Statistics Explained

Statistika tat-trasport tal-passiġġieri


Data estratta f’Lulju 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Novembru 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 21 July 2021.


Punti ewlenin

Fl-2018, 8 biljun passiġġier ivvjaġġaw fuq networks ferrovjarji nazzjonali fl-EU-27.

Kważi biljun passiġġier ivvjaġġaw mill-ajruporti tal-UE-27 fl-2018.

Trasport tal-passiġġieri bl-ajru fl-extra-EU-27, EU-27, 2018
Sors: il-Eurostat (avia_paexcc)


Dan l-artiklu jipprovdi dettalji dwar is-sitwazzjoni attwali u l-iżviluppi riċenti għall-istatistika tat-trasport tal-passiġġieri fi ħdan l-Unjoni Ewropea (EU-27), abbażi tal-aktar data riċenti disponibbli. Jippreżenta informazzjoni dwar it-trasport tal-passiġġieri b’firxa ta’ modi tat-trasport, bħat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru u marittimu. Fost dawn, il-mod prinċipali tat-trasport tal-passiġġieri hu l-karozza tal-passiġġieri, xprunat mix-xewqa għal aktar mobbiltà u flessibilità. Iżda, id-dipendenza għolja fuq il-karozza tal-passiġġieri bħala mezz tat-trasport fl-EU-27 wasslet għal aktar konġestjoni u tniġġis f’ħafna żoni urbani u fuq ħafna arterji ewlenin tat-trasport.

Artiklu sħiħ

Qasma modali tat-trasport intern tal-passiġġieri

Figure 1 turi li l-karozzi tal-passiġġieri ammontaw għal 82.9 % of tat-trasport intern tal-passiġġieri fl-EU-27 fl-2017, filwaqt li l-kowċijiet awtopropulsivi, il-karozzi tal-linja u t-trolley buses (9.4 %) kif ukoll il-ferroviji tal-passiġġieri (7.8 %) jammontaw għal inqas minn wieħed minn għaxra tat-traffiku kollu (imkejjel bin-numru ta’ kilometri tal-passiġġieri).

Figura 1: Qasma modali tat-trasport intern tal-passiġġieri, 2017
(% tas-sehem f’kilometri tal-passiġġieri)
Sors: il-Eurostat (tran_hv_psmod)

Il-karozza tal-passiġġieri kienet bil-bosta l-aktar mod predominanti għat-trasport tal-passiġġieri fl-Istati Membri kollha tal-EU-27. Fil-Litwanja, il-karozzi tal-passiġġieri kienu jammontaw għal kważi 91 % tat-trasport kollu tal-passiġġieri fl-2017. Is-Slovakkja, iċ-Ċekja u l-Ungerija kienu l-uniċi Stati Membri tal-EU-27 li s-sehem tagħhom tal-karozzi tal-passiġġieri kien inqas minn tliet kwarti. Għall-Ungerija, dan ġie rifless fl-ogħla sehem tal-kowċijiet awtopropulsivi u l-karozzi tal-linja (21.1 %) fost l-Istati Membri tal-EU-27. Ġie rrappurtat sehem ferm akbar għall-pajjiżi kandidati: it-Turkija (28.2 %) u l-Maċedonja ta’ Fuq (22.2 %). L-aktar sehem baxx għall-kowċijiet awtopropulsivi, il-karozzi tal-linja u t-trolley buses kien fin-Netherlands (2.9 %). L-Istati Membri tal-EU-27 bl-ogħla sehem ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija kienu l-Awstrija (11.9 %) u n-Netherlands (11.4 %). Iżda, dan kien ferm inqas mill-pajjiż tal-EFTA, l-Iżvizzera, fejn il-ferroviji wettqu 19.7 % tat-trasport kollu tal-passiġġieri fl-2017. Fl-istess ħin, is-sehem tagħhom kien inqas minn 2.0 % fis-Slovenja, il-Litwanja u l-Greċja, kif ukoll fil-pajjiżi kandidati fil-Maċedonja ta’ Fuq u fit-Turkija.

Passiġġieri tal-ferroviji

Fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, 8 biljun passiġġier ivvjaġġaw fuq networks ferrovjarji nazzjonali fl-UE, fl-2018 (Tabella 1). Ta’ min wieħed jinnota li t-trasport internazzjonali kien jirrappreżenta inqas minn 8 % tat-trasport totali għall-pajjiżi kollha għajr għal-Lussemburgu fejn irrappreżenta 26 %. Kollox ma’ kollox, 19 mill-Istati Membri tal-UE-27 irrappurtaw żidiet ─ u tlieta rrappurtaw tnaqqis ─ fl-għadd totali ta’ passiġġieri ttrasportati bejn l-2017 u l-2018 (Ċipru u Malta ma għandhomx linji ferrovjarji, u għall-Belġju, l-Ungerija u n-Netherlands id-data hi kunfidenzjali). L-akbar żidiet ġew irreġistrati fil-Litwanja (+11.7 %), fil-Greċja (+9.4 %), fl-Iżvezja (+7.3 %) u fl-Awstrija (+7.1 %). Anki fil-pajjiż kandidat it-Turkija żdied b’mod sostanzjali (+17.8 %). B’kuntrast ma’ dan, it-trasport tal-passiġġieri naqas bi 3.9 % fir-Rumanija u bi 2.4 % fi Franza.

