Statistics Explained

Archive:Statistika dwar l-edukazzjoni terzjarja


Data estratta f’Settembru 2018.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Marzu 2021.

Il-verżjoni Ingliża hija aktar riċenti.


This Statistics Explained article has been archived.


Highlights

Fl-UE, kien hemm 19.6 miljun student fl-edukazzjoni terzjarja fl-2016, li minnhom 61 % kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Baċellerat.

Fl-2016, in-nisa rrappreżentaw 54 % tal-istudenti terzjarji fl-UE. Il-maġġoranza tal-istudenti għall-istudji ta’ dottorat kienu rġiel biss.

Kważi terz mill-istudenti fl-edukazzjoni terzjarja fl-UE fl-2016 kienu qed jistudjaw xjenzi soċjali, ġurnaliżmu, informazzjoni, negozju, amministrazzjoni jew liġi.

[[File:Tertiary education statistics interactive ET2018-MT.xlsx]]

Proporzjonijiet ta’ studenti-akkademiċi fl-edukazzjoni terzjarja, 2016

Dan l-artikolu jippreżenta statistika dwar l-edukazzjoni terzjarja (livelli 5-8 tal-ISCED) fl-Unjoni Ewropea (UE) u jagħmel parti minn pubblikazzjoni online dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE. L-edukazzjoni terzjarja — ipprovduta minn universitajiet u istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni għolja — hija l-livell ta’ edukazzjoni ta’ wara l-iskola sekondarja. Hija titqies li għandha rwol essenzjali fis-soċjetà, billi trawwem l-innovazzjoni, iżżid l-iżvilupp ekonomiku u t-tkabbir, u b’mod aktar ġenerali ttejjeb il-benessri taċ-ċittadini. Xi universitajiet Ewropej huma fost l-aktar prestiġjużi fid-dinja.

Fis-snin li ġejjin, ħafna kummentaturi jipprevedu li se jkun hemm domanda akbar għal persuni b’ħiliet għolja; tabilħaqq, diġà jeżistu xi diskrepanzi fil-ħiliet f’xi wħud mill-Istati Membri tal-UE. Immexxija mit-teknoloġija diġitali, l-impjiegi qed isiru aktar flessibbli u kumplessi. Dan irriżulta f’għadd dejjem jikber ta’ impjegaturi li jfittxu persunal bil-kapaċitajiet meħtieġa biex jimmaniġġjaw informazzjoni kumplessa, jaħsbu b’mod awtonomu, ikunu kreattivi, jużaw ir-riżorsi b’mod intelliġenti u effiċjenti, kif ukoll jikkomunikaw b’mod effettiv.

Għadd relattivament kbir ta’ studenti fl-edukazzjoni terzjarja huma internazzjonalment mobbli u jistudjaw barra minn pajjiżhom: analiżi ta’ dan il-fenomenu hija disponibbli f’artikolu separat.

Full article

Parteċipazzjoni

It-Tabella 1 tippreżenta data dwar l-għadd ta’ studenti f’kull wieħed minn erba’ livelli ta’ edukazzjoni terzjarja. Il-livelli ta’ Baċellerat, Master u Dottorat tal-edukazzjoni terzjarja jinsabu fl-Istati Membri kollha, filwaqt li edukazzjoni terzjarja ta’ ċiklu qasir, li tipikament tkun ibbażata fuq il-prattika u tkun okkupazjonalment speċifika biex tħejji lill-istudenti għas-suq tax-xogħol, mhijiex parti mis-sistema ta’ edukazzjoni fil-Bulgarija, fl-Estonja, fil-Greċja, fil-Litwanja, fir-Rumanija u fil-Finlandja, u lanqas f’Liechtenstein, fil-Maċedonja ta’ Fuq jew fis-Serbja. Hija pjuttost mhux komuni wkoll f’bosta pajjiżi oħra, pereżempju fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Kroazja, fil-Polonja jew fil-Portugall.

Parteċipazzjoni skont il-livell

Fl-UE-28, kien hemm 19.6 miljun student fl-edukazzjoni terzjarja fl-2016 (ara t-Tabella 1), li minnhom 7.3 % kienu qed isegwu korsijiet terzjarji ta’ ċiklu qasir, 61.3 % kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Baċellerat, 27.6 % għal lawrji ta’ Master u 3.9 % għal Dottorati.

Fl-2016, il-Ġermanja, l-Istat Membru tal-UE bl-akbar popolazzjoni, kellu 3.0 miljun student fl-edukazzjoni terzjarja, li kienet l-ogħla ċifra fl-UE u l-ekwivalenti ta’ 15.5 % tat-total tal-UE-28. Franza (12.7 % mit-total), ir-Renju Unit (12.2 %), Spanja (10.0 %), l-Italja (9.3 %) u l-Polonja (8.2 %) kellhom l-akbar popolazzjonijiet sussegwenti ta’ studenti terzjarji, segwiti min-Netherlands fejn kienu jistudjaw 4.3 % tal-istudenti terzjarji tal-UE-28.

