Statistics Explained

Archive:Statistika dwar il-kawżi tal-mewt

Data estratta f’Ġunju 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ottubru 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 26 August 2021.


Highlights

Fl-2017, l-Ungerija rrapportat l-ogħla rati standardizzati tal-imwiet għall-kanċer tal-pulmun u għall-kanċer kolorettali fost l-Istati Membri tal-EU-27.

Fl-2017, l-inqas rati standardizzati tal-imwiet mis-suwiċidju fost l-Istati Membri tal-EU-27 kienu f'Ċipru, fil-Greċja u f’Malta.

Fl-EU-27, ir-rati standardizzati tal-imwiet kienu ogħla għall-irġiel milli għan-nisa għal kważi kull kawża ewlenija tal-mewt fl-2016.

Kawżi tal-mewt — rata standardizzata tal-imwiet, EU-27, 2016
(għal kull 100,000 abitant)
Sors: Eurostat (hlth_cd_asdr2)

Dan l-artiklu jagħti ħarsa ġenerali lejn l-istatistika riċenti dwar il-kawżi tal-mewt fl-Unjoni Ewropea (UE). Ir-riskji assoċjati mal-mewt minn firxa ta’ mard speċifiku u kawżi oħra jistgħu jiġu vvalutati billi l-imwiet kollha fil-popolazzjoni jiġu abbinati ma’ kawża ewlenija tal-mewt; dawn iċ-ċifri jistgħu jiġu analizzati b’mod ulterjuri skont l-età, il-ġeneru, il-pajjiż fejn seħħ il-mewt/ta’ residenza tal-persuna mejta, u r-reġjun (NUTS il-level 2), permezz ta’ rati standardizzati tal-imwiet.

Full article

Sejbiet ewlenin

L-aħħar informazzjoni għall-EU-27 relatata mal-kawżi tal-mewt hi disponibbli għall-perjodu ta’ referenza tal-2016, filwaqt li għal kważi l-Istati Membri kollha tal-UE hemm disponibbli d-data għall-2017. It-tabella 1 turi li l-mard tas-sistema taċ-ċirkolazzjoni u l-kanċer (neoplażmi malinni) kienu, bil-bosta, il-kawżi ewlenin tal-mewt fl-EU-27.

Tabella 1: Kawżi tal-mewt — rata standardizzata tal-imwiet, 2017
(għal kull 100,000 abitant)
Sors: Eurostat (hlth_cd_asdr2)

Żviluppi bejn l-2006 u l-2016

Ir-rati standardizzati tal-imwiet għall-kanċer, il-mard tal-qalb iskemiku u l-inċidenti tat-trasport irreġistraw xejra ta’ tnaqqis bejn l-2006 u l-2016

Bejn l-2006 u l-2016, kien hemm tnaqqis ta’ 11.1 % fir-rati standardizzati tal-imwiet fl-EU-27 relatati mal-kanċer għall-irġiel u tnaqqis ta’ 5.1 % għan-nisa — ara l-Figuri 1 u 2. Tnaqqis akbar ġie rreġistrat fir-rigward tal-imwiet minn mard tal-qalb iskemiku, jiġifieri r-rati tal-imwiet naqsu bi 28.4 % għall-irġiel u 34.2 % għan-nisa. Tnaqqis ferm akbar ġie rreġistrat għall-imwiet mill-inċidenti tat-trasport, jiġifieri r-rati naqsu b’40.7 % għall-irġiel u b’41.3 % għan-nisa. Ir-rata standardizzata tal-imwiet għall-kanċer tas-sider naqset b’6.9 % għan-nisa, jiġifieri akbar mit-tnaqqis osservat għan-nisa għal kull tip ta’ kanċer (5.1 %). B’kuntrast ma’ dan, ir-rati tal-imwiet għall-mard tas-sistema nervuża żdiedu bi 23.2 % għall-irġiel u b’25.7 % għan-nisa. F’dawn l-aħħar snin, ir-rata standardizzata tal-imwiet għall-kanċer tal-pulmun (inkluż il-kanċer tat-trakea u tal-bronki) naqset għall-irġiel u żdiedet għan-nisa. Għall-irġiel, ir-rata naqset bi 11.7 % bejn l-2009 u l-2016, filwaqt li għan-nisa żdiedet bi 15.2 % tul l-istess perjodu.

