Statistics Explained

Archive:Statistika dwar il-kriminalità


Data estratta f’Lulju 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Novembru 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 25 August 2021.


Highlights

Bejn l-2012 u l-2018, is-serqiet irreġistrati mill-pulizija fl-EU-27 naqsu bi 34 %.

Fl-2018 kien hemm 3 993 omiċidju intenzjonat irreġistrati mill-pulizija fl-EU-27, tnaqqis ta’ 30 % meta mqabbel mal-2008.

Serq, medja fl-2016-2018
(reati rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant)
Sors: Eurostat (crim_off_cat)

L-istatistika ppreżentata f’dan l-artiklu hi bbażata fuq ċifri uffiċjali dwar ir-reati (l-atti kriminali) irreġistrati mill-pulizija fl-Ewropa bejn l-2008 u l-2018. Ir-riżultati jkopru l-Unjoni Ewropea (l-EU-27), it-tliet ġurisdizzjonijiet tar-Renju Unit, il-pajjiżi tal-EFTA, kif ukoll parzjalment, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali.

Full article

Is-serqiet naqsu bi 34 % fl-EU-27 bejn l-2012 u l-2018

Bejn l-2012 u l-2018, is-serqiet irreġistrati mill-pulizija fl-EU-27 naqsu bi 34 %, għal madwar 299 000. B’kuntrast ma’ dan, kien hemm żieda ta’ 8.8 % bejn l-2008 u l-2012, il-punt għoli tul il-perjodu 2008-2018, kif muri fl-Illustrazzjoni 1. Iċ-ċifri għall-2018 huma nieqsa għall-Estonja, Franza, il-Lussemburgu u l-Finlandja, għalhekk il-bidla eżatta għall-EU-27 mill-2017 għall-2018 hija xi ftit inċerta. Mill-2017 għall-2018 kien hemm tnaqqis fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-EU-27, filwaqt li l-akbar żidiet relattivi seħħew fl-Irlanda (8 %) u fis-Slovenja (11 %).

Illustrazzjoni 1: Serq (reati rreġistrati mill-pulizija), EU-27, 2008-2018
(għadd ta’ reati)
Sors: Eurostat (crim_off_cat)

L-Illustrazzjoni 2 turi s-serqiet irreġistrati mill-pulizija meta mqabbla mad-daqs tal-popolazzjoni (l-għadd ta’ reati għal kull 100 000 abitant). Bħala medja għall-perjodu 2016-2018, l-ogħla rati fl-EU-27 ġew osservati fil-Belġju (154.3), Franza (153.3), Spanja (132.5), u l-Portugall (115.5), filwaqt li l-aktar rati baxxi nstabu fl-Estonja (17.1), ir-Rumanija (16.2), iċ-Ċekja (14.6), is-Slovenja (11.7), Ċipru (10.5), is-Slovakkja (9.0), u l-Ungerija (9.0). Fost il-pajjiżi tal-EFTA, l-Iżvizzera kellha l-akbar rata ta’ serqiet irreġistrati mill-pulizija: 20.9 serqa għal kull 100 000 abitant.

Illustrazzjoni 2: Serq, medja fl-2016-2018
(reati rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant)
Sors: Eurostat (crim_off_cat)

3 993 omiċidju intenzjonat fl-EU-27 fl-2018

Kien hemm 3 993 omiċidju intenzjonat irreġistrat mill-pulizija fl-EU-27 fl-2018, tnaqqis ta’ kważi 30 % mill-2008. It-Tabella 1 turi ċ-ċifri rappurtati skont il-pajjiż.

It-Tabella 1: Omiċidji intenzjonati, 2008-2018
(għadd ta’ reati rreġistrati mill-pulizija)
Sors: Eurostat (crim_off_cat)

L-Illustrazzjoni 3 turi l-omiċidji intenzjonati mqabbla mad-daqs tal-popolazzjoni (reati rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant). Fl-2018, l-ogħla ċifri ġew osservati fil-Latvja (5.2), il-Litwanja (3.5) u l-Estonja (1.9). Fi 15-il pajjiż ir-rata kienet taħt il-1 għal kull 100 000.

