Statistics Explained

Stima rapida preliminari tal-PDG fi 30 jum għall-Ewropa

Mid-29 ta’ April 2016 ’il quddiem, il-Eurostat se jippubblika stimi rapidi preliminari tal-PDG trimestrali għaż-żona tal-euro (ŻE) u għall-Unjoni Ewropea (UE) madwar 30 jum wara tmiem il-perjodu tat-trimestru (t+30). Din il-pubblikazzjoni iżjed bikrija hija kisba għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, billi l-Istati Membri se jikkontribwixxu billi jagħtu l-istimi nazzjonali tagħhom lill-Eurostat ġimagħtejn qabel is-soltu.

Din il-metodoloġija ssegwi prinċipalment il-metodoloġija attwali għall-istimi rapidi tal-PDG ppubblikati 45 jum wara tmiem it-trimestru (t+45)[1] . Id-differenza ewlenija se tkun l-użu ta’ aktar stimi preliminari tal-pajjiżi. Minħabba l-iskeda aktar bikrija, id-dati tat-tielet xahar tat-trimestru ħafna drabi jridu jkunu stmati (għall-inqas parzjalment) mill-Istati Membri.

Artiklu sħiħ

Kif tiġi prodotta l-istima rapida preliminari?

Fi ftit kliem, il-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE jittrażmettu l-istimi tat-tkabbir fil-PDG tagħhom lill-Eurostat ġurnata qabel id-data miftiehma tal-pubblikazzjoni. Dan il-grupp jinkludi dawk l-Istati Membri li diġà qed jippubblikaw l-istimi tat-t+30 tagħhom kif ukoll għadd ta’ Stati Membri li jittrażmettu stimi kunfidenzjali lill-Eurostat. L-Eurostat imbagħad jaggrega r-rati ta’ tkabbir tal-pajjiżi trimestru fuq trimestru billi juża l-ponderazzjonijiet tal-PDG annwali tal-pajjiżi biex jikseb l-istimi tar-rati ta’ tkabbir tal-PDG tal-UE u taż-żona tal-euro.

Id-deċiżjoni li jibdew jiġu ppubblikati l-istimi rapidi tat-t+30 tal-PDG taż-ŻE/UE hija bbażata fuq ir-riżultati ta’ fażi ta’ ttestjar għat-trimestri tal-2012–2015. Fl-aħħar stimi ttestjati għat-trimestru 2015T4, il-kopertura tal-pajjiżi laħqet madwar 91 % tal-PDG tal-UE28 u 94% tal-PDG taż-ŻE19.

Hija affidabbli l-istima preliminari?

Minħabba li l-istimi rapidi huma disponibbli aktar kmieni mill-istimi tradizzjonali, hemm kompromess bejn it-tempestività u l-akkuratezza. Abbażi tas-16-il stima ttestjati, ir-reviżjoni tipika mistennija fit-t+45 tar-rati ta’ tkabbir tal-PDG ppubblikati fit-t+30 (b’approssimazzjoni deċimali waħda) hija ta’ -0.1, 0.0 jew +0.1 punti perċentwali kemm għaż-żona tal-euro kif ukoll għall-UE. Fil-każ ta' bidla drammatika f'daqqa fl-iżvilupp ekonomiku, kif ġara fl-2008T2 bil-kriżi finanzjarja, wieħed jista' jistenna reviżjonijiet akbar.

Ir-reviżjonijiet previsti ġew ittestjati bil-kriterji tal-kwalità predefiniti u għaddew minn dawn it-testijiet[2] . Il-grafika nru 1 hawn taħt turi d-differenzi fir-rati tat-tkabbir (mhux approssimati) fit-t+30 (stimi mit-testijiet), fit-t+45 u fit-t+65 jum wara t-trimestru għall-2012T1–2015T4. Il-graff ta' fuq turi r-rati ta’ tkabbir għaż-ŻE u l-graff ta' isfel dawk għall-UE.

Grafika 1. Ir-rati ta’ tkabbir (f’ %) taż-ŻE (il-graff ta' fuq) u tal-UE (il-graff t’Isfel) fit-t+30 (test), fit-t+45 u fit-t+65 jum

Aċċess dirett għal

Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Viżwalizzazzjonijiet




Taqsima ddedikata

Noti

  1. Jinsabu aktar dettalji f’din il-ħolqa.
  2. Ara d-dokument ta' ħidma statistiku tal-Eurostat "Euro area and European Union GDP flash estimates at 30 days" (li se jiġi) ppubblikat fid-29 ta' April 2016 fis-sit web tal-Eurostat.