Statistics Explained

Archive:Statistika tal-finanzi tal-gvern


Data estratta fit-22 ta’ April 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Lulju 2021.

Il-verżjoni Ingliża hija aktar riċenti.


This Statistics Explained article has been archived on 7 December 2020.


Highlights


Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-PDG tal-UE-27 żdied minn -0.4 % fl-2018 għal -0.6 % fl-2019, fejn fl-2018 kien l-inqas defiċit fis-serje kronoloġika disponibbli.

Fl-UE-27, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG naqas minn 79.6 % fi tmiem l-2018 għal 77.8 % fi tmiem l-2019.

Fi tmiem l-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG varja minn 8.4 % fl-Estonja għal 176.6 % fil-Greċja.

Dejn tal-gvern estiż, 2018 u 2019
(dejn gross konsolidat tal-gvern estiż, % tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10dd_edpt1)

Dan l-artikolu jeżamina kif l-istatistiki tal-finanzi tal-gvern ewlenin żviluppaw fl-Unjoni Ewropea (UE) u fiż-żona tal-euro (ŻE-19). Speċifikament, jeżamina d-defiċit, id-dejn gross, id-dħul totali u n-nefqa totali tal-gvern estiż, kif ukoll it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali, li huma s-sorsi prinċipali tad-dħul tal-gvern.

Full article


Introduzzjoni

L-istatistiki tal-finanzi tal-gvern fihom indikaturi kruċjali għad-determinazzjoni tas-saħħa tal-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE. Skont it-termini tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) tal-UE, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżommu d-defiċits u dejn tagħhom taħt ċerti limiti: id-defiċit tal-gvern ta’ Stat Membru ma jistax jaqbeż it-3 % tal-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li d-dejn tiegħu ma jistax jaqbeż is-60 % tal-PDG. Jekk Stat Membru ma jirrispettax dawn il-limiti, tixkatta il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE). Dan jinvolvi diversi passi — inkluż il-possibbiltà ta’ sanzjonijiet — sabiex l-Istat Membru konċernat jiġi mħeġġeġ jieħu miżuri adatti biex jirrettifika s-sitwazzjoni. L-istess limiti tad-defiċit u tad-dejn huma wkoll kriterji għal unjoni ekonomika u monetarja (UEM) u għaldaqstant sabiex wieħed jingħaqad fl-euro. Barra minn hekk, l-aktar reviżjoni riċenti tal-linji gwida integrati dwar il-politika ekonomika u l-impjiegi (riveduti bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ) tinkludi linja gwida għall-iżgurar tal-kwalità u tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Fl-2019, id-defiċit tal-gvern (teħid ta’ self nett tas-settur tal-gvern estiż konsolidat, bħala porzjon tal-PDG) kemm tal-UE-27 kif ukoll taż-żona tal-euro (ŻE-19) żdied, imqabbel mal-2018. Fil-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mqabbel mal-PDG tal-UE-27 u taż-ŻE-19 ġie osservat tnaqqis.

Surplus/defiċit tal-gvern estiż

Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern mal-PDG tal-UE-27 żdied minn -0.4 % fl-2018 għal -0.6 % fl-2019, filwaqt il-proporzjon żdied fiż-ŻE-19 minn -0.5 % għal -0.6 %. Għall-2018, fil-livell tal-UE-27 u ż-żona tal-euro, ġew osservati l-inqas defiċits fis-serje kronoloġika disponibbli.

Sittax-il Stat Membru tal-UE-27 — id-Danimarka (+3.7 %), il-Lussemburgu (+2.2 %), il-Bulgarija (+2.1 %), Ċipru u n-Netherlands (it-tnejn +1.7 %), il-Greċja (+1.5 %), il-Ġermanja (+1.4 %), l-Awstrija (+0.7 %), is-Slovenja, Malta u l-Iżvezja (kollha +0.5 %), il-Kroazja u l-Irlanda (it-tnejn +0.4 %), iċ-Ċekja u l-Litwanja (it-tnejn +0.3 %), u l-Portugall (+0.2 %) — irreġistraw surplus tal-gvern fl-2019.

Kien hemm disa’ Stati Membri tal-EU-27, li huma l-Latvja, l-Estonja, il-Polonja, il-Finlandja, is-Slovakkja, l-Italja, il-Belġju, l-Ungerija u Spanja, li fl-2019 irreġistraw defiċits li kienu iżgħar minn 3.0 % tal-PDG. Żewġ Stati Membri tal-UE-27 kellhom defiċit ta’ 3.0 % jew ogħla tal-PDG: Franza (-3.0 %) u r-Rumanija (-4.3 %) (ara l-Illustrazzjoni 1).

Illustrazzjoni 1: Bilanċ pubbliku, 2018 u 2019
(teħid ta’ self (-) jew għoti ta’ self (+) nett tas-settur tal-gvern estiż, % tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10dd_edpt1)


Il-bilanċ tal-gvern estiż (fir-rigward tal-PDG) tjieb fl-2019 mqabbel ma’ tal-2018 fi tlettax-il Stat Membru tal-EU-27 kif ukoll fir-Renju Unit, bl-akbar titjib fil-bilanċ (ta’ mill-inqas punt perċentwal wieħed tal-PDG) f’Ċipru (+ 5.4 punti perċentwali tal-PDG) u fid-Danimarka (+ 2.9 punti perċentwali tal-PDG). It-titjib f’Ċipġru fl-2019 huwa dovut prinċipalment għaliex jikkumpara mal-2018 meta r-ristrutturar tas-Cyprus Cooperative Bank Ltd (CCB) — il-bejgħ tal-partijiet tajbin tas-CCB u l-integrazzjoni sussegwenti tal-istruttura ta’ defattanza finanzjarja pubblika li kien fadal — ħalla impatt fuq il-kontijiet tal-gvern estiż.

Ċipru u l-Portugall marru minn defiċit fl-2018 għal surplus fl-2019, filwaqt li l-ebda Stat Membru ma mexa minn bilanċ tal-gvern għal surplus. Il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, il-Kroazja, in-Netherlands u l-Awstrija rreġistraw surplus ogħla fl-2019 milli fl-2018.

L-ebda Stat Membru ma mexa minn surplus għal defiċit tal-gvern. Il-Belġju, Spanja, Franza, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Finlandja rreġistraw defiċit akbar fl-2019 milli fl-2018. L-ebda Stat Membru ma rreġistra l-istess defiċit fl-2019 bħal fl-2018 filwaqt li l-Estonja, l-Italja, il-Latvja u l-Ungerija rreġistraw defiċit aktar baxx fl-2019 milli fl-2018.

Tabella 1: Bilanċ pubbliku u dejn tal-gvern estiż, 2016-2019
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10dd_edpt1)


Dejn tal-gvern

Fl-UE-27, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG naqas minn 79.6 % fi tmiem l-2018 għal 77.8 % fi tmiem l-2019, filwaqt fiż-ŻE-19 niżel minn 85.8 % għal 84.1 % (ara l-Illustrazzjoni 2).

B’kollox, kien hemm ħdax-il Stat Membru tal-UE-27 li rrapportaw proporzjon tad-dejn ta’ aktar minn 60 % tal-PDG fl-aħħar tal-2019: l-ogħla minn dawn kien irreġistrat mill-Greċja (176.6 %), segwita mill-Italja (134.8 %), il-Portugal (117.7 %), il-Belġju (98.6 %), Franza (98.1 %), Ċipru u Spanja (it-tnejn 95.5 %).

L-iżgħar proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern mal-PDG ġew irreġistrati fl-Estonja (8.4 %), il-Bulgarija (20.4 %), il-Lussemburgu (22.1 %), iċ-Ċekja (30.8 %), id-Danimarka (33.2 %), l-Iżvezja (35.1 %) u r-Rumanija (35.2 %).

Illustrazzjoni 2: Dejn tal-gvern estiż, 2018 u 2019
(dejn gross konsolidat tal-gvern estiż, % tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10dd_edpt1)


Fi tmiem l-2019, il-proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern mal-PDG żdiedu għal tliet Stati Membri tal-UE meta mqabbla mal-aħħar tal-2018, filwaqt li dan il-proporzjon naqas għal 21 Stat Membru, l-aktar notevoli għal Ċipru (-5.1 punti perċentwali tal-PDG), l-Irlanda (-4.8 punti perċentwali tal-PDG), il-Greċja (-4.6 punti perċentwali tal-PDG), is-Slovenja u Portugal (-4.3 punti perċentwali tal-PDG), u l-Ungerija (-3.9 punti perċentwali tal-PDG).