Figura 1: Kawżi tal-mewt — rata standardizzata tal-imwiet għal kull 100,000 abitant, l-irġiel, EU-27, 2006-2016
(2006 = 100)
Sors: Eurostat (hlth_cd_asdr) u (hlth_cd_asdr2)


Figura 2: Kawżi tal-mewt — rata standardizzata tal-imwiet għal kull 100,000 abitant, in-nisa, EU-27, 2006-2016
(2006 = 100)
Sors: Eurostat (hlth_cd_asdr) u (hlth_cd_asdr2)

Kawżi tal-mewt fl-Istati Membri tal-EU-27 fl-2017

Ir-rata standardizzata tal-imwiet għall-mard tal-qalb iskemiku fl-EU-27 kienet 119.4-il mewta għal kull 100 000 abitant fl-2016

Il-mard tas-sistema taċ-ċirkolazzjoni jinkludi l-mard relatat ma’ pressjoni għolja tad-demm, kolesterol, dijabete u tipjip. L-aktar kawżi komuni tal-mewt minn mard tas-sistema taċ-ċikolazzjoni huma l-mard tal-qalb iskemiku u l-mard ċerebrovaskulari. Il-mard tal-qalb iskemiku kien jammonta għal 119.4-il mewta għal kull 100 000 abitant madwar l-EU-27 fl-2016. L-Istati Membri tal-EU-27 bl-ogħla rati standardizzati tal-imwiet minn mard tal-qalb iskemiku kienu l-Litwanja, l-Ungerija, is-Slovakkja u l-Latvja, li lkoll irrapportaw bejn 369.8 u 536.2 mewta għal kull 100 000 abitant fl-2017. Fl-estrem l-ieħor, Franza (data tal-2016), in-Netherlands, Spanja, il-Portugall, il-Belġju, id-Danimarka, il-Lussemburgu, u l-Italja kellhom l-inqas rati standardizzati tal-imwiet minn mard tal-qalb iskemiku, li lkoll irrapportaw inqas minn 100 mewta għal kull 100 000 abitant fl-2017; dan kien ukoll il-każ fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera.

L-Ungerija rrapportat l-ogħla rati standardizzati tal-imwiet għall-kanċer tal-pulmun u għall-kanċer kolorettali

Il-kanċer kien kawża ewlenija tal-mewt, b’medja ta’ 257.1 mewta għal kull 100 000 abitant minn fost l-EU-27 fl-2016. L-aktar forom komuni ta’ kanċer — ilkoll b’rati standardizzati tal-imwiet li jaqbżu l-10.0 għal kull 100 000 abitant — kienu jinkludu neoplażmi malinni ta’: it-trakea, il-bronki u l-pulmun; il-kolon, il-blukkatur rektosigmojdu, ir-rektum, l-anus u l-kanal anali; is-sider; il-frixa; il-prostata; l-istonku; u l-fwied u l-kanali tal-bili.

Iċ-ċittadini tal-Ungerija, tal-Korazja, tas-Slovakkja u tas-Slovenja kellhom l-akbar probabbiltà li jmutu bil-kanċer, u kull wieħed minn dawn l-Istati Membri tal-EU-27 jirrappurtaw aktar minn 308.1 mewta għal kull 100 000 abitant fl-2017. Fil-Latvja u fil-Polonja, kif ukoll fis-Serbja, ir-rati tal-mewt kienu qrib ħafna ta’ dan il-livell. L-Ungerija rreġistrat, bil-bosta, l-ogħla rata standardizzata tal-imwiet mill-kanċer tal-pulmun fost l-Istati Membri tal-EU-27, b’89.2 mewta għal kull 100 000 abitant, segwita mill-Kroazja bi 68.4 mewta għal kull 100 000 abitant, u mill-Polonja u mid-Danimarka b’67.0 u b’66.8 għal kull 100 000 abitant, rispettivament; is-Serbja rrapportat ukoll rata standardizzata tal-imwiet relattivament għolja b’69.3 mewta għal kull 100 000 abitant. L-ogħla rata standardizzata tal-imwiet għall-kanċer kolorettali fl-2017 ġiet osservata wkoll fl-Ungerija bi 53.1 mewta għal kull 100 000 abitant, filwaqt li l-Kroazja rreġistrat rata standardizzata ta’ 48.4 mewta għal kull 100 000 abitant u s-Slovakkja rreġistrat rata ta’ 46.9 mewta għal kull 100 000 abitant.