L-Illustrazzjoni 3: Omiċidji intenzjonati, 2018
(reati rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant)
Sors: Eurostat (crim_off_cat)

583 000 attakk fl-EU-27 fl-2018

Fl-2018, fl-EU-27 kien hemm madwar 583 000 attakk, tnaqqis ta’ 6.2 % mis-621 500 fl-2010. Kif muri fl-Illustrazzjoni 4, ix-xejra kienet qed tonqos b’mod ġenerali bejn l-2010 u l-2018. Madankollu, ta’ min jinnota li t-“totali tal-UE” għall-2016-2018 huma bbażati parzjalment fuq ċifri preċedenti, minħabba ċifri nieqsa minn Franza (2017-2018) u mill-Ungerija (2016-2018). Iċ-ċifri rrapportati juru xejra ta’ żieda fi Franza 2010-2016 (minn 232 000 għal 243 000) u tnaqqis fl-Ungerija 2010-2015 (minn 14 600 għal 12 500).

L-għadd ta’ attakki rreġistrati mill-pulizija jvarja ġmielu fost l-EU-27, anke meta mqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni. Id-differenzi fil-liġijiet, fir-rata tar-rappurtar u fil-prattiki tar-reġistrazzjoni (bl-Ingliż) jaffettwaw it-tqabbil bejn il-pajjiżi. Ngħidu aħna, minbarra l-attakki serji, uħud miċ-ċifri nazzjonali jinkludu attakki minuri, attakki letali (omiċidji kolpevoli, omiċidji volontarji, eċċ.) jew attakki sesswali (li ġeneralment jingħaddu b’mod separat).

L-Illustrazzjoni 4: Attakki, EU-27, 2010-2018
(għadd ta’ reati rreġistrati mill-pulizija)
Sors: Eurostat (crim_off_cat)

528 000 serqa ta’ karozzi fl-EU-27 fl-2018

Fl-2018, fl-EU-27 kien hemm madwar 528 000 serqa ta’ karozzi rreġistrati mill-pulizija, tnaqqis ta’ madwar 40 % meta mqabbel mal-2008. Madankollu, ta’ min jinnota li, minħabba d-data nieqsa għal Franza (2017-2018), Ċipru (2018) u l-Ungerija (2016-2018), għal dawn il-pajjiżi ntużaw l-aħħar ċifri tas-sena disponibbli. Kif muri fl-Illustrazzjoni 5, fl-EU-27 kollha kien hemm xejra ta’ tnaqqis bejn l-2008 u l-2018. Min-naħa l-oħra, l-Irlanda u l-Kroazja kellhom żieda ta’ 8 % fis-serq ta’ vetturi rreġistrati mill-pulizija bejn l-2017 u l-2018.

L-Illustrazzjoni 5: Serq ta’ vetturi tal-art bil-mutur, EU-27, 2008-2018
(għadd ta’ reati rreġistrati mill-pulizija)
Sors: Eurostat (crim_off_cat)

Għas-serq ta’ karozzi rreġistrati mill-pulizija għal kull 100 000 abitant, iċ-ċifri (medja fl-2016-2018) kienu l-ogħla fil-Greċja (260.6), fl-Italja (244.2), fi Franza (241.9), fl-Iżvezja (237.3), u fin-Netherlands (169.3). Iċ-ċifri l-aktar baxxi fl-EU-27 kienu tas-Slovakkja (27.8), l-Estonja (25.1), il-Kroazja (21.4), ir-Rumanija (10.8) u d-Danimarka (4.0). Fost il-pajjiżi tal-EFTA, l-Iżvizzera kellha l-ogħla ċifra, 80.5 serqa ta’ karozzi għal kull 100 000 abitant.

"Serqa ta’ karozzi" tinkludi s-serq ta’ muturi, karozzi tal-passiġġieri, karozzi tal-linja, kowċijiet, trakkijiet, buldowżers, eċċ., iżda l-prattiki tar-rappurtar u tar-reġistrazzjoni jvarjaw u jaffettwaw it-tqabbil bejn il-pajjiżi u s-snin.

L-Illustrazzjoni 6: Serq ta’ vettura tal-art bil-mutur, medja fl-2016-2018
(reati rreġistrati mill-pulizija għal kull mitt elf abitant)
Sors: Eurostat (crim_off_cat)

Data sors għat-tabelli u l-graffs

Excel.jpg Data sors għat-tabelli u l-graffs (bl-Ingliż)

Sorsi tad-data

Statistika dwar il-kriminalità u s-sistemi tal-ġustizzja kriminali inġenerali

Is-sorsi tad-data jinkludu l-pulizija u aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi, il-prosekuturi pubbliċi, il-qrati tal-liġi, il-ħabsijiet, il-ministeri rilevanti u l-uffiċċji tal-istatistika. L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli miċ-ċifri uffiċjali li jintbagħtu lill-Eurostat u lin-Nazzjonijiet Uniti (L-Istħarriġ tan-NU dwar ix-Xejriet tal-Kriminalità u dwar l-Operazzjonijiet tas-Sistemi tal-Ġustizzja Kriminali) (bl-Ingliż).