Il-proporzjon tad-dejn mal-PDG għall-Italja u Franza baqa’ l-istess bejn l-2018 u l-2019.

Ġew osservati żidiet fil-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG mill-aħħar tal-2018 sal-aħħar tal-2019 fil-Litwanja (2.4 punti perċentwali), il-Lussemburgu (1.1 punt perċentwali), ir-Rumanija (0.5 punti perċentwali) u l-Estonja (0.1 punti perċentwali).

Id-dħul u n-nefqa tal-gvern

L-importanza tas-settur tal-gvern estiż fl-ekonomija tista’ titkejjel f’termini tad-dħul u n-nefqa totali tal-gvern estiż bħala perċentwal tal-PDG. Fl-UE-27, id-dħul totali tal-gvern estiż fl-2019 ammonta għal 46.2 % tal-PDG (l-istess bħal fl-2018), u n-nefqa ammontat għal 46.7 % tal-PDG (żieda minn 46.6 % fl-2018). Fl-2019, fiż-ŻE-19, in-nefqa totali tal-gvern estiż kienet tammonta għal 47.1 % tal-PDG (żieda minn 47.0 % fl-2018) u d-dħul totali għal 46.5 % tal-PDG (l-istess bħall-2018) — ara l-Illustrazzjoni 3.

Illustrazzjoni 3: Żvilupp tan-nefqa totali u tad-dħul totali, 2009-2019
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)


In-nefqa totali bħala perċentwal tal-PDG laħqet 50.6 % tal-PDG fl-UE-27 fl-2009 u 50.9 % tal-PDG fiż-ŻE-19. Fiż-żewġ żoni, in-nefqa totali bħala sehem tal-PDG imbagħad naqset bejn l-2010 u l-2011, żdiedet fl-2012 u sussegwentement naqset sal-2018, biex reġgħet żdiedet ħarira fl-2019.

F’termini assoluti, matul il-perjodu mill-2011 sal-2018 kemm fl-UE-27 kif ukoll fiż-ŻE-19, in-nefqa totali tal-gvern estiż żdiedet aktar bil-mod mid-dħul totali tal-gvern estiż, li wassal għal tnaqqis fid-defiċit. Madankollu, fl-2019 in-nefqa kibret b’rata aktar mgħaġġla mid-dħul kemm fl-UE-27 kif ukoll fiż-ŻE-19, li rriżulta f’żieda fid-defiċit.

Illustrazzjoni 4: Żvilupp tan-nefqa totali u tad-dħul totali, 2009-2019
(biljun EUR)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)


Filwaqt li n-nefqa tal-gvern estiż tal-UE-27 żdiedet kumplessivament b’EUR 1 148 biljun bejn l-2009 u l-2019, kien hemm żieda ta’ EUR 1 709 biljun fid-dħul totali tal-gvern estiż tal-UE-27 fl-istess perjodu. Madankollu, bejn l-2018 u l-2019, in-nefqa tal-gvern żdiedet b’EUR 217 biljun, filwaqt li d-dħul tal-gvern żdied b’EUR 195 biljun. Fiż-ŻE-19, in-nefqa tal-gvern estiż żdiedet b’EUR 889 biljun bejn l-2009 u l-2019, filwaqt li d-dħul żdied b’EUR 1 biljun. Bejn l-2018 u l-2019, in-nefqa tal-gvern żdiedet b’EUR 179 biljun, filwaqt li d-dħul tal-gvern żdied b’EUR 155 biljun (ara l-Illustrazzjoni 4).

Il-livell tan-nefqa u tad-dħul tal-gvern estiż jvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri tal-UE-27 (ara I&nb5). Fl-2019, l-Istati Membri bl-ogħla livelli ta’ nefqa u dħul tal-gvern kombinati bħala proporzjon tal-PDG (aktar minn 100 %) kienu Franza, il-Finlandja, id-Danimarka u l-Belġju; In-Norveġja wkoll irreġistrat proporzjon ta’ aktar minn 100 %. Fl-2019, seba’ Stati Membri tal-UE-27 (l-Irlanda, ir-Rumanija, il-Litwanja, il-Bulgarija, Malta, il-Latvja u l-Estonja) kif ukoll ir-Renju Unit, irrapportaw proporzjonijiet ikkombinati relattivament baxxi (inqas minn 80 % tal-PDG).

