Iżvezja, il-Lussemburgu, in-Netherlands u r-Repubblika Ċeka) iqisu li l-leġiżlazzjoni eżistenti hija konformi mal-Artikolu 10 permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali li jistabbilixxu l-kompetenzi tal-awtoritajiet għall-ispezzjoni tax-xogħol. Ir-Renju Unit indika li l-konformità hija bbażata fuq il-prattika tal-awtoritajiet.

Fir-rigward tar-referenza għall-evalwazzjoni tar-riskju fis-sens tal-Artikolu 10(1), għadd ta’ Stati Membri (il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, s-Slovenja u l-Ungerija) għandhom fis-seħħ regolamenti li jirrikjedu li ssir evalwazzjoni tar-riskju bħal din meta jintgħażlu l-entitajiet soġġetti għal spezzjoni. Bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru, id-Danimarka u l-Irlanda, tali regolamenti jistabbilixxu wkoll il-kriterji li għandhom jintużaw fl-evalwazzjoni tar-riskju, li ħafna minnhom isegwu mill-qrib il-kriterji ssuġġeriti fl-Artikolu 10(1).

Xi pajjiżi oħra indikaw li evalwazzjoni tar-riskju bħal din mhijiex rekwiżit legali fis-sistema nazzjonali tagħhom iżda prattika ġenerali tal-awtoritajiet responsabbli għall-ispezzjoni. Dan huwa l-każ għall-Ġermanja, għall-Iżvezja, għar-Repubblika Ċeka u għal Spanja.

It-trejdjunjins jikkunsidraw li filwaqt li s-sitwazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet għadhom insuffiċjenti. Huma enfasizzaw il-fatt li huwa importanti li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi, kontrolli u spezzjonijiet adegwati biex jiżguraw il-konformità mar-regoli u jevitaw l-abbużi transfruntiera.

Filwaqt li proċeduri effettivi ta’ monitoraġġ huma essenzjali għall-infurzar tad-Direttiva u tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema, il-Kummissjoni tqis li l-ispezzjonijiet iridu jkunu bbażati primarjament fuq l-evalwazzjoni tar-riskju mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-ispezzjonijiet u l-kontrolli ta’ konformità ma jkunux diskriminatorji u/jew sproporzjonati. Dan ifisser li jridu jkunu adattati biex jintlaħqu l-objettivi mingħajr ma jirrestrinġu l-provvista transfruntiera ta’ servizzi aktar milli meħtieġ 9 .

3.8.Difiża tad-drittijiet – faċilitar ta’ lmenti – ħlasijiet b’lura (Artikolu 11)

L-Artikolu 11 jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom mekkaniżmi fis-seħħ għall-ħaddiema stazzjonati li jressqu lmenti direttament kontra l-impjegatur tagħhom, jistitwixxu proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi u jistabbilixxu standards għall-infurzar, b’mod partikolari billi jeħtieġ proċeduri għall-impjegati, imma wkoll li trejdjunjins u partijiet terzi jinvolvu ruħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati quddiem korpi ġudizzjarji u amministrattivi fl-istat ospitanti.

L-Istati Membri 10 kollha jipprovdu għall-possibbiltà tal-ħaddiema stazzjonati li jirrikorru għal ilment quddiem l-awtorità kompetenti tal-ispezzjoni tax-xogħol f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom mill-impjegatur.

L-Istati Membri kollha jagħtu lill-ħaddiema stazzjonati aċċess għas-sistema ġudizzjarja tagħhom fir-rigward ta’ talbiet li jsiru b’rabta mal-perjodu tal-istazzjonar u la t-tmiem tal-perjodu tal-istazzjonar u lanqas ir-ritorn għall-istat ta’ domiċilju ma jipprekludi pretensjonijiet minn ħaddiema stazzjonati fl-Istat Membru ospitanti fi kwalunkwe pajjiż.

Il-possibbiltà li t-trejdjunjins u partijiet terzi jidħlu fi proċeduri ġudizzjarji hija fil-prinċipju prevista fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iżda mhux f’kollha. B’mod partikolari, is-Slovenja ma tipprevedi l-ebda involviment dirett ta’ dawn il-partijiet fil-proċedimenti tal-qorti, u ħames Stati Membri (il-Bulgarija, il-Finlandja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u l-Ungerija) jipprevedu din il-possibbiltà biss għat-trejdjunjins iżda mhux għal organizzazzjonijiet oħrajn. Filwaqt li l-liġi Maltija ma tirreferix b’mod espliċitu għat-trejdjunjins, huma għandhom ikunu koperti mill-possibbiltà li jressqu talbiet maħsuba għal “organizzazzjoni jew entità legali oħra, li jkollha interess leġittimu li tiżgura li jitħarsu dawn ir-regolamenti”. Fl-Italja, it-trejdjunjins, għalkemm m’għandhomx id-dritt li jaġixxu direttament fil-qorti f’isem ħaddiem individwali, jistgħu jaġixxu b’appoġġ għall-ħaddiema stazzjonati.

Barra minn hekk, biex it-trejdjunjins u l-partijiet terzi jkunu involuti, f’bosta Stati Membri, minbarra fl-Awstrija, l-Estonja, il-Greċja, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit, iridu jiġu ssodisfati kundizzjonijiet addizzjonali, bħal pereżempju li l-impjegat ikun membru tal-organizzazzjoni inkwistjoni jew li l-ksur ikkonċernat ikun relatat ma’ ftehim kollettiv li għalih il-junjin tkun parti.

Biex partijiet terzi jkunu involuti fi proċedimenti, l-Istati Membri jirrikjedu normalment il-wiri ta’ interess leġittimu fil-każ inkwistjoni, pereżempju b’referenza għall-iskop ta’ organizzazzjoni skont l-istatut tagħha. Dan huwa preskritt mil-liġi fil-Kroazja, fil-Latvja, f’Malta, fil-Polonja, fil-Portugall, fir-Repubblika Ċeka, u fir-Rumanija.

Fil-prattika, il-ftuħ ta’ proċedimenti tal-qorti minn trejdjunjins f’isem il-ħaddiema stazzjonati ħafna drabi jintuża fid-Danimarka, fil-Finlandja, fin-Netherlands u fl-Iżvezja.

Ħdax-il Stat Membru (il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, l-Iżvezja, il-Kroazja, Malta, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija) espressament ittrasponew l-Artikolu 11(5) billi introduċew protezzjoni espliċita ta’ ħaddiema stazzjonati kontra ritaljazzjoni mill-impjegatur fil-liġi nazzjonali tagħhom. Fi tnax-il Stat Membru (l-Awstrija, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit u l-Ungerija) ma kien hemm l-ebda ħtieġa li dan isir, peress li l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni testendi wkoll għall-ħaddiema stazzjonati.

Fil-Finlandja, fl-Irlanda u fis-Slovakkja dan il-prinċipju japplika biss f’dawk l-oqsma fejn huwa applikabbli espressament. Fin-Netherlands ma hemm ebda dispożizzjoni li tippreskrivi protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni, minbarra f’dawk l-oqsma fejn il-protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni hija meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni u ġiet inkorporata fid-dispożizzjonijiet li ttrasponewha. Fil-Litwanja, l-impjegati huma espliċitament protetti kontra r- “ritaljazzjoni” fis-sens ta’ talbiet għal kumpens għall-ksur tal-interessi ekonomiċi tal-impjegatur.

3.9.Ir-responsabbiltà tas-sottokuntrattar (l-Artikolu 12)

Sabiex jiġu indirizzati l-frodi u l-abbuż, l-Artikolu 12 jippermetti li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li fil-katini tas-sottokuntrattar, il-kuntrattur li l-impjegatur ikun sottokuntrattur dirett tiegħu jista’, flimkien mal-impjegatur jew minfloku, jinżamm responsabbli mill-ħaddiem stazzjonat. Filwaqt li l-Istati Membri huma meħtieġa jintroduċu tali responsabbiltà sottokuntrattwali fis-settur tal-bini u jkopru mill-inqas remunerazzjoni netta mhux imħallsa li tikkorrispondi għar-rati minimi ta’ paga (l-Artikolu 12(1)), huma jistgħu jipprovdu għaliha fi kwalunkwe settur, anke għal aktar livelli milli sempliċement għall-kuntrattur dirett u b’kamp ta’ applikazzjoni usa’ mir-rati minimi ta’ paga (l-Artikolu 12(2) u (4)). Minflok sistema ta’ responsabbiltà ta’ sottokuntrattar bħal din, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa oħrajn ta’ infurzar (l-Artikolu 12(6)). Dawn il-miżuri kollha jridu jittieħdu fuq bażi nondiskriminatorja u proporzjonata.

Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12 tinsab fl-Anness II tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Skont it-tweġibiet għall-kwestjonarju mibgħut lill-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, f’ħafna Stati Membri r-regoli dwar ir-responsabbiltà għadhom ma ġewx applikati b’mod frekwenti peress li ma hemmx każijiet rilevanti. Madankollu, diversi Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands u Franza) indikaw li l-introduzzjoni ta’ dawn ir-regoli żiedet il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-katini tas-sottokuntrattar. L-impjegaturi, b’mod ġenerali, iqisu li l-introduzzjoni ta’ responsabbiltà sottokuntrattwali jew miżuri alternattivi ma żidux il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-katini tas-sottokuntrattar. It-trejdjunjins isibu li fejn l-Istati Membri jżommu jew jintroduċu obbligazzjoni ta’ sottokuntrattar sħiħa u jillimitaw it-tul possibbli tal-katina tas-sottokuntrattar, dan kellu impatt pożittiv fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati fil-katina.

3.9.1.Rekwiżit minimu li jkopri s-settur tal-kostruzzjoni

L-Istati Membri kollha (minbarra d-Danimarka u l-Finlandja, li ħadu “miżuri ta’ infurzar xierqa oħrajn” skont l-Artikolu 12(6)), implimentaw ir-rekwiżit minimu li jagħmlu lill-kuntratturi diretti (“tal-ewwel livell”) fis-settur tal-kostruzzjoni ġeneralment responsabbli f’każ li l-impjegatur (is-sottokuntrattur) jonqos li jħallas il-pagi li jikkorrispondu tal-inqas għall-paga minima applikabbli u l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali.