Id-data ta’ dan l-artiklu

Dan l-artiklu jippreżenta riżultati bbażati fuq ċifri uffiċjali għar-reati (l-atti kriminali) irreġistrati mill-pulizija mill-2008 ’il quddiem. Il-Eurostat jaġġorna l-bażi tad-data tal-web (bl-Ingliż) meta l-pajjiżi jibagħtu ċifri ġodda, li jaf ikunu differenti miċ-ċifri ppreżentati f’artikli tal-web preċedenti. Problema ewlenija għall-istatistika dwar il-kriminalità fil-livell Ewropew hija ċ-ċifri neqsin. Bosta totali tal-UE f’dan l-artiklu ġew aġġustati minħabba dan. Pereżempju, jekk iċ-ċifra tal-2017 kienet nieqsa, dan il-pajjiż juża ċ-ċifra għall-2016 għall-istess reat kriminali. F’xi każijiet, tintuża medja tas-sena ta’ qabel u ta’ wara. Metodu ieħor li jindirizza d-data nieqsa hu t-tqabbil tal-medji ta’ tliet snin. Għal ċerti reati kriminali, hemm wisq data nieqsa biex jiġi ppreżentat total tal-UE. Il-Bażi tad-data tal-web (bl-Ingliż) tinkludi ċifri kif irrappurtati (mingħajr aġġustament).

Reati kriminali partikolari

Data addizzjonali dwar omiċidji intenzjonati, stupri u attakki sesswali:

Data preċedenti

Kuntest

L-istatistika dwar il-kriminalità jużawha l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, il-midja, il-politiċi, l-organizzazzjonijiet u l-pubbliku inġenerali. Kull Stat jistabbilixxi l-liġijiet kriminali tiegħu, jiddefinixxi r-reati kriminali, il-proċeduri legali u r-reazzjonijiet tal-ġustizzja, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet għall-istatistika uffiċjali dwar il-kriminalità (għajr għal reati kriminali li huma koperti bil-liġi internazzjonali jew tal-UE). Tipikament, l-istatistika dwar il-kriminalità hija inqas paragunabbli bejn l-Istati mill-istatistika speċifikata internazzjonalment.

Minkejja l-bosta liġijiet kriminali differenti tagħhom, jista’ jiġi argumentat ukoll li hemm ħafna xebh bejn il-pajjiżi Ewropej. Dan kollu, flimkien mal-interess pubbliku u politiku, kien il-kuntest biex inħolqot statistika dwar il-kriminalità fl-UE kollha. Matul l-aħħar għaxar snin, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u n-Nazzjonijiet Uniti kkooperaw flimkien biex itejbu l-istatistika Ewropea dwar il-kriminalità. Il-kwalità titjieb bil-bosta jekk tintuża klassifikazzjoni komuni tar-reati kriminali (bl-Ingliż).

L-istatistika dwar il-kriminalità uffiċjali prinċipalment tirrifletti kif l-awtoritajiet jirreġistraw u jittrattaw il-każijiet. Iċ-ċifri jagħtuhom l-awtoritajiet nazzjonali, fosthom il-pulizija, il-prosekuzzjoni, il-qrati u l-ħabsijiet. Minn fosthom, iċ-ċifri tal-pulizija jagħtu l-aktar stampa wiesgħa għax jinkludu r-reati rreġistrati, kemm jekk iwasslu għal prosekuzzjoni kif ukoll jekk le. Iżda r-rekords tal-pulizija xorta ma jkejlux l-okkorrenza totali tal-kriminalità. Fi kliem sempliċi, l-okkorrenza totali hi dawk rappurtati u dawk li ma ġewx rappurtati, iżda mingħajr dawk li ġew rappurtati b’mod skorrett. Hu ġust li wieħed jassumi li r-rata tar-rappurtar hi ogħla meta jkun hemm bżonn rekord tal-pulizija biex tiġi appoġġata pretensjoni tal-assigurazzjoni (eż. serq ta’ karozzi u serq ieħor).

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations