Statistics Explained

Archive:Statistika dwar il-prezzijiet tal-elettriku


Data estratta f’Mejju 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Awwissu 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 11 December 2020.


Highlights

Il-prezzijiet tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi fl-UE-27, kienu l-ogħla fid-Danimarka (EUR 0.29 kull kWh) u l-aktar baxxi fil-Bulgarija (EUR 0.10 kull kWh) matul it-tieni nofs tal-2019.

Il-prezzijiet tal-elettriku għal dawk li mhumiex unitajiet domestiċi fl-UE-27, kienu l-ogħla f’Ċipru (EUR 0.18 kull kWh) u l-aktar baxxi fid-Danimarka (EUR 0.07 kull kWh) matul it-tieni nofs tal-2019.

[[File:Electricity price statistics FP2020_interactive-MT.XLSX]]

Il-prezzijiet tal-elettriku (inkluż it-taxxi) għall-konsumaturi domestiċi, it-tieni nofs tal-2019

Dan l-artiklu jenfasizza l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku kemm għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi kif ukoll għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi fl-Unjoni Ewropea (UE). Meta tkun disponibbli, jinkludi wkoll data dwar il-prezzijiet mir-Renju Unit; l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja; il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Albanija, is-Serbja, it-Turkija; il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo*; il-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna.

Il-prezz tal-enerġija fl-UE jiddependi fuq firxa ta’ kundizzjonijiet differenti ta’ provvista u domanda, inkluż is-sitwazzjoni ġeopolitika, it-taħlita enerġetika nazzjonali, id-diversifikazzjoni tal-importazzjoni, il-kostijiet tan-network, il-kostijiet tal-protezzjoni tal-ambjent, il-kundizzjonijiet tat-temp severi, jew il-livelli tas-sisa u t-tassazzjoni. Ta’ min jinnota li l-prezzijiet ippreżentati f’dan l-artiklu jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, iżda jeskludu t-taxxi u l-imposti rimborsabbli għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi.

Full article

Prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi

L-ogħla prezzijiet tal-elettriku fil-Ġermanja u fid-Danimarka

Għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi (għall-iskop ta’ dan l-artiklu definiti bħala konsumaturi ta’ daqs medju b’konsum annwali fil-medda ta’ 2 500 kWh u 5 000 kWh), il-prezzijiet tal-elettriku fit-tieni nofs tal-2019 fost l-Istati Membri tal-UE, kienu l-ogħla fid-Danimarka (EUR 0.2924 kull kWh), fil-Ġermanja (EUR 0.2873 kull kWh) u fil-Belġju (EUR 0.2860 kull kWh); ara l-Illustrazzjoni 1. L-aktar prezzijiet tal-elettriku baxxi kienu fil-Bulgarija (EUR 0.0958 kull kWh), fl-Ungerija (EUR 0.1097 kull kWh) u fil-Litwanja (EUR 0.1254 kull kWh). Il-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi fid-Danimarka kien aktar minn tliet darbiet ogħla mill-prezz fil-Bulgarija.

Il-prezz medju tal-UE-27 fit-tieni semestru tal-2019 — medja ponderata bl-użu tal-aktar data reċenti (2018) għall-konsum tal-elettriku mill-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi — kien ta’ EUR 0.2160 kull kWh.

Illustrazzjoni 1: Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, fit-tieni nofs tal-2019
(EUR kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi fl-UE-27 mill-ewwel nofs tal-2008 huwa ppreżentat fl-Illustrazzjoni 2. Il-prezz mingħajr taxxi, jiġifieri l-enerġija, il-provvista u n-network, żdied kemxejn aktar malajr mir-rata tal-inflazzjoni kumplessiva (HICP) sat-tieni nofs tal-2013 meta kien EUR 0.1338 kull kWh. Madankollu, mill-2014, dan baqa’ pjuttost stabbli u issa jammonta għal EUR 0.1280 kull kWh, ftit anqas mill-prezz tal-ewwel nofs tal-2008 aġġustat għall-inflazzjoni. Madankollu, il-piż tat-taxxi żdied kontinwament minn 31.2 % fl-2008 għal 40.7 % fl-2019. Bħala konsegwenza, il-prezz totali għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, jiġifieri inkluż it-taxxi kollha, kien sostanzjalment ogħla (17 %) fit-tieni nofs tal-2019 milli fl-ewwel nofs tal-2008 meta aġġustat għall-inflazzjoni.