Disa’ Stati Membri (l-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, u r-Renju Unit) jillimitaw din ir-responsabbiltà għas-settur tal-kostruzzjoni. L-Istati Membri l-oħra kollha jestendu l-iskema ta’ responsabbiltà ta’ sottokuntrattar għal setturi oħra. Ħdax-il Stat Membru (Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja u l-Ungerija) iddeċidew li jestendu l-iskema għas-setturi kollha tal-ekonomija.

3.9.2.Applikazzjoni usa’ f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni u firxa

Filwaqt li ħafna mill-Istati Membri jillimitaw ir-responsabbiltà għall-kuntrattur dirett, għaxar Stati Membri (l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja) jipprovdu l-possibbiltà li jintalbu ħlasijiet mhux issodisfati anke minn partijiet li mhumiex f’relazzjoni kuntrattwali diretta mal-impjegatur li jistazzjona. Fl-Awstrija, madankollu, dan japplika biss fejn l-użu ta’ diversi livelli kellu l-għan li jevita obbligi legali, u l-Litwanja u l-Iżvezja llimitaw ir-responsabbiltà għall-kuntrattur ewlieni tal-proġett ta’ kostruzzjoni.

Aktar komunement, il-ħaddiema huma intitolati jitolbu l-pagi totali tagħhom (jiġifieri anki l-pagi stipulati b’kuntratt li huma ogħla mill-paga minima) jew mill-inqas il-kumpens għal xogħol ta’ sahra mill-kuntrattur. Dan tal-ewwel japplika għat-tlettax-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, l-Estonja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja), u tal-aħħar għal tlieta oħra (il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja). Franza tinkludi wkoll il-provvista tal-akkomodazzjoni mill-impjegatur, u l-Lussemburgu estenda r-responsabbiltà għall-pretensjonijiet monetarji kollha li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ impjieg sakemm dawn jikkonċernaw xogħol fil-qafas tal-provvista ta’ servizz tal-impjegatur.

Fl-istess ħin, il-pajjiżi kollha minbarra l-Awstrija jillimitaw ir-responsabbiltà tal-kuntrattur għall-ammont stipulat fil-kuntratt mas-sottokuntrattur.

3.9.3.Diliġenza dovuta

Id-Direttiva tippermetti l-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni li permezz tagħha l-kuntratturi li jilħqu standards speċifiċi ta’ “diliġenza dovuta” fir-rigward tas-sottokuntrattur tagħhom ikunu eżentati mir-responsabbiltà (l-Artikolu 12(5)).

Sittax-il Stat Membru introduċew l-għażla ta’ difiża ta’ diliġenza dovuta. Fil-maġġoranza tal-każijiet, dan jieħu l-forma ta’ evalwazzjoni ġenerali tad-diliġenza tal-kuntrattur fil-każ individwali (Ċipru, l-Estonja, il-Greċja, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Polonja u r-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka).

Tnax-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u l-Ungerija) għandhom kriterji espliċiti għall-obbligi tal-kuntrattur li jikkontrolla u/jew jippromwovi l-konformità mis-sottokuntrattur stipulati bil-liġi, fejn il-grad ta’ dettall ivarja minn indikazzjoni ġenerali ħafna fil-Polonja għal enumerazzjoni estensiva ta’ kriterji fil-Kroazja. Il-liġi Taljana tipprovdi għal diliġenza dovuta biss fis-settur tat-trasport bit-triq.

3.9.4.Miżuri oħra xierqa ta’ infurzar skont l-Artikolu 12(6)

Kif imsemmi hawn fuq, id-Danimarka u l-Finlandja huma l-uniċi pajjiżi li ma introduċewx skemi ta’ responsabbiltà ta’ sottokuntrattar. Fid-Danimarka, l-iskema alternattiva għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 12(6) hija bbażata fuq l-istabbiliment ta’ Fond tas-Suq tax-Xogħol għall-Ħaddiema Stazzjonati li permezz tiegħu, jekk ħaddiema stazzjonati fid-Danimarka u koperti minn ftehim kollettiv Daniż ikollhom problemi biex jirċievu l-paga tagħhom mingħand l-impjegatur, il-ħaddiem jista’ jieħu l-paga mhux imħallsa mill-fond imsemmi hawn fuq. Jekk il-fond ikun ħallas pagi lill-ħaddiema stazzjonati kif imsemmi hawn fuq, l-impjegatur kif ukoll il-benefiċjarju tas-servizzi Daniż huma meħtieġa jħallsu kontribuzzjoni straordinarja lill-fond. Il-fond għandu jfittex li jirkupra l-paga li l-fond ikun ħallas lill-ħaddiema mill-impjegatur tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Il-fond huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-impjegaturi (kemm Daniżi kif ukoll barranin) li jipprovdu servizzi fid-Danimarka.