Illustrazzjoni 5: Dħul u nefqa tal-gvern, 2019
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)


Madwar l-UE-27, il-komponenti ewlenin tad-dħul totali tal-gvern estiż huma t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali netti (ara l-Illustrazzjoni 6). Fl-2019 it-taxxi rrappreżentaw 58.1 % tad-dħul totali fl-UE-27 u 56.8 % fiż-ŻE-19, filwaqt li l-kontribuzzjonijiet soċjali netti ammontaw għal 30.8 % tad-dħul totali fl-UE-27 u 32.4 % fiż-ŻE-19. L-output tas-suq, l-output għall-użu finali proprju u l-pagamenti għall-produzzjoni mhux tas-suq (“bejgħ/tariffi” u formazzjoni kapitali għal kont proprju) jirrappreżentaw 7.0 % tad-dħul totali fl-UE-27 u 7.1 % fiż-ŻE-19. Id-dħul mill-proprjetà (prinċipalment l-imgħax, id-dividendi u l-kera) jirrappreżenta 1.7 % tad-dħul totali kemm fl-UE-27 kif ukoll fiż-ŻE-19.

Illustrazzjoni 6: Kompożizzjoni tad-dħul totali, 2019
(% of dħul totali)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)


Meta wieħed jeżamina kull Stat Membru tal-UE-27, l-importanza relattiva tal-kategoriji differenti tad-dħul varjat sew. Pereżempju, fl-2019 it-taxxi rrappreżentaw inqas minn 50 % tad-dħul tal-gvern fis-Slovakkja, fir-Rumanija, fiċ-Ċekja u fis-Slovenja fl-2019, iżda 87.8 % fid-Danimarka u 80.5 % fl-Iżvezja.

Fl-2019 il-kontribuzzjonijiet soċjali netti kellhom l-ogħla sehem fid-dħul totali fiċ-Ċekja (37.6 %), segwita mill-Ġermanja (37.2 %), is-Slovakkja (36.7 %) u s-Slovakkja (36.4 %) u l-iżgħar ishma fid-dħul totali fid-Danimarka (1.5 %) u fl-Iżvezja (6.9 % tal-PDG), kif ukoll fl-Iżlanda (8.1 % tal-PDG).

L-ogħla sehem tal-introjtu mill-proprjetà kien osservat fin-Norveġja (22.2 %) (ara l-Illustrazzjoni 7).

Illustrazzjoni 7: Komponenti ewlenin tad-dħul tal-gvern, 2019
(% of dħul totali)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)


L-akbar proporzjon tan-nefqa tal-gvern tal-EU-27 fl-2019 kien jikkonċerna r-ridistribuzzjoni tad-dħul fil-forma ta’ trasferimenti soċjali fi flus jew in natura (ara l-Illustrazzjoni 8 u l-Illustrazzjoni 9).

Illustrazzjoni 8: Kompożizzjoni tan-nefqa totali, 2019
(% of nefqa totali)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)


It-trasferimenti soċjali (benefiċċji soċjali u trasferimenti soċjali in natura — produzzjoni tas-suq mixtrija) jirrappreżentaw 46.1 % tan-nefqa totali fl-UE-27 u 47.8 % fiż-ŻE-19. Il-kumpens tal-impjegati jirrappreżenta 21.7 % tan-nefqa tal-gvern fl-UE-27 u 21.0 % fiż-ŻE-19. Il-konsum intermedju jirrappreżenta 11.9 % tan-nefqa totali fl-UE-27 u 11.3 % tan-nefqa totali fiż-ŻE-19. L-introjtu mill-proprjetà mħallas — li qatigħ l-akbar parti tiegħu ġejja minn pagamenti tal-imgħax — ammonta għal 3.3 % tan-nefqa tal-gvern fl-UE-27 u 3.5 % fiż-ŻE-19. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss (prinċipalment investiment) tirrappreżenta 6.3 % tan-nefqa totali fl-UE-27 u 5.9 % fiż-ŻE-19.