Illustrazzjoni 2: L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi, 2008-2019
(EUR kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

Il-ponderazzjoni tat-taxxi u l-imposti tvarja ħafna bejn l-Istati Membri

L-Illustrazzjoni 3 turi l-proporzjon tat-taxxi u l-imposti fil-prezz bl-imnut kumplessiv tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi. Fl-UE, il-kontribuzzjoni relattiva tat-taxxa fit-tieni nofs tal-2019 kienet l-iżgħar f’Malta (5.9 %) fejn tiġi applikata rata baxxa tal-VAT għall-prezz bażiku. Is-sehem relattiv tat-taxxi kien l-ogħla fid-Danimarka, li ammonta għal 64.4 % tal-prezz totali. Il-VAT fl-UE-27 tirrappreżenta 15.6 % tal-prezz totali. Din tvarja minn 4.8 % f’Malta sa 21.2 % fl-Ungerija.

Illustrazzjoni 3: Is-sehem tat-taxxi u l-imposti mħallas mill-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi għall-elettriku, fit-tieni nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

L-akbar tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku sar fid-Danimarka, fil-Greċja u fil-Portugall

L-Illustrazzjoni 4 turi l-bidla perċentwali fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi inkluż it-taxxi kollha u l-VAT f’termini tal-munita nazzjonali mit-tieni nofs tal-2018 sat-tieni nofs tal-2019. Għall-prezzijiet tal-enerġija, it-tqabbil sena wara sena (aktar milli semestru wara semestru) huwa l-aktar sinifikanti biex jiġu evitati l-effetti staġjonali. Sena wara sena, il-prezzijiet totali naqsu f’10 Stati Membri tal-UE. It-tnaqqis perċentwali kien l-akbar fid-Danimarka (-6.3 %) u fil-Greċja (-5.8 %) fejn it-taxxi fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli naqqsu drastikament filwaqt li l-bqija tal-komponenti baqgħu stabbli. L-ogħla żieda perċentwali fil-prezzijiet ġiet osservata fin-Netherlands (19.6 %) u fil-Litwanja (14.3 %), fejn il-komponent tal-enerġija u l-provvista kien l-ixprunatur ewlieni għaż-żieda. Ta’ minj jinnota li, fil-Litwanja, il-prezz mingħajr taxxi żdied bi 22.8 %. Madankollu, it-taxxi fuq il-kapaċità tneħħew u t-taxxi fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli tnaqqsu, u parzjalment pattew għaż-żieda.

Illustrazzjoni 4: Il-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi meta mqabbla mal-istess semestru tas-sena ta’ qabel, fit-tieni nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_204)

Prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi

Il-prezzijiet tal-elettriku kienu l-ogħla f’Ċipru u fl-Italja

Għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi (għall-iskop ta’ dan l-artiklu definiti bħala konsumaturi ta’ daqs medju b’konsum annwali fil-medda ta’ 500 MWh u 2 000 MWh), il-prezzijiet tal-elettriku fit-tieni nofs tal-2019 fost l-Istati Membri tal-UE kienu l-ogħla f’Ċipru u fl-Italja (ara l-Illustrazzjoni 5). Il-prezz medju tal-UE-27 fit-tieni semestru tal-2019 — medja ponderata bl-użu tal-aktar data reċenti (2018) għall-konsum tal-elettriku mill-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi — kien ta’ EUR 0.1173 kull kWh.

Illustrazzjoni 5: Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, fit-tieni nofs tal-2019
(EUR kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi fl-UE-27 mill-ewwel nofs tal-2008 jidher fl-Illustrazzjoni 6. Il-prezz mingħajr taxxi, jiġifieri l-enerġija, il-provvista u n-network, żdied b’mod simili għall-inflazzjoni kumplessiva sal-2012 meta laħaq il-livell massimu tiegħu ta' EUR 0.0943 kull kWh fl-ewwel semestru. Imbagħad, dan naqas u issa jammonta għal EUR 0.0772 kull kWh, 21 % anqas mill-prezz aġġustat għall-inflazzjoni tal-2008.

Madankollu, il-piż tat-taxxi żdied kontinwament minn 13.8 % fl-2008 għal 34.2 % fl-2019. Għalhekk, jekk inħarsu lejn il-prezz totali għall-unitajiet mhux domestiċi, jiġifieri inkluż it-taxxi mhux rekuperabbli, għat-tieni semestru tal-2019, dan huwa kemxejn ogħla (3.6 %) mill-prezz tal-2008 aġġustat għall-inflazzjoni.

Illustrazzjoni 6: L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, 2008-2019
(EUR kull kWh)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

Proporzjon ta’ taxxi u imposti mhux rekuperabbli fil-prezzijiet tal-elettriku

L-Illustrazzjoni 7 turi l-proporzjon ta’ taxxi u imposti mhux rekuperabbli fil-prezz kumplessiv tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi. Fit-tieni nofs tal-2019, is-sehem tat-taxxi kien bil-wisq l-ogħla fil-Ġermanja, fejn it-taxxi u l-imposti mhux rekuperabbli kienu jammontaw għal 56.3 % tal-prezz totali, u b’hekk qabeż it-tieni l-ogħla sehem tal-Italja bi 13.8-il punt perċentwali. Is-sehem tat-taxxi għall-UE-27 huwa ta’ 34.2 % iżda naturalment, is-sehem tal-Ġermanja għandu impatt kbir ħafna hawnhekk peress li huwa wkoll, bil-wisq, il-pajjiż bl-ogħla konsum tal-elettriku għas-settur mhux tal-unitajiet domestiċi.

Illustrazzjoni 7: Is-sehem tat-taxxi u l-imposti mħallas mill-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, fit-tieni nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi

L-Illustrazzjoni 8 turi l-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, inklużi t-taxxi u l-imposti kollha mhux rekuperabbli f’termini tal-munita nazzjonali mit-tieni nofs tal-2018 sat-tieni nofs tal-2019. Dawn il-prezzijiet naqsu f’sitt Stati Membri tal-UE. L-akbar tnaqqis ġie rreġistrat fid-Danimarka (-13.4 %), segwit mill-Polonja (-6.3 %) u mill-Portugall (-2.1 %). Dan żdied fil-21 Stat Membru l-ieħor tal-UE. Ġew irreġistrati żidiet ta’ 10.0 % jew aktar fir-Rumanija (19.5 %), fl-Ungerija (18.4 %), fl-Italja (12.7 %), fin-Netherlands (11.1 %), u fis-Slovenja (10.0 %).

Illustrazzjoni 8: Il-bidla fil-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi meta mqabbla mal-istess semestru tas-sena ta’ qabel, fit-tieni nofs tal-2019
(%)
Sors: Eurostat (nrg_pc_205)

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Id-definizzjoni ta’ konsumaturi ta' unitajiet domestiċi

Tul dan l-artiklu, ir-referenzi għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi huma marbutin mal-faxxa tal-konsum standard medju ta’ unità domestika b’konsum tal-elettriku annwali ta' bejn 2 500 u 5 000 kWh. Iċ-ċifri kollha huma prezzijiet bl-imnut tal-konsumatur u jinkludu t-taxxi, l-imposti u l-VAT.

Id-definizzjoni ta’ konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi

Tul dan l-artiklu, ir-referenzi għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi huma marbutin mal-faxxa tal-konsum standard medju ta' unitajiet mhux domestiċi b’konsum tal-elettriku annwali bejn 500 u 2 000 MWh. F’dan l-artiklu, il-prezzijiet jikkorrispondu għall-prezz għall-produzzjoni tal-elettriku, il-provvista tiegħu, il-kostijiet tan-network u inklużi t-taxxi u l-imposti mhux rekuperabbli kollha.

Metodoloġija

Il-paragun bejn il-prezzijiet tal-2018 u l-2019 isir f’termini tal-muniti nazzjonali biex jiġi eskluż iċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju bejn il-muniti nazzjonali u l-euro.

Il-prezzijiet f’termini tal-muniti nazzjonali huma kkonvertiti f’euro bl-użu tar-rata tal-kambju medja tal-perjodu li għalih ġew irrapportati l-prezzijiet.