Fil-Finlandja, jekk ħaddiem stazzjonat ma jkunx ħallas ir-rata tal-paga minima, huwa jista’ jinnotifika lill-bennej tas-sit tal-kostruzzjoni jew lill-kuntrattur ġenerali dwar il-kwistjoni. Wara li jirċievi n-notifika, il-bennej jew il-kuntrattur ġenerali għandhom immedjatament jitolbu lill-impriża ta’ stazzjonar biex tipprovdi rapport dwar il-pagi mħallsa lill-ħaddiem stazzjonat. Il-bennej jew il-kuntrattur ġenerali għandhom jibagħtu minnufih it-talba għall-informazzjoni u r-rapport sottomess mill-impriża tal-istazzjonar lill-ħaddiem. Fuq talba tal-ħaddiem, it-talba għall-informazzjoni u r-rapport għandhom jintbagħtu minnufih lill-awtorità tas-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali. Il-bennej jew il-kuntrattur ġenerali għandhom iżommu t-talba għal informazzjoni u jirrappurtaw għal sentejn wara t-tmiem tax-xogħol. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-obbligi jista’ jwassal għal sanzjoni iżda mhux għar-responsabbiltà tal-kuntrattur għal talbiet pendenti ta’ pagi.

3.9.5.L-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ responsabbiltà għall-fornituri ta’ servizz transfruntier biss

L-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu sistema ta’ responsabbiltà għas-sottokuntrattar li tapplika biss għall-fornituri tas-servizzi trasnfruntiera, peress li din tiddiskrimina direttament kontra dawk il-fornituri tas-servizzi. Sistema bħal din tista’ tiskuraġġixxi lill-klijenti finali u lill-kuntratturi tal-klijenti biex jikkuntrattaw jew jissottokuntrattaw ma’ impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

Sittax-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Bulgarija, l-Estonja, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, ir-Renju Unit u l-Ungerija) jidhru li japplikaw dispożizzjonijiet ta’ responsabbiltà għas-sottokuntrattar biss għal fornituri ta’ servizzi barranin, filwaqt li Stati Membri oħra japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet jew oħrajn kumparabbli b’mod ugwali għal fornituri ta’ servizzi domestiċi kif ukoll barranin.

Barra minn hekk, il-liġi nazzjonali dwar ir-regoli tar-responsabbiltà fl-Awstrija, fl-Estonja, fl-Ungerija u fl-Italja tidher li tapplika għal kwalunkwe sitwazzjoni (mhux biss għal sottokuntrattar) meta l-impjegatur jidħol f’kuntratt ma’ fornitur ta’ servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor.

3.10.L-infurzar transfruntier ta’ penali u/jew multi amministrattivi finanzjarji (Kapitolu VI)

L-Artikoli 13 sa 19 tad-Direttiva jittrattaw l-infurzar transfruntier ta’ penali u (jew) multi amministrattivi finanzjarji. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li d-deċiżjoni mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed li timponi penali fuq fornitur tas-servizz tiġi nnotifikata lid-destinatarju u rkuprata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab il-fornitur.

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ttrasponew l-Artikoli 13 sa 19 b’mod espliċitu. Permezz ta’ eċċezzjoni, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda u r-Renju Unit jirrapportaw konformità permezz tal-prattika tal-awtoritajiet iktar milli permezz ta’ dispożizzjonijiet legali ġodda. Twettqet traspożizzjoni parzjali fin-Netherlands (l-ebda traspożizzjoni tal-Artikoli 13, 14, u 18) u fis-Slovenja (l-ebda traspożizzjoni tal-Artikolu 18).

Statistika tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern dwar l-użu tal-Kapitolu VI

Ftit Stati Membri biss (l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, l-Italja, l-Iżvezja, n-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja) għamlu użu mill-koperazzjoni amministrattiva taħt l-infurzar transfruntier ta’ penali u/jew multi amministrattivi finanzjarji bħala awtorità rikjedenti, li jfisser li tintbagħat talba lil Stat Membru ieħor sabiex tiġi nnotifikata jew irkuprata penali jew multa.

Is-sitwazzjoni hija differenti meta nanalizzaw kemm Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Latvja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, r-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, u l-Ungerija) ġew indirizzati bħala awtorità rikjesta, li tfisser li ntbagħtitilhom talba biex tiġi nnotifikata jew irkuprata penali jew multa.

B’mod ġenerali, il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern dwar dawn il-kwistjonijiet hija meqjusa effettiva mill-Istati Membri li wieġbu għall-kwestjonarju tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema. Xi problemi prattiċi ġew indikati fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ multi u penali fi Stati Membri oħra u r-raġunijiet għar-rifjut li tingħata penali jew multa. Dawn il-kwistjonijiet qed jiġu diskussi mill-esperti tal-Istati Membri fil-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema. Xi Stati Membri indikaw żieda fl-ammont ta’ xogħol minħabba t-talbiet.

L-istatistika tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern turi li l-użu tal-kooperazzjoni amministrattiva għall-infurzar transfruntier ta’ penali u/jew multi finanzjarji u amministrattivi huwa baxx.

Fl-2018, intbagħtu 568 talba permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern sabiex tiġi nnotifikata deċiżjoni ta’ penali jew multa amministrattiva u 201 talba sabiex tali penali jew multa tiġi rkuprata. L-Awstrija bagħtet l-ogħla numru ta’ talbiet għal notifika ta’ deċiżjoni (550) kif ukoll l-ogħla numru ta’ talbiet għall-irkupru ta’ penali jew multa (192).

Is-Slovenja rċeviet l-ogħla numru ta’ talbiet għal notifika ta’ deċiżjoni (190), segwita mir-Repubblika Ċeka (90), ir-Rumanija (67) u l-Ungerija (51). Is-Slovenja rċeviet ukoll l-ogħla numru ta’ talbiet għall-irkupru ta’ penali jew multa li ntbagħtu wkoll lis-Slovenja (69), segwita mill-Ungerija (44) u r-Repubblika Ċeka (21).