Korsijiet terzjarji ta’ ċiklu qasir kienu l-aktar komuni fi Franza fejn irrappreżentaw 20 % mill-istudenti terzjarji kollha; dawn kienu wkoll relattivament komuni fi Spanja, fil-Latvja, fl-Awstrija u f’Malta, fejn irrappreżentaw ishma ta’ bejn 19 % u 15 %. Fit-Turkija, korsijiet terzjarji ta’ ċiklu qasir kienu saħansitra aktar komuni billi ftit aktar minn terz (34.2 %) mill-istudenti terzjarji kollha kienu rreġistrati f’dawn il-korsijiet.

Aktar studenti kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Baċellerat milli għal kwalunkwe livell ieħor ta’ edukazzjoni terzjarja f’kull wieħed mill-Istati Membri fl-2016. Tabilħaqq, Franza, l-Awstrija u l-Lussemburgu kienu l-uniċi Stati Membri fejn inqas minn 50 % tal-istudenti terzjarji kollha kienu qed jistudjaw għal lawrja ta’ Baċellerat. B’kuntrast, fl-Irlanda (75.2 %), fin-Netherlands (76.0 %) u fil-Litwanja (76.6 %), aktar minn tliet kwarti mill-istudenti terzjarji kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Baċellerat u dan is-sehem żdied għal kważi 90 % fil-Greċja (87.2 %), filwaqt li ġew irreġistrati wkoll ishma għoljin għas-Serbja (79.9 %) u għall-Maċedonja ta’ Fuq (94.6 %).

Inqas minn 20 % mill-istudenti terzjarji kollha kienu qed jistudjaw għal lawrja ta’ Master fl-2016 fin-Netherlands, fil-Belġju, fir-Renju Unit, fi Spanja u fl-Irlanda (kif ukoll fis-Serbja), b’dan is-sehem jaqa’ taħt l-10 % fil-Greċja (kif ukoll fit-Turkija u fil-Maċedonja ta’ Fuq). B’kuntrast, aktar minn terz tal-istudenti fl-edukazzjoni terzjarja kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Master fil-Portugall, fir-Repubblika Ċeka, fi Franza, fil-Lussemburgu, fil-Kroazja, f’Ċipru, fis-Slovakkja u fl-Italja.

Fl-2016, l-ogħla proporzjon ta’ studenti terzjarji li kienu qed jistudjaw għal Dottorat fost l-Istati Membri tal-UE kien ta’ 8.8 % fil-Lussemburgu, filwaqt li sehem ogħla ġie rreġistrat għal Liechtenstein (18.3 %) — ara t-Tabella 1. Minbarra dawn il-pajjiżi relattivament żgħar, l-ogħla ishma sussegwenti (fost l-Istati Membri tal-UE) ġew irreġistrati fil-Finlandja (6.6 %), fir-Repubblika Ċeka u fil-Ġermanja (it-tnejn li huma 6.5 %), filwaqt li fost il-pajjiżi mhux membri li jidhru fit-Tabella 1, ġie rreġistrat sehem ta’ 8.3 % fl-Iżvizzera. Fi ħdan l-UE, is-sehem l-aktar baxx ta’ studenti ta’ dottorat fl-għadd totali ta’ studenti fl-edukazzjoni terzjarja ġie osservat f’Malta (0.9 %), fejn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ġew stabbiliti biss reċentement u jinsabu fil-proċess li jiġu estiżi; sehem kemxejn aktar baxx ġie rreġistrat fil-Maċedonja ta’ Fuq (0.7 %).

Parteċipazzjoni tal-irġiel u tan-nisa fl-edukazzjoni terzjarja

Fl-2016, in-nisa rrappreżentaw ċifra stmata ta’ 54.1 % mill-istudenti terzjarji kollha fl-UE-28. Is-sehem ta’ nisa fost l-istudenti terzjarji kien kemxejn ogħla fost dawk li kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Master (57.1 %), kemxejn aktar baxx għal dawk li kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Baċellerat (53.2 %) u jsegwu korsijiet ta’ ċiklu qasir (52.1 %). Madankollu, għall-istudji ta’ dottorat, il-maġġoranza (52.2 %) tal-istudenti kienu rġiel.

Fl-2016, qrib 60 % mill-istudenti terzjarji kollha fl-Iżvezja, fl-Islovakkja, fl-Istati Membri Baltiċi u fil-Polonja kienu nisa. In-nisa kienu wkoll f’maġġoranza fost l-istudenti terzjarji fl-Istati Membri l-oħra kollha tal-UE għajr il-Greċja (fejn kienu jirrappreżentaw 48.5 % mill-istudenti terzjarji) u l-Ġermanja (48.2 %). Fl-Iżvizzera, fit-Turkija u f’Liechtenstein, l-istudenti terzjarji nisa kienu f’minoranza wkoll.

B’fokus fuq l-istudenti li kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Baċellerat, il-Greċja (sehem ta’ 47.8 % għan-nisa) u l-Ġermanja (45.9 %) kienu l-uniċi Stati Membri tal-UE fejn kien hemm aktar irġiel milli nisa jistudjaw fl-2016; dan reġa’ kien il-każ fl-Iżvizzera, fit-Turkija u f’Liechtenstein. L-ogħla sehem ta’ studenti nisa fost dawk li kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Baċellerat ġie rreġistrat fl-Iżvezja (63.2 %). Fost l-istudenti li kienu qed jistudjaw għal lawrji ta’ Master, in-nisa kienu fil-maġġoranza fl-Istati Membri kollha tal-UE, iżda f’minoranza fit-Turkija u f’Liechtenstein. L-ogħla ishma ta' nisa ġew irreġistrati fl-Istati Membri Baltiċi, fil-Polonja, f’Ċipru, fis-Slovenja, fil-Kroazja u fis-Slovakkja, fejn in-nisa rrappreżentaw aktar minn 60 % tal-għadd totali ta’ studenti li kienu qed jistudjaw għal lawrja ta’ Master.

Għaż-żewġ livelli ta’ edukazzjoni terzjarja b’popolazzjonijiet iżgħar ta’ studenti, is-sitwazzjoni kienet aktar imħallta. Għal korsijiet ta’ ċiklu qasir, tmienja (8) minn 22 Stat Membru li għalihom kienet disponibbli data kellhom aktar studenti rġiel milli nisa, filwaqt li l-irġiel kienu f’maġġoranza fost l-istudenti ta’ livell ta’ Dottorat f’nofs (14 minn 28) l-Istati Membri tal-UE u n-nisa kienu f’maġġoranza fin-nofs l-ieħor.

Tabella 1: Għadd ta’ studenti f’edukazzjoni terzjarja skont il-livell u s-sess, 2016
(eluf)
Sors: l-Eurostat (educ_uoe_enrt01)

Oqsma ta’ studju

Madwar l-UE-28, kważi terz (32.0 %) mill-istudenti fl-edukazzjoni terzjarja kienu qed jistudjaw ix-xjenzi soċjali, il-ġurnaliżmu, l-informazzjoni, in-negozju, l-amministrazzjoni jew il-liġi fl-2016 (osserva li l-informazzjoni ppreżentata tinkludi data tal-2015 għan-Netherlands). In-nisa kienu jirrappreżentaw 57.6 % mill-istudenti kollha fi ħdan dan il-qasam ta’ edukazzjoni — ara l-Figura 1. It-tieni qasam l-aktar komuni ta’ edukazzjoni kien l-inġinerija, il-manifattura u studji relatati mal-kostruzzjoni, li rrappreżenta 15.7 % tal-istudenti kollha fl-edukazzjoni terzjarja. F’dan il-qasam, kważi tliet kwarti (74.1 %) mill-istudenti kollha kienu rġiel. It-tielet l-akbar qasam ta’ studju kien is-saħħa u l-benessri, b’sehem ta’ 13.4 % tal-istudenti kollha fl-edukazzjoni terzjarja. F’dan il-qasam, in-nisa rrappreżentaw kważi tliet kwarti (71.2 %) mill-għadd totali ta’ studenti terzjarji. Fost l-oqsma ta’ edukazzjoni li jifdal li jidhru fil-Figura 1, l-ogħla sehem ta’ studenti nisa ġie rreġistrat għal dawk li kienu qed jistudjaw l-edukazzjoni (fejn 78.0 % mill-istudenti kollha kienu nisa), filwaqt li n-nisa rrappreżentaw kważi żewġ terzi (64.5 %) mill-istudenti kollha li kienu qed jistudjaw l-arti u l-istudji umanistiċi. B’kuntrast, fi ħdan ix-xjenzi naturali, il-matematika, l-istatistika, u t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, is-sehem ta’ rġiel fl-għadd totali ta’ studenti terzjarji kien ta’ 61.1 %.

Figura 1: Distribuzzjoni ta’ studenti f’edukazzjoni terzjarja skont il-qasam u s-sess, UE-28, 2016
(%)
Sors: l-Eurostat (educ_uoe_enrt03)

Gradwati

Bejn wieħed u ieħor 4.7 miljun student iggradwaw minn stabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja fl-UE-28 fl-2016: kun af li din iċ-ċifra hija bbażata fuq l-informazzjoni l-aktar reċenti disponibbli għal kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE, inkluża d-data tal-2015 għan-Netherlands. Franza (773 000) kellha l-akbar għadd ta’ gradwati terzjarji fl-2016, segwita mir-Renju Unit (754 000), xi ftit aktar mill-Ġermanja (557 000; kun af li ċ-ċifri murija jeskludu gradwati ta’ akkademji vokazzjonali) u l-Polonja (488 000). Kun af ukoll li l-għadd relattivament għoli ta’ gradwati fir-Renju Unit u fi Franza jista’ jirrifletti, tal-inqas sa ċertu punt, tul tal-korsijiet li jkun fuq medja iqsar. pereżempju, Franza kellha l-ogħla proporzjon ta’ studenti terzjarji li kienu qed isegwu korsijiet ta’ ċiklu qasir minn fost l-Istati Membi kollha tal-UE.