Il-mard respiratorju kien it-tielet l-aktar kawża komuni ta’ mewt fl-EU-27

Wara l-mard taċ-ċirkolazzjoni u l-kanċer, il-mard respiratorju kien it-tielet l-aktar kawża komuni ta’ mewt fl-EU-27, b’medja ta’ 75.0 mewta għal kull 100 000 abitant fl-2016. F’dan il-grupp ta’ mard, il-mard respiratorju kroniku t’isfel kien l-aktar kawża komuni tal-mewt u warajh il-mard respiratorju t’isfel ieħor u l-pnewmonja. Il-mard respiratorju hu relatat mal-età, bil-maġġoranza l-kbira tal-imwiet minn dan il-mard irreġistrata fost persuni li kellhom 65 sena jew aktar.

Fl-2017, l-ogħla rati standardizzati tal-imwiet minn mard respiratorju fost l-Istati Membri tal-UE-27 ġew irreġistrati fl-Irlanda b’135.5 għal kull 100 000 abitant, id-Danimarka b’123.5 għal kull 100 000 abitant, Ċipru u l-Portugall b’116.3 u 116.2-il mewta għal kull 100 000 abitant, rispettivament. It-Turkija b’158.6 għal kull 100 000 abitant u r-Renju Unit b’136.0 għal kull 100 000 abitant, irrapportaw ukoll rati standardizzati għoljin tal-imwiet minn mard respiratorju.

L-aktar rati baxxi standardizzati tal-imwiet mis-suwiċidju kienu f’Ċipru, fil-Greċja u f’Malta

Fosst il-kawżi esterni tal-mewt hemm il-mewt minħabba l-awtoħsara intenzjonali (is-suwiċidju) u l-inċidenti tat-trasport. Għalkemm is-suwiċidju mhux kawża ewlenija tal-mewt u d-data għal xi Stati Membri tal-EU-27, aktarx hi sottorappurtata, ħafna drabi jitqies bħala indikatur importanti tal-problemi tas-soċjetà. Bħala medja, kien hemm 10.8 mewtiet għal kull 100 000 abitant minħabba s-suwiċidju fl-EU-27 fl-2016. L-inqas rati standardizzati tal-imwiet mis-suwiċidju fl-2017 ġew irreġistrati f’Ċipru b’4.1 għal kull 100 000 abitant, fil-Greċja u f’Malta b’4.5 u 4.6 għal kull 100 000 abitant rispettivament, u rati relattivament baxxi — ta’ inqas minn 8.0 mewta għal kull 100 000 abitant — ġew irreġistrati wkoll fl-Italja u fis-Slovakkja; fost il-pajjiżi li mhumiex membri murija fit-Tabella 1, ġew irreġistrati rati baxxi fit-Turkija bi 3.8 mewta għal kull 100 000 abitant u fir-Renju Unit b’7.5 għal kull 100 000 abitant. Ir-rata standardizzata tal-imwiet mis-suwiċidju fil-Litwanja, b’25.8 mewta għal kull 100 000 abitant, kienet kważi tliet darbiet aktar mill-medja tal-EU-27 (data tal-2016).