Ara l-Anness III tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għal ħarsa ġenerali tal-istatistika.

3.11.Penali

Skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penali fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

3.11.1.Penali għall-ksur ta’ dmirijiet amministrattivi relatati mal-istazzjonar ta’ ħaddiema

L-Istati Membri kollha implimentaw sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur amministrattiv.

L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u Malta ddefinixxew il-firxa possibbli tas-sanzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata għal kull ħaddiem. Tqabbil tal-multa massima għal kull ħaddiem juri li din tvarja minn EUR 1165 f’Malta għal EUR 10 000 fl-Awstrija u fil-Finlandja.

Inkella, jew barra minn hekk, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, r-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija jiddefinixxu l-firxa jew tal-inqas il-limitu massimu tas-sanzjonijiet applikabbli għal kull impjegatur, irrispettivament min-numru ta’ ħaddiema kkonċernati. L-ammont massimu ta’ dawn il-multi jvarja minn EUR 240 fil-Litwanja sa EUR 48 000 fil-Belġju.

Fl-Awstrija, fil-Bulgarija, fid-Danimarka, fi Franza, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu, fin-Netherlands u fi Spanja, ksur ripetut iġib miegħu sanzjoni oħra. B’riżultat ta’ dan, il-multa għal kull ħaddiem tista’ tiżdied sa EUR 20 000 fl-Awstrija, u tkun prevista wkoll sospensjoni tal-attivitajiet fl-Awstrija u (għal aġenziji ta’ xogħol temporanju) fi Spanja. Hemm ukoll ċirkostanzi definiti li fihom il-limitu massimu applikabbli jista’ jkompli jiżdied - u dan jitla’ sa EUR 40 000 għal kull ħaddiem fl-Awstrija għal ksur ripetut li jikkonċerna aktar minn tliet ħaddiema. Fl-aħħar nett, tliet pajjiżi (l-Awstrija, il-Bulgarija u l-Kroazja) jipprevedu sanzjoni għall-individwu (maniġer) involut fil-ksur.

3.11.2.Penali għall-ksur tad-drittijiet ta’ ħaddiema stazzjonati

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jistipulaw penali applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-impjegatur mal-obbligi lejn il-ħaddiema tiegħu imposti mid-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema.

L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Franza, il-Greċja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, Spanja u l-Ungerija jqisu l-għadd ta’ ħaddiema kkonċernati f’dan il-każ. Il-multa massima tvarja minn EUR 1165 f’Malta għal EUR 50 000 (għaċ-ċaħda tal-primjum għax-xogħol fil-vaganzi) fil-Lussemburgu.

Il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall (ħlief f’xi każijiet), ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u r-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka stabbilew sistema fejn is-sanzjoni li għandha tiġi imposta fuq l-impjegatur ma tiddependix fuq l-għadd ta’ ħaddiema kkonċernati. Il-multi massimi previsti f’dawn is-sistemi jvarjaw minn EUR 300 fil-Litwanja għal EUR 500 000 fil-Ġermanja.

Ksur ripetut u ċirkustanzi kwalifikanti oħra jwasslu għal penali ogħla fl-Awstrija, fil-Belġju, fil-Bulgarija, f’Ċipru, fi Franza, fil-Greċja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fis-Slovakkja, fir-Renju Unit u fl-Ungerija jew iridu jiġu kkunsidrati meta jiġi ddeterminat l-ammont tas-sanzjoni speċifika bħal fil-każ tal-Ġermanja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-multa massima għal kull ħaddiem tista’ tilħaq EUR 40 000 fl-Awstrija, u l-ogħla multa totali possibbli għal impriża fil-Belġju tista’ titla’ sa EUR 96 000. Sanzjonijiet mhux monetarji f’każijiet serji bħal dawn jinvolvu piena ta’ ħabs f’Ċipru u fil-Greċja, is-sospensjoni tal-attivitajiet fi Franza u l-inklużjoni tal-impjegatur fi skema ta’ “naming and shaming” fir-Renju Unit. Fl-aħħar nett, l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, is-Slovakkja u s-Slovenja jimponu wkoll multi fuq individwi, bħal maniġers, involuti fil-ksur.

Il-kriterji biex tittieħed deċiżjoni dwar l-ammont ta’ multi normalment ikunu l-istess bħal dawk imsemmija fil-Kapitolu 3.11.1.

3.11.3.Miżuri oħrajn

Fl-Awstrija, il-liġi nazzjonali tipprovdi l-possibbiltà li l-impjegatur jiġi pprojbit milli jwettaq ix-xogħol. Barra minn hekk, il-liġi nazzjonali tipprovdi għal “depożitu ta’ sigurtà” u “iffriżar tal-ħlas”, li jistgħu jiġu imposti f’każ ta’ suspett ta’ ksur ta’ kwalunkwe regola rilevanti mill-impjegatur.

