Impjiegi, affarijiet soċjali u inklużjoni

Id-diskriminazzjoni fuq ix-xogħol



Introduzzjoni

Għandek dritt għal opportunitajiet indaqs! It-trattament ġust huwa dritt bażiku fl-Unjoni Ewropea. Huwa illegali li ssir diskriminazzjoni minħabba s-sess, l-età, id-diżabbiltà, l-oriġini etnika jew razzjali, ir-reliġjon, it-twemmin jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna.   

Trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel

Il-liġijiet għad-drittijiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel ilhom jeżistu sa mill-bidu nett tal-Komunità Ewropea.  

Mis-snin 1970 ’l hawn, b’kollox ġew adottati 16-il att leġiżlattiv bl-għan li jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel jiksbu trattament ġust u ugwali fuq il-post tax-xogħol.  

Dawn il-liġijiet ikopru firxa ta’ oqsma inklużi t-trattament ugwali meta persuna tapplika għal impjieg, it-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol, it-trasparenza fil-pagi, il-protezzjoni ta’ ħaddiema tqal u ommijiet li qed ireddgħu, id-drittijiet għal-liv tal-maternità, il-liv tal-ġenituri u dispożizzjonijiet oħrajn għall-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol.  

Miljuni ta’ nisa u rġiel fl-Ewropa kollha jgawdu minn dawn id-drittijiet kuljum – iżda ftit jafu li l-Unjoni Ewropea hija wara dawn il-liġijiet!  

Nindirizzaw forom oħra ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol

Il-liġijiet dwar id-drittijiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel ingħaqdu ma’ leġiżlazzjoni ġdida tal-UE fl-2000 li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet oħra. Skont dawn il-liġijiet il-ġodda huwa illegali li ssir diskriminazzjoni kontra xi ħadd minħabba:  

  • L-oriġini razzjali jew etnika
  • Ir-reliġjon u t-twemmin 
  • Id-diżabbiltà
  • L-orjentazzjoni sesswali
  • L-età  

Dawn il-ħames oqsma ta’ diskriminazzjoni, flimkien mad-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri, huma inklużi fit-Trattat ta’ Liżbona bħala oqsma fejn l-UE tista’ taġixxi biex tipprevjeni d-diskriminazzjoni.  

Naturalment, id-diskriminazzjoni tista’ sseħħ għal raġunijiet oħra, eż. minħabba li persuna tkun miżżewġa jew le, jew minħabba l-livell ta’ introjtu tagħha jew minħabba fejn tgħix. Id-diskriminazzjoni tista’ sseħħ ukoll minħabba taħlita ta’ raġunijiet differenti, eż. minħabba l-età ta’ xi ħadd u s-sess tagħhom (eż. in-nisa akbar fl-età jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għal trattament inġust fis-suq tax-xogħol).    

Il-liġijiet li jipproteġu lin-nies kontra d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali u etnika tagħhom ma jkoprux biss l-impjieg iżda oqsma oħra tal-ħajja ta’ kuljum fejn jista’ jseħħ trattament inġust, eż. fl-iskejjel, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa jew l-aċċess għal oġġetti u servizzi, eż. trattament inġust fil-ħwienet, fir-ristoranti, fil-lukandi eċċ.  

Il-pajjiżi kollha fl-UE huma obbligati li jaċċettaw dawn ir-regoli dwar l-ugwaljanza. Il-pajjiżi li jissieħbu fl-UE wkoll iridu jikkonformaw ma’ dawn ir-regoli. 

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament ugwali tistabbilixxi livelli minimi ta’ ħarsien li japplikaw għal kull min jgħix u jaħdem fl-Unjoni Ewropea. Il-pajjiżi jistgħu jmorru lil hinn u jadottaw miżuri legali saħansitra aktar b’saħħithom.  

Ikseb l-għajnuna

Għal aktar informazzjoni dwar drittijietek u dmirijietek skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza, kif ukoll informazzjoni dwar fejn f'pajjiżek tista' tikseb pariri u aktar informazzjoni ara l-links f’din il-paġna. 

Il-leġiżlazzjoni hija ferm importanti fil-ġlieda għall-ugwaljanza iżda nafu li għandna nagħmlu aktar. Għalhekk l-Unjoni Ewropea qed tappoġġja firxa ta' miżuri li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, minn proġetti ta' finanzjament, għal riċerka li tappoġġja s-sensibilizzazzjoni u kampanji ta' informazzjoni.

Ixxerja din il-paġna