L-inqas rati standardizzati tal-imwiet minn inċidenti tat-trasport kienu fl-Iżvezja, fl-Irlanda, fil-Lussemburgu u fid-Danimarka

Għalkemm l-inċidenti tat-trasport iseħħu kuljum, il-frekwenza tal-mewt minn inċidenti tat-trasport fl-EU-27 fl-2016 (rata standardizzata tal-imwiet ta’ 6.0 għal kull 100 000 abitant) kienet aktar baxxa mill-frekwenza tas-suwiċidji. Ir-Rumanija, il-Kroazja u l-Polonja kellhom l-ogħla rati standardizzati tal-imwiet (aktar minn 9.0 mewtiet jew aktar għal kull 100 000 abitant) li jirriżultaw minn inċidenti tat-trasport, filwaqt li fl-estrem l-ieħor, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Lussemburgu u d-Danimarka rrappurtaw bejn 2.9 u 3.6 mewtiet minn inċidenti tat-trasport għal kull 100 000 abitant; fost il-pajjiżi tal-EFTA, rati inqas minn 4.0 mewtiet għal kull 100 000 abitant ġew irrappurtati wkoll mill-Iżlanda, min-Norveġja u mill-Iżvizzera, filwaqt li r-rata fir-Renju Unit bi 2.5 mewtiet għal kull 100 000 abitant, kienet l-inqas fosthom kollha.

Kawżi tal-mewt skont il-ġeneru

Ir-rati standardizzati tal-imwiet kienu ogħla għall-irġiel milli għan-nisa għal kważi kull kawża ewlenija tal-mewt

Għajr għall-kanċer tas-sider, ir-rati standardizzati tal-imwiet fl-EU-27 kienu ogħla għall-irġiel milli għan-nisa għall-kawżi ewlenin kollha tal-mewt fl-2016 — ara l-Figura 3. Ir-rati standardizzati tal-imwiet għall-abbuż mill-alkoħol u d-dipendenza mid-droga kienu aktar minn 4.0 darbiet ogħla għall-irġiel milli għan-nisa, filwaqt li r-rati tal-mewt fost l-irġiel għall-awtoħsara intenzjonali u l-HIV kienu bejn 3.8 u 3.4 darbiet iżjed minn dawk għan-nisa.

Figura 3: Kawżi tal-mewt — rata standardizzata tal-imwiet, EU-27, 2016
(għal kull 100 000 abitant)
Sors: Eurostat (hlth_cd_asdr2)

Għalkemm l-imwiet mill-kanċer kienu ġeneralment ogħla għall-irġiel milli għan-nisa, hemm għadd ta’ kanċers li huma prevalenti fost wieħed mill-ġeneri biss, bħall-kanċer tas-sider fin-nisa, filwaqt li xi kanċers oħra huma esklussivi għal wieħed mill-ġeneri, bħall-kanċer tal-utru għan-nisa, jew il-kanċer tal-prostata għall-irġiel. Il-kanċer tas-sider ammonta għal 32.7 mewta għal kull 100 000 abitant mara fl-EU-27 fl-2016. L-ogħla rati standardizzati tal-mewt fl-2017 ġew irreġistrati għas-Slovakkja b’40.7 mewta għal kull 100 000 abitant mara, il-Lussemburgu b’40.3 mewta għal kull 100 000 abitant mara, l-Irlanda b’37.8 mewta għal kull 100 000 abitant mara, l-Ungerija b’37.4 mewta għal kull 100 000 abitant mara, u d-Danimarka b’37.2 mewta għal kull 100 000 abitant mara. Fl-estrem l-ieħor, kien hemm anqas minn 30.0 mewta mill-kanċer tas-sider għal kull 100 000 abitant mara fl-2017, fi Spanja, fl-Iżvezja, fil-Litwanja, fil-Portugall, f’Malta, fil-Finlandja, fiċ-Ċekja u fil-Bulgarija, kif kien ukoll il-każ fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera fost il-pajjiżi tal-EFTA u t-Turkija fost il-pajjiżi kandidati.