Illustrazzjoni 9: Komponenti ewlenin tan-nefqa tal-gvern, 2019
(% tan-nefqa totali)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)


It-tipi ewlenin ta’ dħul tal-gvern huma t-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni, it-taxxi kurrenti fuq l-introjtu u l-ġid, eċċ., u l-kontribuzzjonijiet soċjali netti. Fl-2019, fl-UE-27, it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet ammontaw għal ekwivalenti ta’ 13.5 % tal-PDG, it-taxxi kurrenti fuq l-introjtu, il-ġid, eċċ. 13.0 % tal-PDG, u l-kontribuzzjonijiet soċjali netti 14.2 % tal-PDG. Meta mqabbel mal-PGD, id-dħul mit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet kiber matul il-perjodu 2009–2014 fl-UE-27, is-sehem tiegħu mqabbel mal-PGD żdied b’ 0.9 punti perċentwali (ara l-Illustrazzjoni 10). Bejn l-2014 u l-2019, it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet baqgħu stabbli bħala proporzjon mal-PDG. It-taxxi kurrenti fuq l-introjtu u l-ġid, eċċ. fl-2010 laħqu - bħala proporzjon għall-PDG - punt baxx ta’ 11.7 % tal-PDG, qabel żdiedu għal 13.0 % tal-PDG fl-2019. Il-kontribuzzjonijiet soċjali netti baqgħu komparattivament stabbli bħala proporzjon mal-PDG — bejn 14.1 % u 14.4 % tal-PDG bejn l-2009 u l-2019.

Illustrazzjoni 10: Kategoriji ewlenin tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali, UE-27, 2009-2019
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)


Fl-2019 kien hemm varjazzjoni konsiderevoli fl-istruttura tad-dħul mit-taxxa madwar l-Istati Membri tal-UE-27 (ara l-Illustrazzjoni 11). Kif wieħed seta’ jissoponi, dawk l-Istati Membri li rrapportaw livelli relattivament għolja ta’ nefqa kellhom it-tendenza li jkunu dawk ukoll li ġabru aktar taxxi (bħala proporzjon tal-PDG) għall-gvern estiż. Pereżempju, fl-2019, l-ogħla proporzjon ta’ dħul mal-PDG mill-kategoriji ewlenin ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali kien 47.3 % tal-PDG irreġistrat fid-Danimarka, segwit minn 46.7 % irreġistrat fi Franza. Il-proporzjon ta’ PDG rappreżentat minn dan id-dħul kien taħt it-30 % f’żewġ Stati Membri (l-Irlanda u r-Rumanija).

Illustrazzjoni 11: Kategoriji ewlenin tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali, 2019
(% tal-PDG)
Sors: Eurostat (gov_10a_main)


Sors tad-data għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Skont it-termini tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, l-Istati Membri tal-UE huma meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea bl-istatistika tagħhom dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern qabel l-1ta’ April u l-1ta’ Ottubru ta’ kull sena. Barra minn hekk, Eurostat tiġbor data aktar dettaljata dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern fil-qafas tal-programm ta’ trażmissjoni li jirriżulta fis-sottomissjoni tad-data tal-kontijiet nazzjonali. L-aggregati prinċipali għall-gvern estiż jiġu pprovduti lill-Eurostat darbtejn fis-sena, filwaqt li l-istatistika dwar il-funzjonijiet tal-gvern (COFOG) għandha tiġi trażmessa fi żmien sena wara tmiem il-perjodu ta’ referenza, u l-irċevuti dettaljati tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet soċjali fi żmien disa’ xhur wara tmiem il-perjodu ta’ referenza. Il-kontijiet finanzjarji u nonfinanzjarji trimestrali, kif ukoll id-dejn gross trimestrali tal-gvern estiż jiġu pprovduti erba’ darbiet fis-sena.

Id-data ppreżentata f’dan l-Artikolu tikkorrispondi għal xi wħud mill-indikaturi prinċipali tas-settur tal-gvern estiż, li jiġu kkumpilati fuq bażi ta’ kontijiet nazzjonali (ESA 2010).

Id-differenza bejn id-dħul totali u n-nefqa totali — inkluż in-nefqa kapitali (partikolarment, il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss) — hija ekwivalenti għall-għoti ta’ self nett / għat-teħid ta’ self nett tal-gvern estiż, li huwa wkoll entrata bilanċjali waħda tal-kontijiet nonfinanzjarji tal-gvern.