Tabella 2: Għadd ta’ gradwati fl-edukazzjoni terzjarja skont il-qasam, 2016
(eluf)
Sors: l-Eurostat (educ_uoe_grad02)

Fl-2016, analiżi tal-għadd ta’ gradwati fl-UE-28 skont il-qasam ta’ edukazzjoni (data tal-2015 għan-Netherlands) turi li aktar minn terz (34.1 %) mill-istudenti terzjarji kollha kienu gradwaw fix-xjenzi soċjali, fil-ġurnaliżmu, fl-informazzjoni, fin-negozju, fl-amministrazzjoni jew fil-liġi. Dan is-sehem kien ogħla mis-sehem ekwivalenti (32.0 %) ta’ studenti fl-edukazzjoni terzjarja li għadhom fil-proċess li jistudjaw f'dan il-qasam fl-2016, li jissuġġerixxi li inqas studenti kienu bdew dan it-tip ta’ studju fi snin reċenti, jew li r-rati ta’ persuni li rtiraw jew it-tul medju tal-kors kienu ogħla f’oqsma oħra. Ġiet osservata sitwazzjoni simili għas-saħħa u l-benessri, li rrappreżentat 13.7 % tal-gradwati minn 13.4 % tal-popolazzjoni tal-istudenti fl-edukazzjoni terzjarja, kif ukoll għall-istudji edukattivi (9.0 % tal-gradwati meta mqabbel ma’ 7.4 % tal-istudenti) u servizzi (3.7 % tal-gradwati meta mqabbel ma’ 3.5 % tal-istudenti). Sitwazzjoni opposta ġiet osservata għall-oqsma ta’ edukazzjoni l-oħra: inġinerija, manifattura u studji relatati mal-kostruzzjoni (14.8 % tal-gradwati u 15.7 % tal-istudenti); xjenzi naturali, matematika, statistika; teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (11.0 % tal-gradwati u 12.3 % tal-istudenti); arti u studji umanistiċi (11.0 % tal-gradwati u 12.2 % tal-istudenti); agrikoltura, forestrija, sajd u studji veterinarji (1.7 % tal-gradwati u 1.9 % tal-istudenti).

Tabella 3: Distribuzzjoni ta’ gradwati fl-edukazzjoni terzjarja skont il-qasam, 2016
(%)
Sors: l-Eurostat (educ_uoe_grad02)

Fost l-Istati Membri tal-UE, jistgħu jiġu identifikati xi ftit oqsma li minnhom — meta mqabbel mal-medja tal-UE — sehem partikolarment kbir jew partikolarment żgħir ta’ studenti terzjarji ggradwaw fl-2016. Is-sehem ta’ gradwati fix-xjenzi soċjali, fil-ġurnaliżmu, fl-informazzjoni, fin-negozju, fl-amministrazzjoni jew fil-liġi kien relattivament baxx fil-Finlandja u fi Spanja, fejn dawn irrappreżentaw kemxejn aktar minn kwart tal-gradwati kollha fl-2016, filwaqt li ġew irreġistrati ishma ħafna ogħla fil-Lussemburgu (51.7 % tal-gradwati kollha) u fil-Bulgarija (49.0 %). Analiżi simili għall-inġinerija, il-manifattura u l-istudji relatati mal-kostruzzjoni tiżvela li kien hemm sehem relattivament baxx ta’ gradwati fi ħdan dan il-qasam fil-Lussemburgu, fin-Netherlands (data tal-2015), f’Malta u fir-Renju Unit, filwaqt li ġew irreġistrati ishma relattivament għolja fl-Awstrija (20.5 %), fil-Portugall (21.3 %) u b’mod partikolari fil-Ġermanja (22.0 %). Is-sehem ta’ gradwati fix-xjenzi naturali, il-matematika, l-istatistika, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni kien relattivament baxx fil-Belġju, f’Ċipru, fil-Litwanja u fil-Bulgarija, filwaqt li kien partikolarment għoli fil-Ġermanja (14.0 %), fl-Irlanda (15.0 %) u fir-Renju Unit (17.2 %). Is-sehem ta’ gradwati fis-saħħa u l-benessri kien relattivament baxx fil-Lussemburgu, fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fl-Awstrija u f’Ċipru, filwaqt li kien relattivament għoli fil-Finlandja (19.7 %), fid-Danimarka (20.3 %), fl-Iżvezja (22.2 %) u b’mod partikolari fil-Belġu (26.5 %). Fl-aħħar nett, il-proporzjon ta’ gradwati fl-edukazzjoni kien relattivament baxx fl-Italja, fi Franza u fir-Rumanija, filwaqt li kien relattivament għoli fi Spanja (16.5 %), fl-Ungerija (16.6 %), f’Ċipru (17.0 %) u f’Malta (18.0 %).

Fi ħdan l-UE-28, kważi 60 % (57.6 %) mill-gradwati kollha fl-2016 kienu nisa. Analiżi skont l-orjentazzjoni tal-programmi fl-UE-28 (inkluża data tal-2015 għan-Netherlands) tiżvela li dan is-sehem kien kemxejn ogħla (60.7 %) għax-xjenzi soċjali, il-ġurnaliżmu, l-informazzjoni, in-negozju, l-amministrazzjoni u l-liġi, għola għal aktar minn żewġ terzi għall-arti u l-istudji umanistiċi (66.9 %), qarreb it-tliet kwarti għas-saħħa u l-benessri (73.9 %) u laħaq l-ogħla punt ta’ 80.4 % għall-edukazzjoni (ara l-Figura 2). L-irġiel gradwati rrappreżentaw kważi 60 % (57.5 %) mill-għadd totali ta’ gradwati għax-xjenzi naturali, il-matematika, l-istatistika, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u kważi tliet kwarti (72.3 %) mit-total tal-oqsma tal-inġinerija, il-manifattura u l-istudji relatati mal-kostruzzjoni. Fiż-żewġ oqsma iżgħar — l-oqsma tal-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u l-istudji veterinarji, u s-servizzi — l-għadd ta’ gradwati kien kważi bbilanċjat bejn l-irġiel u n-nisa.

Figura 2: Distribuzzjoni ta’ gradwati fl-edukazzjoni terzjarja skont il-qasam u s-sess, UE-28, 2016
(%)
Sors: l-Eurostat (educ_uoe_grad02)

B’relazzjoni mad-daqs tal-popolazzjoni ta’ età ta’ bejn 20-29 sena, l-għadd ta’ gradwati terzjarji fix-xjenzi naturali, il-matematika, l-istatistika, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni żdied f'dawn l-aħħar snin. Il-Figura 3 turi d-diskrepanza bejn l-għadd ta’ rġiel u nisa gradwati f’dawn l-oqsma għall-2016, bi kważi darbtejn aktar irġiel gradwati milli nisa fl-UE-28. Id-disparità bejn is-sessi għall-gradwati fix-xjenzi naturali, il-matematika, l-istatistika, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (b’relazzjoni għad-daqs tal-popolazzjoni) kienet l-aktar evidenti fl-Awstrija, fejn l-għadd ta’ rġiel gradwati kien 2.7 darbiet ogħla mill-għadd ta’ nisa gradwati; kien hemm ukoll differenti relattivament kbar fil-Belġju, fil-Finlandja, fin-Netherlands (data tal-2015), f’Malta, fil-Lussemburgu, fl-Irlanda u fil-Ġermanja. B’kuntrast, f’Ċipru, fir-Rumanija u fil-Polonja, l-għadd ta’ rġiel gradwati fix-xjenzi naturali, fil-matematika, fl-istatistika, u fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (b’relazzjoni għad-daqs tal-popolazzjoni) kien inqas minn 40 % ogħla mill-għadd ta’ nisa gradwati.

Figura 3: Għadd ta’ studenti li jiggradwaw mill-edukazzjoni terzjarja fix-xjenza, il-matematika, l-informatika, l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni, 2016
(għadd għal kull 1 000 resident li għandhom bejn 20-29 sena)
Sors: l-Eurostat (educ_grad04)

Proporzjonijiet ta’ għalliema u studenti-persunal akkademiku

Kien hemm 1.5 miljun persuna jgħallmu fl-edukazzjoni terzjarja fl-UE-28 (inkluża data tal-2015 għad-Danimarka u l-Irlanda) fl-2016 (ara t-Tabella 4) li minnhom minoranza żgħira — madwar 100 000 — ipprovdew korsijiet terzjarji ta’ ċiklu qasir. Aktar minn kwart (27.1 %) tal-għalliema fl-edukazzjoni terzjarja fl-UE-28 kienu jinsabu fil-Ġermanja, bi kemxejn aktar minn 10 % fi Spanja (11.1 %) u fir-Renju Unit (10.2 %).