Il-Litwanja, l-Ungerija, is-Slovakkja u l-Latvja rrapportaw l-ogħla inċidenza ta’ mard tal-qalb iskemiku fost l-irġiel u n-nisa

Fl-2017, l-ogħla rati standardizzati tal-imwiet minn mard tal-qalb iskemiku fost l-irġiel u n-nisa ġew irreġistrati fil-Litwanja, fl-Ungerija, fis-Slovakkja u fil-Latvja, filwaqt li l-inqas inċidenza ta’ mewt mill-mard tal-qalb iskemiku fost l-irġiel u n-nisa ġiet irreġistrati fi Franza (data tal-2016) u fin-Netherlands. L-inċidenza ta’ mewt mill-mard tal-qalb iskemiku kienet sistematikament ogħla għall-irġiel milli għan-nisa f’kull wieħed mill-Istati Membri tal-EU-27 (ara l-Figura 4) bl-akbar disparità bejn il-ġeneri — f’termini assoluti — ġiet irreġistrata fil-Latvja u fil-Litwanja. Fil-Latvja, ir-rata għall-irġiel kienet 544.7 għal kull 100 000 abitant meta mqabbla mal-282.0 għal kull 100 000 abitant għan-nisa, distakk ta’ 262.6 għal kull 100 000; fil-Litwanja, id-distakk kien 257.3 għal kull 100 000.

Figura 4: Mewt minn mard tal-qalb iskemiku — rata standardizzata tal-imwiet , 2017
(għal kull 100 000 abitant)
Sors: Eurostat (hlth_cd_asdr2)

Bl-istess mod, ir-rati standardizzati tal-imwiet mis-suwiċidju kienu sistematikament ogħla għall-irġiel milli għan-nisa — ara l-Figura 5. L-akbar distakk assolut bejn il-ġeneri fl-2017 kien fil-Litwanja għax ir-rata għall-irġiel kienet 47.2 għal kull 100 000 abitant meta mqabbla mad-9.1 għal kull 100 000 abitant għan-nisa. Iżda t-teħid tal-proporzjon sempliċi bejn ir-rati għall-irġiel u n-nisa wera li fil-Polonja, ir-rata għall-irġiel kienet 7.0 darbiet ogħla mir-rata għan-nisa. Dan il-proporzjon bejn il-ġeneri kien l-inqas fi Spanja, fil-Finlandja, fid-Danimarka, fil-Lussemburgu, fil-Belġju, fl-Iżvezja u fin-Netherlands, għax ir-rati standardizzati tal-imwiet mis-suwiċidju għall-irġiel kienu l-aktar 3.1 darbiet ogħla minn dawk għan-nisa.

Figura 5: Mewt mis-suwiċidju — rata standardizzata tal-imwiet, 2017
(għal kull 100 000 abitant)
Sors: Eurostat (hlth_cd_asdr2)

Kawżi tal-mewt fl-2017 tal-persuni li kellhom inqas minn 65 sena

Għall-persuni li kellhom inqas minn 65 sena, il-kawżi ewlenin tal-mewt kienu xi ftit differenti mil-lat tal-importanza relattiva tagħhom (ara t-Tabella 2). Il-kanċer kien l-aktar kawża prominenti tal-mewt f’dan il-grupp tal-età — b’medja ta’ rata standardizzata tal-imwiet ta’ 77.3 mewta għal kull 100 000 abitant fl-EU-27 fl-2016 — segwit mill-mard tas-sistema taċ-ċirkolazzjoni (44.8 mewta għal kull 100 000 abitant). Bil-kontra tad-data għall-popolazzjoni kollha, il-mard tas-sistema respiratorja ma kienx jidher fost l-aktar tliet kawżi prevalenti tal-mewt għall-persuni li kellhom anqas minn 65 sena: ir-rata standardizzata għall-mard tas-sistema respiratorja ma kinitx biss inqas mir-rati għall-kanċer u għall-mard tas-sistema taċ-ċirkolazzjoni iżda kienet inqas ukoll mir-rata tal-imwiet minn mard tas-sistema diġestiva (mhix murija fit-Tabella 2), minn inċidenti (fit-Tabella 2 jidhru biss l-inċidenti tat-trasport) u mis-suwiċidju.