Valutazzjoni ġenerali

Ġie indikat mir-rappreżentanti tal-impjegaturi li s-sanzjonijiet u l-livell ta’ multi għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti amministrattivi f’xi Stati Membri mhumiex proporzjonati. Minbarra l-multi, jintużaw ukoll inġunzjonijiet, li permezz tagħhom il-ħaddiema stazzjonati jiġu miċħuda mill-aċċess għas-sit tax-xogħol tagħhom u b’hekk jiġi mfixkel il-forniment tas-servizz. Skont it-trejdjunjins, is-sanzjonijiet, il-penali u l-multi ta’ spiss mhumiex effettivi u lanqas dissważivi biżżejjed. Huma jsostnu li l-vantaġġ għall-kumpanija li ma tirrispettax ir-regoli jista’ jkun għoli ħafna u r-riskju li tiġi identifikata u mmultata normalment jkun baxx.

Meta introduċew is-sistema ta’ dikjarazzjoni, ħafna Stati Membri introduċew penali għall-ksur ta’ dan ir-rekwiżit amministrattiv. Il-multi xi kultant huma għolja daqs il-penali għall-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema. F’xi każijiet il-multi jiġu kkalkulati abbażi tal-għadd ta’ ħaddiema stazzjonati kkonċernati u filwaqt li jitqies il-ksur preċedenti, li jista’ jwassal għal multi kbar.

Għalkemm id-Direttiva kienet għadha ma kinitx applikabbli ratio temporis għall-każ, huwa utli li tissemma sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, fil-Kawża C-33/17, Čepelnik 11 , fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE għandu jkun interpretat li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li skontha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jordnaw lil parti li tikkummissjona f’dak l-Istat Membru biex tissospendi l-ħlasijiet lill-kuntrattur stabbilit fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, tipprekludi wkoll obbligu li titħallas garanzija f’ammont ekwivalenti għall-prezz li jkun għadu dovut għax-xogħlijiet sabiex jiġi ggarantit il-ħlas tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq dak il-kuntrattur fil-każ ta’ ksur ipprovat tal-liġi tax-xogħol tal-ewwel Stat Membru.

Il-proporzjonalità tal-penali stipulati fid-dritt Awstrijak huwa wkoll fil-qalba tal-Kawża C‑64/18, Maksimovic 12 .

4.Data relatata mal-proċess tal-istazzjonar

Id-disponibbiltà ta’ data komprensiva u affidabbli dwar il-proċess tal-istazzjonar għandha xi nuqqasijiet għalkemm l-implimentazzjoni tad-Direttiva qed iġġib xi titjib.

Is-sors ewlieni ta’ informazzjoni komparabbli dwar in-numru ta’ stazzjonamenti u ħaddiema stazzjonati huwa l-hekk imsejjaħ “Dokument Portabbli A1” fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Din il-formola hija pprovduta mill-Istat Membru kompetenti fuq talba tal-impjegatur jew tal-persuna kkonċernata u tistabbilixxi l-preżunzjoni li d-detentur huwa affiljat kif suppost mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li ħareġ iċ-ċertifikat. Hija r-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali li jiġbru d-data nazzjonali rigward id-dokumenti maħruġa u riċevuti, u li jikkomunikawha lill-Kummissjoni li tħejji rapport annwali komparattiv fil-qafas tal-Kummissjoni Amministrattiva tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali.

Id-data miġbura permezz ta’ dan il-proċess għandha l-vantaġġ tal-affidabbiltà u l-komparabbiltà fost l-Istati Membri. Madankollu, għandha xi limitazzjonijiet. L-ewwel nett, il-fatt li d-data hija bbażata fuq id-definizzjoni ta’ stazzjonar skont ir-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali joħloq xi diskrepanzi mad-definizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Dan huwa partikolarment il-każ f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u l-persuni attivi f’żewġ Stati Membri jew aktar fl-għadd totali u fin-nuqqas ta’ data dwar stazzjonamenti li jdumu aktar minn sentejn, li huma inklużi fid-data tad-Dokument Portabbli A1. It-tieni, il-konformità effettiva mar-regoli tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tista’ tinfluwenza l-adegwatezza tad-data dwar l-istazzjonamenti għal żmien qasir, għal għarrieda u ripetittivi. Fl-aħħar nett, hemm xi nuqqasijiet fil-kompletezza tad-data li tasal dwar il-ħaddiema stazzjonati, b’mod partikolari fir-rigward tal-pajjiż ta’ destinazzjoni tal-ħaddiema stazzjonati f’żewġ Stati Membri jew aktar, li huma inerenti għall-proċess ta’ ġbir ta’ data fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Kif wieħed jista’ jara mill-Kapitolu 3.6.1 l-Istati Membri kollha (ħlief ir-Renju Unit) introduċew obbligu ta’ dikjarazzjoni sempliċi u, għalhekk, issa huwa possibbli li d-data bbażata fuq il-formola tad-Dokument Portabbli A1 tkun ikkomplementata b’data li tikkonċerna d-dikjarazzjonijiet ta’ stazzjonar.