Tabella 4: Għalliema fl-edukazzjoni terzjarja skont il-livell u s-sess, 2016
(eluf)
Sors: l-Eurostat (educ_uoe_perp01)

B’kuntrast mal-għalliema fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, fejn in-nisa kienu l-maġġoranza, il-maġġoranza tal-għalliema fl-edukazzjoni terzjarja kienu rġiel. Kważi 60 % (57.4 %) tal-għalliema fl-UE-28 fl-edukazzjoni terzjarja fl-2016 kienu rġiel, sehem li qarreb iż-żewġ terzi fil-Greċja (66.2 %) u li kien ukoll ogħla minn 60 % fil-Lussemburgu, f’Malta, fir-Repubblika Ċeka u fil-Ġermanja. B’kuntrast, in-nisa rrappreżentaw il-maġġoranza tal-għalliema fl-edukazzjoni terzjarja fil-Finlandja (51.7 %), fil-Latvja (55.3 %) u fil-Litwanja (56.5 %).

Fl-2016, il-proporzjonijiet studenti-persunal akkademiku fl-edukazzjoni terzjarja laħqu medja ta’ 15.0 fl-UE-28. Fost l-Istati Membri tal-UE, l-ogħla proporzjonijiet studenti-persunal ġew irreġistrati fil-Greċja (39.6), filwaqt li proporzjonijiet ta’ aktar minn 20 student għal kull membru tal-persunal ġew irreġistrati wkoll fil-Belġju u fl-Italja. B’kuntrast, il-proporzjonijiet studenti-persunal kienu taħt 10 % fil-Lussemburgu (7.6 student għal kull membru tal-persunal) u f’Malta (9.7), u kienu wkoll relattivament baxxi fl-Iżvezja u fid-Danimarka (data tal-2015).

Tabella 5: Proporzjonijiet studenti-persunal akkademiku fl-edukazzjoni terzjarja, 2016
(għadd ta’ studenti għal kull membru tal-persunal akkademiku)
Sors: l-Eurostat (educ_uoe_perp04)

Finanzi

Data rigward in-nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni terzjarja b’relazzjoni mal-prodott domestiku gross (PDG) hija disponibbli għal 27 Stat Membru tal-UE — ara l-Figura 4. Fl-2015, dan il-proporzjon varja minn 0.5 % fil-Lussemburgu u 0.7 % fil-Bulgarija, fir-Rumanija, fl-Ungerija u fil-Greċja sa 1.8 % fl-Awstrija u 1.9 % fl-Iżvezja u fil-Finlandja, u laħaq l-ogħla punt f’2.4 % fid-Danimarka (data tal-2014). Il-medja għall-UE-28 kienet ta’ 1.2 %.

Figura 4: Nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni terzjarja relattiva għall-PDG, 2015
(%)
Sors: l-Eurostat (educ_uoe_fine06)

Data ta’ sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

Sors

L-istandards għall-istatistika internazzjonali dwar l-edukazzjoni huma stabbiliti minn tliet organizzazzjonijiet internazzjonali:

Is-sors ta’ data li jintuża f’dan l-artikolu huwa ġbir konġunt ta’ data mill-UNESCO/l-OECD/l-Eurostat (UOE) rigward l-istatistika dwar l-edukazzjoni, u dan huwa l-bażi għall-komponenti fil-qalba tal-bażi ta’ data tal-Eurostat għall-istatistika dwar l-edukazzjoni; f’kombinazzjoni mal-ġbir ta’ data konġunt, l-Eurostat jiġbor ukoll data dwar ir-reġistrazzjonijiet reġjonali u l-apprendiment tal-lingwi barranin.

Ir-Regolament Nru 452/2008 tat-23 ta’ April 2008 jipprovdi l-bażi ġuridika għall-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja. Ġew adottati żewġ Regolament tal-Kummissjoni Ewropea rigward l-implimentazzjoni tal-eżerċizzji ta’ ġbir ta’ data dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-ewwel wieħed, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 88/2011 tat-2 ta’ Frar 2011, kien jikkonċerna data għas-snin skolastiċi 2010/2011 u 2011/2012, filwaqt li t-tieni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 912/2013 tat-23 ta’ Settembru 2013, jikkonċerna data għas-snin skolastiċi mill-2012/2013 ’il quddiem.

Aktar informazzjoni dwar il-ġbir konġunt ta’ data hija disponibbli f’artikolu dwar il-metodoloġija tal-UOE.

Klassifikazzjoni

Il-klassifikazzjoni standard internazzjonali tal-edukazzjoni (ISCED) hija l-bażi għall-istatistika internazzjonali dwar l-edukazzjoni, li tiddeskrivi livelli differenti ta’ edukazzjoni; Din ġiet żviluppata għall-ewwel darba fl-1976 mill-UNESCO, u ġiet riveduta fl-1997 u għal darb’oħra fl-2011. ISCED 2011 tiddistingwi disa’ livelli ta’ edukazzjoni: edukazzjoni bikrija tat-tfal (livell 0); edukazzjoni primarja (livell 1); livell baxx ta' edukazzjoni sekondarja (livell 2); edukazzjoni sekondarja għolja (livell 3); edukazzjoni postsekondarja mhux terzjarja (livell 4); edukazzjoni terzjarja ta’ ċiklu qasir (livell 5); baċellerat jew ekwivalenti (livell 6); Master jew ekwivalenti (livell 7); Dottorat jew ekwivalenti (livell 8). L-ewwel riżultati bbażati fuq l-ISCED tal-2011 ġew ippubblikati fl-2015, l-ewwel bid-data għall-perjodu referenzjarju tal-2013 għal data dwar studenti u għalliema, u bil-perjodu referenzjarju tal-2012 għal data dwar in-nefqa. Il-klassifikazzjoni tifforma l-bażi tal-informazzjoni statistika kollha li hija ppreżentata f’dan l-artikolu.