Tabella 2: Kawżi ewlenin tal-mewt għall-persuni li kellhom inqas minn 65 sena, 2017
(rati standardizzati tal-imwiet għal kull 100 000 abitant)
Sors: Eurostat (hlth_cd_asdr2)

Ir-rati tal-imwiet fl-EU-27 għall-persuni li kellhom inqas minn 65 sena naqsu bejn l-2006 u l-2016 għal kull waħda mill-kawżi ewlenin tal-mewt li għalihom teżisti serje tal-ħin, kif jidher fil-Figura 6. It-tnaqqis kien partikolarment sod għall-inċidenti tat-trasport u l-mard tal-qalb iskemiku, fejn l-inċidenza ta’ mewt naqset b’44.6 % u 32.7 % rispettivament tul il-perjodu meqjus.

Figura 6: Kawżi tal-mewt — rata standardizzata tal-imwiet għal kull 100 000 abitant li għandu anqas minn 65 sena, EU-27, 2006-2016
(2006 = 100)
Sors: Eurostat (hlth_cd_asdr) u (hlth_cd_asdr2)

Sors tad-data għat-tabelli u l-graffs

Excel.jpg Kawżi tal-mewt: tabelli u figuri (bl-Ingliż)

Sorsi tad-data

L-istatistika dwar il-kawżi tal-mewt hi bbażata fuq żewġ pilastri: informazzjoni medika li tinsab fuq iċ-ċertifikati tal-mewt, li tista’ tintuża bħala bażi biex tiġi aċċertata l-kawża tal-mewt; u l-kodifikazzjoni tal-kawżi tal-mewt skont is-sistema tad-WHO-ICD. L-imwiet kollha fil-popolazzjoni huma identifikati mill-kawża ewlenija tal-mewt, fi kliem ieħor “il-marda jew il-korriment li jkunu bdew sensiela ta’ okkorrenzi morbużi li jwasslu direttament għall-mewt, jew għaċ-ċirkostanzi tal-inċident jew vjolenza li pproduċew il-korriment fatali” (definizzjoni adottata mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa).

Il-validità u l-affidabbiltà tal-istatistika dwar il-kawżi tal-mewt jiddependu, sa ċertu punt, fuq il-kwalità tad-data pprovduta mit-tobba li jiċċertifikaw. L-ineżattezzi jistgħu jirriżultaw minħabba diversi raġunijiet, fosthom:

  • żbalji fil-ħruġ taċ-ċertifikat tal-mewt;
  • problemi assoċjati mad-dijanjożi medika;
  • l-għażla tal-kawża ewlenija tal-mewt;
  • il-kodifikazzjoni tal-kawża tal-mewt.

Xi kultant ikun hemm ambigwità fil-kawża tal-mewt: minbarra l-marda li twassal direttament għall-mewt, id-data medika fuq iċ-ċertifikat tal-mewt jenħtieġ tkun tinkludi wkoll katina kawżali marbuta mat-tbatija li ġarrbet il-persuna mejta. Jistgħu jiġu indikati wkoll kundizzjonijiet sostanzjali oħra tas-saħħa, li ma kellhomx rabta mal-marda li wasslet direttament għall-mewt, iżda li setgħu affettwaw b’mod mhux favorevoli l-perkors tal-marda u b’hekk ikkontribwew għar-riżultat fatali. Tabilħaqq, xi kultant issir kritika li l-kodifikazzjoni ta’ marda waħda biss bħala l-kawża tal-mewt tidher dejjem aktar mhux realistika fid-dawl taż-żieda fl-istennija tal-għomor u t-tibdil assoċjat fil-morbidità. Għall-maġġoranza tal-persuni mejtin li kellhom 65 sena jew aktar, l-għażla ta’ kawża waħda biss tal-mewt, minn għadd ta’ kawżi possibbli tal-mewt, tista’ b’xi mod tqarraq Għal din ir-raġuni, uħud mill-Istati Membri tal-UE bdew iqisu l-kodifikazzjoni ta’ ħafna kawżi. Il-Eurostat appoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw sistema konġunta ta’ kodifikazzjoni awtomatizzata msejħa IRIS għal titjib u għal komparabbiltà aħjar tad-data dwar il-kawżi tal-mewt fl-Ewropa.