Fl-2018, din id-data nġabret għall-ewwel darba permezz ta’ kwestjonarju, li ntbagħat lill-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema. Ir-rapport jippreżenta r-riżultati tal-ġbir tad-data dwar in-numru ta’ ħaddiema stazzjonati rreġistrati fis-sistemi ta’ dikjarazzjoni tal-Istati Membri ospitanti fl-2017. Dan ir-rapport jinsab fl-Anness IV tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

Dawn iż-żewġ sorsi ta’ ġbir ta’ data għandhom il-potenzjal li jikkomplementaw lil xulxin u jippermettu li jkun hemm informazzjoni aktar preċiża b’mod partikolari dwar l-għadd ta’ ħaddiema stazzjonati u l-istazzjonamenti fl-Istati Membri ospitanti, is-setturi ta’ attività li qed jaħdmu fihom u fuq it-tul ta’ żmien medju tal-perjodu tal-istazzjonar.

5.Ftehimiet bilaterali

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Kroazja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja) għandhom ftehimiet bilaterali jew dikjarazzjonijiet konġunti ma’ Stati Membri oħra li jkopru l-qasam tal-istazzjonar ta’ ħaddiema f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni amministrattiva bejn awtoritajiet differenti. Il-maġġoranza ta’ dawn l-Istati Membri rrapportaw li użaw dawn il-ftehimiet minflok jew flimkien mas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, u dan għal diversi raġunijiet. Skont it-tweġibiet tal-Istati Membri, fil-Kroazja u fin-Netherlands l-ewwel kuntatt isir b’mod bilaterali, biex tinġabar aktar informazzjoni, u wara s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern tintuża għall-iskambji. Fl-Estonja, xi drabi l-iskambju ta’ informazzjoni jitqies li huwa aktar veloċi bit-telefon u bil-posta elettronika.

Madankollu, hemm ukoll numru kbir ta’ Stati Membri (Ċipru, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Iżvezja, l-Italja, il-Litwanja, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka, il-Portugall, is-Slovakkja, u l-Ungerija) li jużaw biss is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern għall-kooperazzjoni amministrattiva minħabba li l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern huwa meqjus aktar konvenjenti jew fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ftehim bilaterali applikabbli.

6.Emendi possibbli u titjib ieħor

L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva jiddikjara li l-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel ir-reviżjoni tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva, għandha tipproponi wkoll, fejn xieraq, emendi u modifiki meħtieġa. Barra minn hekk, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva jindika espressament il-possibbiltà ta’ emendi f’żewġ każijiet. L-ewwel nett, fir-rigward tal-listi ta’ elementi fattwali fl-Artikolu 4(2) u (3) dwar il-valutazzjoni ġenerali biex jiddeterminaw jekk impriża twettaqx attivitajiet sostanzjali b’mod ġenwin fl-Istat Membru ta’ stabbiliment u jekk ħaddiem stazzjonat iwettaqx ix-xogħol tiegħu temporanjament fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih normalment jaħdem. Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ listi, jistgħu jiġu definiti elementi ġodda possibbli. It-tieni nett, rigward l-aġġustament tal-iskadenzi fl-Artikolu 6(6) bil-ħsieb li dawn jitnaqqsu.

Fir-rigward tal-listi ta’ elementi fattwali fl-Artikolu 4(2) u (3), xi Stati Membri ġeneralment indikaw fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju li dawn il-listi kienu kkunsidrati adegwati, filwaqt li xi Stati Membri jissuġġerixxu li fl-Artikolu 4(2), tiżdied pereżempju, informazzjoni relatata mal-fatturat, l-indirizz tal-kumpaniji rreġistrati jew il-maniġer personali, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxa korporattiva, il-liġi u/jew il-ftehim kollettiv applikabbli u l-impriża li tiggwida u tissorvelja lill-impjegat, tiddefinixxi s-sahra u tħejji l-iskeda tax-xogħol. Madankollu, dawn il-kwistjonijiet huma diġà koperti mill-Artikolu 4 (jew mistoqsijiet relatati mal-Artikolu 4 fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern), l-Artikolu 9(1) jew jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 9(2), jekk l-Istati Membri jixtiequ jagħmlu użu minnhom. Barra minn hekk, kien innotat li l-listi ta’ elementi fl-Artikolu 4 mhumiex eżawrjenti. L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu elementi oħrajn/addizzjonali fil-liġi nazzjonali tagħhom li tittrasponi d-Direttiva, kif għamlu xi wħud.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li jeħtieġ li tipproponi l-emenda tal-Artikolu 4 f’dan l-istadju.

Fir-rigward tal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 6(6) biex tingħata l-informazzjoni mitluba fis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, l-ebda Stat Membru ma ssuġġerixxa fit-tweġibiet tiegħu għall-kwestjonarju li dawn għandhom jitqassru. Barra minn hekk, l-istatistika tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern turi li madwar żewġ terzi tat-talbiet jitwieġbu sal-iskadenzi.

Għar-raġunijiet elenkati hawn fuq, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa utli li l-Artikolu 6(6) jiġi emendat f’dan l-istadju. Fid-dawl tat-tisħiħ ulterjuri tal-infurzar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema, il-Kummissjoni se tieħu passi biex tippromwovi u tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva, b’mod partikolari permezz tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol.