Il-prezzijiet huma dejjem imqabbla mal-prezzijiet tal-istess semestri (jiġifieri sena wara sena) sabiex jiġu evitati l-effetti staġjonali.

Fl-2016, daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) 2016/1952. Dan jiddefinixxi l-obbligu tal-ġbir u d-disseminazzjoni tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi u għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi. Sal-2016, id-dominju tal-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi kien definit bħala konsumaturi industrijali, iżda l-awtoritajiet ta’ rapportar setgħu jinkludu konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi oħrajn. Bl-introduzzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1952, id-definizzjoni nbidlet minn konsumaturi industrijali għal konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi sabiex ikun hemm metodoloġija unika għall-pajjiżi ta’ rapportar kollha. Sa Jannar 2017, l-awtoritajiet tar-rapportar ipprovdew id-data tagħhom dwar il-prezzijiet għas-settur tal-unitajiet domestiċi fuq bażi volontarja.

It-tariffi jew l-iskemi tal-prezzijiet tal-elettriku jvarjaw minn fornitur għal ieħor. Dawn jistgħu jirriżultaw minn kuntratti nnegozjati, speċjalment għal konsumaturi kbar mhux ta' unitajiet domestiċi. Għall-konsumaturi iżgħar, ġeneralment jiġu stabbiliti skont għadd ta’ karatteristiċi inkluż l-ammont ta’ elettriku kkonsmat. Ħafna mit-tariffi jinkludu wkoll xi forma ta’ imposta fissa. Għaldaqstant, ma jeżistix prezz uniku għall-elettriku. Sabiex jiġu mqabbla l-prezzijiet tul iż-żmien u bejn l-Istati Membri tal-UE, dan l-artiklu juri l-informazzjoni għall-faxex ta’ konsum għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi u għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi. Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi jinqasmu f’ħames faxex ta’ konsum annwali u, għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi, f’seba’ faxex ta’ konsum differenti.

Il-prezzijiet miġburin ikopru prezzijiet medji tul perjodu ta’ sitt xhur (nofs sena jew semestru) minn Jannar sa Ġunju (l-ewwel semestru) u minn Lulju sa Diċembru (it-tieni semestru) ta’ kull sena. Il-prezzijiet jinkludu l-prezz bażiku tal-elettriku, il-ħlasijiet tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, il-kiri tal-arloġġ u servizzi oħrajn. Il-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi ppreżentati f’dan l-artiklu jinkludu t-taxxi, l-imposti, l-imposti mhux ta’ taxxa, it-tariffi u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) billi dan ġeneralment jirrifletti l-prezz finali mħallas mill-konsumaturi ta' unitajiet domestiċi. Peress li l-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi ġeneralment ikunu jistgħu jirkupraw il-VAT u xi taxxi oħrajn, il-prezzijiet għall-konsumaturi mhux ta' unitajiet domestiċi jidhru mingħajr il-VAT u taxxi/imposti/tariffi rekuperabbli oħra. L-unità għall-prezzijiet tal-elettriku hija dik ta’ euro għal kull kilowatt-siegħa (EUR kull kWh).

Kuntest

Il-prezz u l-affidabbiltà tal-provvisti tal-enerġija, b’mod partikolari l-elettriku, huma elementi prinċipali fl-istrateġija tal-provvista tal-enerġija ta’ pajjiż. Il-prezzijiet tal-elettriku huma ta’ importanza partikolari għall-kompetittività internazzjonali, minħabba li l-elettriku ġeneralment jirrappreżenta proporzjon sinifikanti tal-kostijiet tal-enerġija totali għal negozji industrijali u fornituri ta’ servizzi. B’kuntrast mal-prezz tal-fjuwils fossili, li ġeneralment jiġu nnegozjati fi swieq globali bi prezzijiet relattivament uniformi, fl-Istati Membri tal-UE hemm firxa wiesgħa ta’ prezzijiet tal-elettriku. Sa ċertu punt, il-prezz tal-elettriku huwa influwenzat mill-prezz tal-fjuwils primarji u, reċentement, mill-kost taċ-ċertifikati tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2).

L-UE ilha taħdem fuq il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-gass mit-tieni nofs tad-disgħinijiet. Id-Direttivi adottati fl-2003 stabbilew regoli komuni għas-swieq interni għall-elettriku u l-gass naturali. Ġew stabbiliti skadenzi għall-ftuħ tas-swieq u biex il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu l-fornitur tagħhom: mill-1 ta’ Lulju 2004 għall-klijenti tan-negozju u mill-1 ta’ Lulju 2007 għall-konsumaturi kollha (inkluż l-unitajiet domestiċi). Xi Stati Membri tal-UE antiċipaw il-proċess ta’ liberalizzazzjoni, filwaqt li oħrajn damu ħafna iktar biex adottaw il-miżuri neċessarji. Tabilħaqq, f’ħafna swieq tal-elettriku u tal-gass naturali għadhom jeżistu ostakli sinifikanti għad-dħul fis-suq, kif jidher mill-għadd ta’ swieq li għadhom iddominati minn (kważi) monopolju tal-fornituri.

Fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni Niffaċċjaw l-isfida ta’ prezzijiet taż-żejt aktar għoljin (KUMM(2008) 384), stiednet lill-UE sabiex issir aktar effiċjenti fl-użu tagħha tal-enerġija, u inqas dipendenti fuq il-fjuwils fossili — b’mod partikolari, billi ssegwi l-approċċ stabbilit fil-pakkett dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli.

F’Lulju 2009, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw it-tielet pakkett dwar l-enerġija (pakkett leġiżlattiv magħmul minn żewġ direttivi u tliet regolamenti) bl-għan li jiġu żgurati l-għażla reali u effettiva tal-fornituri, kif ukoll benefiċċji għall-klijenti. Regolament wieħed kien dwar l-istabbiliment ta’ aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija sal-2011.

F'Mejju 2013, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi fil-fond tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet u tal-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa.

Fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea, bi tweġiba għat-talba tal-Kunsill Ewropew, ħejjiet analiżi fil-fond tal-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa, biex tgħin lil dawk li jfasslu l-politika jifhmu l-kuntest tal-isfond, l-impatt taż-żidiet reċenti fil-prezzijiet fuq il-konsumaturi u l-implikazzjonijiet politiċi. Dan l-ewwel rapport dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija wera prezzijiet globali tal-enerġija għoljin, bi prezzijiet li jvarjaw b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri tal-UE, u ogħla b’mod sinifikanti għall-Ewropa milli għas-sħab kummerċjali internazzjonali tagħha, b’mod partikolari l-Istati Uniti. Il-prezzijiet bl-imnut għolew aktar mill-prezzijiet bl-ingrossa minħabba żidiet fil-komponent tal-prezz tan-network u fit-taxxi u l-imposti. In-nuqqasijiet fid-data wasslu għar-rakkomandazzjoni biex jittejbu d-dettalji, it-trasparenza u l-konsistenza tal-ġbir tad-data dwar il-prezzijiet tal-enerġija u għall-proposta tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2016/1952. Ġie deċiż ukoll li rapport bħal dan dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija jitħejja kull sentejn. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dan ir-rapport ukoll fl-2016 u fl-2018.

Aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku għandha tgħin fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni ġusta, billi tħeġġeġ lill-konsumaturi jagħżlu bejn sorsi tal-enerġija differenti (żejt, faħam, gass naturali u sorsi ta’ enerġija rinnovabbli) u fornituri differenti. It-trasparenza fil-prezz tal-enerġija hija aktar effettiva meta jiġu ppubblikati u meta jixxandru l-prezzijiet u s-sistemi tal-ipprezzar fuq livell kemm jista’ jkun wiesa’.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Tabelli prinċipali

Energy statistics – main indicators (t_nrg_indic)
Electricity prices by type of user (ten00117)

Bażi tad-data

Energy statistics - prices of natural gas and electricity (nrg_price)
Energy statistics - natural gas and electricity prices (from 2007 onwards) (nrg_pc)
Energy statistics - natural gas and electricity prices (until 2007) (nrg_pc_h)

Taqsima ddedikata

Metodoloġija

Viżwalizzazzjonijiet

Energy price visualisation (bl-Ingliż)

Noti

*Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.