L-edukazzjoni terzjarja tkompli tibni fuq l-edukazzjoni sekondarja, fejn tipprovdi attivitajiet ta’ tagħlim f’oqsma speċjalizzati ta’ edukazzjoni. L-edukazzjoni terzjarja ma tinkludix biss dik li hija komunement mifhuma bħala edukazzjoni “akkademika”, iżda tinkludi wkoll edukazzjoni vokazzjonali jew professjonali. Il-kontenut tal-programmi fil-livell terzjarju huwa aktar kumpless u avvanzat milli f’livelli tal-ISCED aktar baxxi. Wieħed mill-prerekwiżiti tal-edukazzjoni terzjarja huwa l-ikkompletar b’suċċess tal-programmi tal-livell 3 tal-ISCED , li jagħtu aċċess dirett għall-ewwel programmi ta’ edukazzjoni terzjarja (l-aċċess jista’ jkun possibbli wkoll mill-programmi tal-livell 4 tal-ISCED ). Minbarra r-rekwiżiti ta’ kwalifika, id-dħul fi programmi edukattivi f’dawn il-livelli jista’ jiddependi fuq l-għażla tas-suġġetti u/jew fuq il-marki miksuba. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ li wieħed ikun suġġett għal eżamijiet u li jgħaddi minnhom.

Normalment ikun hemm ġerarkija ċara bejn il-kwalifiki mogħtija mill-programmi ta’ edukazzjoni terzjarja. Madankollu, it-tranżizzjoni bejn programmi fil-livell terzjarju mhijiex dejjem distinta b’mod ċar, u jista’ jkun possibbli li jiġu kkombinati programmi u li jiġu ttrasferiti krediti minn programm għal ieħor. F’ċerti każijiet, il-krediti rċevuti minn programmi edukattivi kkompletati preċedentement jistgħu jingħaddu favur l-ikkompletar ta’ programm f’livell ogħla tal-ISCED. Minkejja dan, l-ikkompletar b’suċċess tal-livell 7 tal-ISCED normalment huwa meħtieġ għad-dħul fil-livell 8 tal-ISCED .

L-ISCED tal-1997 u l-ISCED tal-2011 ddeskrivew ukoll oqsma ta’ edukazzjoni u taħriġ, iżda dawn ġew sussegwentement sostitwiti mill-klassifika ISCED-F tal-2013. Id-data tal-Eurostat skont l-oqsma ta’ edukazzjoni ġew ikklassifikati skont l-ISCED tal-1997 (li hija l-istess bħall-ISCED tal-2011 f’termini tal-oqsma ta’ edukazzjoni) sal-2015. Id-data mill-2016 ’il quddiem ġiet ikklasifikata, u se tiġi kklassifikata, skont l-ISCED-F tal-2013. Il-gruppi wiesgħa tal-oqsma tal-edukazzjoni fl-ISCED 1997 huma: programmi ġenerali; edukazzjoni; arti u studji umanistiċi; xjenzi soċjali, negozju u liġi; xjenza, matematika u informatika; inġinerija, manifattura u kostruzzjoni; agrikoltura u studji veterinarji; saħħa u benessri; u servizzi.

Kunċetti ewlenin

Il-proporzjonijiet studenti–persunal akkademiku għall-edukazzjoni terzjarja huma kkalkulati billi l-għadd ta’ studenti ekwivalenti għall-full time jiġi diviż bl-għadd ta’ membri tal-persunal akkademiku ekwivalenti għall-full time; dan il-proporzjon ma għandux jiġi mħawwad mad-daqs medju tal-klassijiet, li jirreferi għall-għadd ta’ studenti f’kors jew fi klassi partikolari.

It-tabelli f’dan l-artikolu jużaw in-notazzjoni li ġejja:
Valur fil-korsiv     il-valur tad-data huwa previst, proviżorju jew stmat u għalhekk x’aktarx li jinbidel;
: valur mhux disponibbli, kunfidenzjali jew mhux affidabbli;
mhux applikabbli.