Hemm xi oqsma li tressqu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni minn partijiet interessati differenti u fejn jista’ jkun hemm bżonn ta’ titjib. Dawn jinkludu s-simplifikazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll amministrattiv billi, pereżempju, tiġi introdotta sistema waħda ta’ dikjarazzjoni fl-UE kollha jew mudell komuni għas-siti web. Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ ħidma konġunta fil-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema jew fil-qafas tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, ladarba din issir operattiva u għalhekk ma jirrikjedux emendi fid-Direttiva.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u filwaqt li jitqies il-perjodu ta’ żmien limitat li d-Direttiva kienet fis-seħħ u l-fatt li ma ġewx indikati aktar problemi li jkunu jirrikjedu emendi għad-Direttiva, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa neċessarju li tipproponi xi emendi għad-Direttiva f’dan l-istadju.

7.Konklużjonijiet

Ir-regoli applikabbli għall-istazzjonar ġew diskussi fil-livell tal-UE matul dawn l-aħħar ħames snin. F’Mejju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar id-Direttiva tal-Infurzar 2014/67/UE (“id-Direttiva”), li tinkludi qafas komuni ta’ sett ta’ dispożizzjonijiet, miżuri u mekkaniżmi ta’ kontroll meħtieġa għal implimentazzjoni, applikazzjoni u infurzar aħjar u uniformi fil-prattika tad-Direttiva 96/71/KE.

Wara proposta mill-Kummissjoni f’Marzu 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu f’Lulju 2018 dwar id-Direttiva 2018/957/UE li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema bil-għan li jiġu żgurati aħjar id-drittijiet tal-ħaddiema u li tiġi garantita kompetizzjoni ġusta għall-fornituri tas-servizzi. L-emendi introdotti bid-Direttiva 2018/957 japplikaw biss mit-30 ta’ Lulju 2020.

Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-atturi rilevanti kollha mill-Istati Membri u s-sħab soċjali, fit-tħejjija dwar l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda. Din il-ħidma rigward id-Direttiva 2018/957/UE għadha għaddejja.

Illum, il-Kummissjoni tinnota li t-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri kollha tejbet l-infurzar tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema fl-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern. Bl-introduzzjoni ta’ rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta’ kontroll, l-Istati Membri jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli u jiżguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati jkunu garantiti.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li d-Direttiva tkompli tiġi trasposta u applikata b’mod korrett, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta’ kontroll u r-responsabbiltà tas-sottokuntrattar.

Barra minn hekk, biex tiġi żgurata koerenza akbar fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-istazzjonar madwar l-UE, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll dokument ta’ gwida, wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u mal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali fil-livell Ewropew. Id-dokument  għandu l-għan li jgħin lill-impjegaturi, lill-ħaddiema u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jifhmu r-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Il-gwida se tiġi aġġornata b’mod regolari biex tqis żviluppi ġodda. Dan se jkun il-każ b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-istazzjonar għall-ħaddiema mobbli tat-trasport internazzjonali biex tiġi integrata l-ġurisprudenza tal-Qorti 13 tal-Ġustizzja u l-bidliet fil-qafas legali 14 .

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tipprovdi appoġġ lill-atturi kollha involuti, flimkien mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol hekk kif din tibda topera. B’mod partikolari, hija se tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli mill-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka sabiex tiżgura sinerġiji bejn is-servizzi kollha tal-informazzjoni u tal-assistenza u tiffaċilita l-konformità mar-rekwiżiti amministrattivi u tappoġġja l-proċeduri ta’ infurzar transfruntier relatati mal-penali u l-multi.

(1)

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(2)

Id-Direttiva 2018/957/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16).

(3)

L-emendi introdotti bid-Direttiva (UE) 2018/957 jibdew japplikaw biss mill-31 ta’ Lulju 2020.

(4)

Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).

(5)

Ir-referenzi għal-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva jistgħu jinstabu fuq il-paġna web tal-Eur-Lex. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/NIM/?qid=1547558891458&uri=CELEX%3A32014L0067

(6)

Stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar it-twaqqif tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (ĠU L 8, 13.1.2009, p. 26).

(7)

  https://europa.eu/youreurope/citizens/national-contact-points/index_mt.htm

(8)

  https://europa.eu/youreurope/citizens/work/work-abroad/posted-workers/index_mt.htm#national-websites

(9)

Ara s-sentenza Rush Portuguesa tas-27.3.1990, Kawża C-113/89, punt 17, kif ukoll is-sentenzi tal-21.10.2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, Kawża C-445/03, punt 40, u tad-19.1.2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-244/04, punt 36

(10)

Ħlief għar-Renju Unit fejn m’hemm l-ebda spettorat tax-xogħol jew awtorità simili.

(11)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-13 ta’ Novembru 2018, fil-Kawża C‑33/17, Čepelnik, d.o.o. v Michael Vavti, ECLI:EU:C:2018:896

(12)

Sentenza tal-Qorti tat-12 ta’ Settembru 2019, fil-Kawża C-64/18 Maksimovic (Kawżi Konġunti C-64/18, C-140/18, C-146/18, C-148/18) ECLI:EU:C: 2019:723.

(13)

B’mod partikolari fil-Kawżi Magħquda C-370/17 u C-37/18 u fil-Kawżi C-16/18 u C-815/18.

(14)

Ara l-proposta għal lex specialis għall-ħaddiema tat-trasport internazzjonali bit-triq, id-dokument COM (2017)278 u l-proposta għal Regolament biex jiġu aġġornati r-Regoli tal-UE dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali COM(2016) 815.

Top