Delineazzjoni tal-gvern estiż

Is-settur tal-gvern estiż jikkonsisti f’unitajiet istituzzjonali, li huma produtturi mhux tas-suq li l-output tagħhom huwa maħsub għall-konsum individwali u kollettiv, u li huma ffinanzjati minn pagamenti obbligatorji magħmula minn unitajiet li jappartjenu għal setturi oħrajn u unitajiet istituzzjonali li huma prinċipalment involuti fir-ridistribuzzjoni tal-introjtu u l-ġid nazzjonali (ESA 2010 §2.111). Is-settur tal-gvern estiż jinqasam f’erba’ sottosetturi: gvern ċentrali, gvern ta’ stat (fejn applikabbli), gvern lokali, ufondi ta’ sigurtà soċjali (fejn applikabbli).

Definizzjoni tal-indikaturi prinċipali

Il-bilanċ pubbliku huwa definit bħala l-għoti ta’ self nett / it-teħid ta’ self nett tal-gvern estiż irrapportat għall-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u huwa espress b’rabta mal-PDG. Skont il-protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, id-dejn tal-gvern huwa l-obbligazzjonijiet grossi fil-munita u d-depożiti, it-titoli ta’ dejn, u s-selfiet pendenti fl-aħħar tas-sena tas-settur tal-gvern estiż mkejjel fil-valur nominali (valur par) u kkonsolidat.

Id-dħul prinċipali tal-gvern estiż jikkonsisti f’taxxi, kontribuzzjonijiet soċjali, bejgħ u introjtu mill-proprjetà. Huwa definit fl-ESA 2010 b’referenza għal lista ta’ kategoriji: l-output tas-suq, l-output għall-użu proprju finali, il-pagamenti għall-output mhux tas-suq, it-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet, sussidji oħrajn fuq il-produzzjoni, l-introjtu mill-proprjetà, it-taxxi kurrenti fuq l-introjtu, il-ġid, eċċ., il-kontribuzzjonijiet soċjali netti, trasferimenti kurrenti u trasferimenti kapitali oħrajn.

Il-partiti tan-nefqa ewlenin jikkonsistu fil-kumpens tal-impjegati (tal-gvern), il-benefiċċji soċjali (benefiċċji soċjali u trasferimenti soċjali in natura għall-produzzjoni tas-suq mixtrija mill-gvern estiż), l-imgħax fuq id-dejn pubbliku, is-sussidji u l-formazzjoni grossa tal-kapital fiss. In-nefqa totali tal-gvern estiż hija definita fl-ESA 2010 b’referenza għal lista ta’ kategoriji: il-konsum intermedju, il-formazzjoni grossa tal-kapital, il-kumpens tal-impjegati, taxxi oħrajn fuq il-produzzjoni, is-sussidji, l-introjtu mill-proprjetà, it-taxxi kurrenti fuq l-introjtu, il-ġid, eċċ., il-benefiċċji soċjali minbarra trasferimenti soċjali in natura, it-trasferimenti soċjali in natura - il-produzzjoni tas-suq mixtrija, trasferimenti kurrenti oħrajn, l-aġġustamenti għall-bidla fl-intitolamenti tal-pensjoni, it-trasferimenti kapitali u t-tranżazzjonijiet fl-assi mhux prodotti.

Id-data tal-gvern estiż irrapportata għall-aggregati prinċipali tal-gvern estiż fil-qafas tal-ESA 2010 trid tiġi kkonsolidata għal ċerti tranżazzjonijiet tal-kontijiet nazzjonali, li jfisser li t-tranżazzjonijiet speċifiċi bejn l-unitajiet istituzzjonali fi ħdan is-settur tal-gvern estiż — l-introjtu mill-proprjetà, trasferimenti kurrenti oħra u t-trasferimenti kapitali — jiġu eliminati jew ikkanċellati. Għal dawn it-tranżazzjonijiet, id-data tas-sottosetturi għandha tiġi kkonsolidata f’kull sottosettur iżda mhux bejn is-sottosetturi. Għalhekk, id-data fil-livell settorjali għandha tkun ugwali għad-data subsettorjali, minbarra l-entrati li jkopru l-introjtu mill-proprjetà, trasferimenti kurrenti oħrajn u trasferimenti kapitali, li jkunu konsolidati. Għal dawn l-aħħar entrati u, konsegwentement, id-dħul totali u n-nefqa totali, is-somma tas-subsetturi għandha taqbeż il-valur tas-settur.