Kuntest

Il-proċess ta’ Bolonja

Mill-introduzzjoni tal-proċess ta’ Bolonja (ara l-artikolu fuq l-Introduzzjoni tal-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ) seħħet espansjoni kbira fis-sistemi ta’ edukazzjoni għolja, akkumpanjata minn riformi sinifikanti fl-istrutturi tal-lawrji u fis-sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità. Madankollu, il-kriżi finanzjarja u ekonomika affettwat l-edukazzjoni għolja b’diversi modi, fejn xi Stati Membri tal-UE investew aktar u oħrajn raw tnaqqis radikali fin-nefqa tagħhom fuq l-edukazzjoni terzjarja. Fl-2018, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura ppubblikat eżami mill-ġdid tal-implimentazzjoni tal-proċess ta’ Bolonja, bit-titolu The European Higher Education Area in 2018: Bologna Process Implementation Report (Iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja fl-2018: Rapport ta’ Implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bolonja).

Filwaqt li l-proċess ta’ Bolonja ta bidu għal sensiela ta’ riformi biex l-edukazzjoni għolja Ewropea ssir aktar kumpatibbli, tkun tista’ titqabbel aħjar, issir aktar kompetittiva u attraenti għall-istudenti, dan huwa biss qasam wieħed minn sforz usa’ li jikkonċerna l-edukazzjoni għolja. Biex jiġu stabbiliti sinerġiji bejn il-proċess ta’ Bolonja u l-proċess ta’ Copenhagen (għal kooperazzjoni Ewropea msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali), il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE stabbilew qafas Ewropew tal-kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (QEK).

Punti ta’ riferiment ta’ Ewropa 2020 u ta’ ET 2020

L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja huma sħab kruċjali fit-twassil tal-istrateġija tal-UE biex jiġi xprunat u jinżamm it-tkabbir: l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv stabbiliet mira li 40 % mill-persuni li għandhom bejn 30-34 sena fl-UE għandu jkollhom kwalifika ta’ edukazzjoni għolja sal-2020. It-titjib tal-prestazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-livelli kollha, u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja huma wkoll waħda mil-linji gwida ekonomiċi u tal-impjieg integrati li ġew riveduti bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020.

Il-qafas strateġiku aġġornat għal kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (magħruf bħala ET 2020), ġie adottat mill-Kunsill f’Mejju 2009. Dan jistipula erba’ objettivi strateġiċi għall-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE:

  • li t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà jsiru realtà;
  • li jitjiebu l-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
  • il-promozzjoni tal-ugwaljanza, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva; u
  • it-tisħiħ tal-kreattività u l-innovazzjoni (inkluża l-intraprenditorija) fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-istrateġija tistabbilixxi għadd ta’ punti ta’ riferiment li jridu jintlaħqu sal-2020, inkluża l-mira msemmija hawn fuq li s-sehem ta’ persuni li għandhom 30-34 sena b’livell edukattiv terzjarju milħuq għandu jkun mill-inqas 40 %. Żewġ punti ta’ riferiment supplimentari dwar il-mobbiltà għat-tagħlim ġew adottati mill-Kunsill f’Novembru 2011. L-ewwel wieħed jistabbilixxi mira għall-2020 fejn medja ta’ mill-inqas 20 % mill-gradwati tal-edukazzjoni għolja fl-UE-28 għandu jkollhom perjodu ta’ studju jew taħriġ relatat mal-edukazzjoni għolja (inklużi traineeships) barra minn pajjiżhom, li jirrappreżenta minimu ta’ [1] 15-il kreditu tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) jew li jdum mill-inqas tliet xhur. It-tieni punt ta’ riferiment dwar l-impjegabbiltà żdied f’Mejju 2012: jiġifieri li sal-2020, is-sehem tal-UE-28 mill-gradwati impjegati li għandhom bejn 20-34 sena li jkunu telqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ mhux aktar tard minn tliet snin qabel is-sena bażi għandu jkun mill-inqas 82 %.

Erasmus+

Il-programm Erasmus kien wieħed mill-programmi Ewropej l-aktar magħrufin u kien offrut għal kemxejn aktar minn kwart ta’ seklu; fl-2014 dan ġie sostitwit mill-programm tal-UE għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport, li jissejjaħ Erasmus+. Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, Erasmus+ jagħti l-opportunità lill-istudenti u lill-persunal akkademiku biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jagħtu spinta lill-prospetti ta’ impjegabbiltà tagħhom. L-istudenti jistgħu jistudjaw sa 12-il xahar barra minn pajjiżhom (matul kull ċiklu tal-edukazzjoni terzjarja). Aktar minn żewġ miljun student fl-edukazzjoni għolja huma mistennija jipparteċipaw f’Erasmus+ matul il-perjodu 2014-2020, inkluża ċifra stmata ta’ 25 000 student fi programmi konġunti ta’ Master.

F’Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposti għall-programm Erasmus+ għall-2021-2027, li jinvolvi l-irdoppjar tal-baġit għal EUR 30 biljun, il huwa mistenni jippermetti lil 12-il miljun persuna jipparteċipaw fil-programm.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ (educ_part)
Persunal tal-edukazzjoni (educ_uoe_per)
Finanzi tal-edukazzjoni (educ_uoe_fin)