Reviżjoni tal-popolazzjoni standard Ewropea

L-għadd tal-imwiet minn kawża partikolari ta’ mewt jista’ jiġi espress b’mod relattiv għad-daqs tal-popolazzjoni. Tista’ tiġi kkumpilata rata standardizzata tal-imwiet (aktar milli bażika) li ma tkunx tiddependi fuq l-istruttura tal-età u tal-ġeneru ta’ popolazzjoni: dan isir għax ħafna mill-kawżi tal-mewt ivarjaw ġmielu skont l-età u skont il-ġeneru, u l-istandardizzazzjoni tiffaċilita tqabbil tar-rati matul iż-żmien u bejn il-pajjiżi.

Il-popolazzjoni standard Ewropea li tintuża għall-istandardizzazzjoni tar-rati bażiċi tmur lura għall-1976 u għalhekk kien meħtieġ li tiġi adattata għall-bidliet fl-istruttura tal-età tal-popolazzjoni tal-UE li seħħew min-nofs is-sebgħinijiet. Mal-Istati Membri tal-UE ġiet miftiehma Popolazzjoni Standard Ewropea (ESP) riveduta. Din tinkludi l-Istat Membri tal-EU-27 għajr il-Kroazja, kif ukoll ir-Renju u l-pajjiżi tal-EFTA. Il-bażi għall-kalkolu kienu l-previżjonijiet dwar il-popolazzjoni li saru fl-2010 għall-perjodu ta’ bejn l-2011 u l-2030; u ilha tintuża mis-sajf tal-2013.

It-tabelli f’dan l-artiklu jużaw in-notazzjoni li ġejja:

Il-valur tad-data italics     hu mbassar, proviżorju jew stmat u għalhekk aktarx jinbidel;
: mhux disponibbli, kunfidenzjali jew mhux affidabbli

Kuntest

L-istatistika dwar il-kawżi tal-mewt, li hi fost l-aktar statistika medika antika disponibbli, tipprovdi informazzjoni dwar l-iżviluppi maż-żmien u d-differenzi fil-kawżi tal-mewt bejn l-Istati Membri tal-UE. Din l-istatistika taqdi rwol ewlieni fis-sistema ġenerali tal-informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni tas-saħħa fl-UE. Din tista’ tintuża biex jiġi ddeterminat liema miżuri preventivi u ta’ kura medika jew liema investimenti fir-riċerka jistgħu jżidu l-istennija tal-għomor tal-popolazzjoni.

Peress li hemm nuqqas ġenerali ta’ statistika Ewropea komprensiva dwar il-morbożità, id-data dwar il-kawżi tal-mewt spiss tintuża bħala għodda biex jiġu evalwati s-sistemi tas-saħħa fl-UE u tista’ tintuża wkoll għal politika tas-saħħa bbażata fuq l-evidenza.

L-UE tippromwovi approċċ komprensiv biex tindirizza mard ewlieni u kroniku, b’azzjoni integrata dwar il-fatturi tar-riskju fis-setturi kollha, flimkien ma’ sforzi biex jissaħħu s-sistemi tas-saħħa lejn prevenzjoni u kontroll aħjar, billi:

  • tagħmel l-istatistika nazzjonali kemm jista’ jkun affidabbli u komparabbli, ħalli sservi ta’ gwida tajba għall-effettività tal-politika;
  • tappoġġa lil kampanji relatati mas-sensibilizzazzjoni pubblika u l-prevenzjoni tal-mard li jimmiraw b'mod attiv lejn gruppi u individwi b’riskju għoli;
  • tintegra b’mod sistematiku l-politika u l-azzjoni bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa;
  • tagħti sħubiji fir-rigward ta’ mard speċifiku, pereżempju, il-kanċer.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Kawżi tal-mewt (t_hlth_cdeath)
Kawżi tal-mewt (hlth_cdeath)