It-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali jikkorrispondu għad-dħul soġġett għal imposti (fi flus jew in natura) mill-gvernijiet lokali, statali u ċentrali, u fondi tas-sigurtà soċjali. Dawn l-imposti (ġeneralment imsejħa taxxi) huma organizzati fi tliet oqsma ewlenin, koperti mill-intestaturi li ġejjin:

  • taxxi fuq l-introjtu u l-ġid, eċċ. inklużi l-pagamenti obbligatorji u mhux reċiproki kollha imposti perjodikament mill-gvern estiż fuq l-introjtu u l-ġid tal-intrapriżi u tal-unitajiet domestiċi;
  • taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet, inklużi l-pagamenti obbligatorji u mhux reċiproki kollha imposti mill-gvern estiż fir-rigward tal-produzzjoni u l-importazzjoni ta’ oġġetti u servizzi, l-impjieg ta’ ħaddiema, is-sjieda jew l-użu ta’ art, binjiet jew assi oħrajn użati fil-produzzjoni;
  • kontribuzzjonijiet soċjali netti, inklużi l-kontribuzzjonijiet soċjali reali tal-impjegaturi u tal-unitajiet domestiċi kollha, il-kontribuzzjonijiet soċjali imputati li jirrappreżentaw il-kontroparti għall-benefiċċji soċjali mħallsa direttament mill-impjegaturi, kif ukoll żewġ entrati addizzjonali imputati (supplimenti ta’ kontribuzzjonijiet soċjali tal-unitajiet domestiċi u imposti għal servizzi ta’ skema ta’ assigurazzjoni soċjali).

Kuntest

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali tal-2007-2008 wasslet sabiex jinħolqu sfidi serji għal ħafna gvernijiet Ewropej. Il-preokkupazzjonijiet ewlenin kienu marbuta mal-kapaċità tal-amministrazzjonijiet nazzjonali li jkunu jistgħu jservu r-ripagamenti tad-dejn tagħhom, jieħdu l-azzjoni neċessarja sabiex jiżguraw li n-nefqa pubblika tagħhom tinġieb taħt kontroll, filwaqt li fl-istess ħin jipprovaw jippromwovu t-tkabbir ekonomiku.

Id-dixxiplini tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huma maħsuba biex iżommu l-iżviluppi ekonomiċi fl-UE, u partikolarment il-pajjiżi taż-żona tal-euro, kumplessivament sinkronizzati. Barra minn hekk, il-PST huwa maħsub sabiex jipprevjeni lill-Istati Membri tal-UE milli jieħdu miżuri ta’ politika li minnhom jibbenefikaw indebitament l-ekonomiji tagħhom stess għas-spejjeż tal-oħrajn. Hemm żewġ prinċipji ewlenin għall-PST: jiġifieri, li d-defiċit (ippjanat jew reali) ma jridx jaqbeż il-3 % tal-PDG u li l-proporzjon tad-dejn mal-PDG ma għandux ikun aktar minn (jew għandu jinżel lejn) 60 %. Il-PST issaħħaħ sostanzjalment fl-2011, l-istess bħall-governanza ekonomika tal-UE b’mod ġenerali.

Kull sena, l-Istati Membri tal-UE jipprovdu lill-Kummissjoni Ewropea b’informazzjoni dettaljata dwar il-politiki ekonomiċi tagħhom u l-istat tal-finanzi pubbliċi tagħhom. Il-pajjiżi taż-żona tal-euro jipprovdu din l-informazzjoni fil-kuntest tal-programmi ta’ stabbiltà, filwaqt li Stati Membri oħrajn jagħmlu dan fil-forma ta’ programmi ta’ konverġenza. Il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta jekk il-politiki humiex konformi mal-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali miftiehma u tista’ tagħżel li toħroġ twissija jekk temmen li defiċit qed jogħla b’mod anormali. Din l-azzjoni tista’ twassal sabiex il-Kunsill isib l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv, li jirrikjedi li tiġi stabbilita data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tiegħu.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations





Statistika tal-finanzi tal-gvern (PDE u ESA 2010) (t_gov_gfs10)


Statistika tal-finanzi tal-gvern (PDE u ESA 2010) (gov_gfs10)
Obbligazzjonijiet kontinġenti tal-gvern u obbligi potenzjali (gov_cl)

<dedicatedsection>