Tabella 1: Trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija skont it-tip ta’ trasport, 2017-2018
(elf passiġġier)
Sors: il-Eurostat (rail_pa_typepas) u (rail_pa_quarta)

Jekk titqies l-evoluzzjoni tat-trasport nazzjonali bejn l-2017 u l-2018, l-akbar żieda ġiet irrappurtata fil-Litwanja (+11.5 %), u mbagħad fil-Greċja (+9.4 %), fl-Iżvezja (+8.1 %) u fl-Awstrija (+7.1 %), filwaqt li r-Rumanija rrapportat l-akbar tnaqqis ta’ -3.9 %.

Biex titqabbel l-importanza relattiva tat-trasport bil-ferrovija bejn il-pajjiżi, id-data tista’ tiġi normalizzata billi t-traffiku tal-passiġġieri jiġi espress skont il-popolazzjoni (Figura 2). L-ivvjaġġar fuq in-network ferrovjarju nazzjonali fl-Awstrija, fl-Iżvezja, fi Franza u fil-Ġermanja laħaq medja ta’ aktar minn 1 000 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant fl-2018; dan kien ferm inqas mil-livell irreġistrat fl-Iżvizzera (2 133 kilometri tal-passiġġieri għal kull abitant). B’kuntrast ma’ dan, fost dawk it-22 Stat Membru tal-EU-27, li għandhom ferroviji u li għalihom hemm data disponibbli, l-aktar distanzi medji baxxi ta’ vjaġġar fuq networks ferrovjarji nazzjonali fl-2018 ġew irreġistrati fil-Greċja (103 kilometri tal-passiġġieri għal kull abitant) u fil-Litwanja (121 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant), filwaqt li l-livelli fil-pajjiżi kandidati bħat-Turkija (68 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant) u l-Maċedonja ta’ fuq (30 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant) kienu ferm inqas.

Figura 2: Trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija skont it-tip ta’ trasport, 2018
(kilometri tal-passiġġieri għal kull abitant)
Sors: il-Eurostat (rail_pa_typepas) u (demo_gind)

F’termini ta’ vjaġġar internazzjonali bil-ferrovija, l-uniċi Stati Membri tal-UE li jirrappurtaw livelli ta’ aktar minn 100 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant fl-2018 kienu l-Lussemburgu (213-il kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant), iċ-Ċekja (160 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant) u Franza (143 kilometru tal-passiġġieri għal kull abitant); dan il-livell inqabeż ukoll mill-pajjiż tal-EFTA, l-Iżvizzera, (128 kilometri tal-passiġġieri għal kull abitant). Dawn il-figuri jistgħu jirriflettu, fost l-oħrajn, il-prossimità tal-fruntieri internazzjonali, l-importanza ta’ ħaddiema transfruntiera fil-forza tax-xogħol, l-aċċess għal konnessjonijiet ferrovjarji ta’ veloċità għolja, u jekk il-kurituri tat-trasport internazzjonali jgħaddux minn pajjiż partikolari jew le.

Passiġġieri bl-ajru

In-numru totali ta’ passiġġieri tal-ajru trasportati laħaq kważi l-1 biljun fl-2018 fil-livell tal-EU-27 (Figura 3). Il-Ġermanja kienet l-Istat Membru tal-UE li ttrasportat l-ogħla għadd ta’ passiġġieri fl-2018 (222 miljun passiġġier), segwita minn Spanja (221 miljun passiġġier) u Franza (221 miljun passiġġier). Dawn it-tliet pajjiżi flimkien mal-Italja rrappreżentaw 58 % tat-total tat-trasport bl-ajru tas-27 Stat Membru. (Dan is-sehem ma jistax jiġi kkalkulat bil-valur tal-EU-27, li jeskludi għadd doppju, jiġifieri jeskludi l-għadd tal-istess passiġġieri tat-tluq u tal-wasla b’titjiriet nazzjonali u internazzjonali intra-EU-27.) Fuq in-naħa tal-ispettru, is-Slovenja rreġistrat 1.8 miljun passiġġier.

Nofs it-trasport tal-passiġġieri bl-ajru kien jikkonċerna titjiriet fl-extra-EU-27 (50 %) filwaqt li t-trasport nazzjonali u internazzjonali intra-EU-27 ammontaw għal 16 % u 34 % tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, rispettivament. Għal kważi l-Istati Membri kollha tal-EU-27, it-trasport internazzjonali intra-EU-27 hu dominanti, b’ishma bejn 37 % għal Franza u 76 % għal-Lussemburgu. L-eċċezzjonijiet huma Franza, l-Irlanda, Ċipru, in-Netherlands, is-Slovakkja u s-Slovenja li għandhom ishma ogħla ta’ trasport extra-EU-27 mill-ishma tat-trasport internazzjonali intra-EU-27. L-ogħla sehem tat-trasport extra-EU-27 ġie rreġistrat minn Ċipru (60 %) u l-aktar wieħed baxx mil-Lussemburgu (24 %). Għall-pajjiżi kollha tal-UE-27, is-sehem tat-trasport nazzjonali kien aktar baxx kemm mis-sehem tat-trasport internazzjonali intra-EU-27 kif ukoll mis-sehem tat-trasport extra-EU-27. L-ogħla ishma tat-trasport nazzjonali kienu osservati fl-Italja (21 %), fl-Iżvezja (20 %), fi Franza (19 %), fi Spanja (18 %) u fil-Greċja (16 %).

Figura 3: Trasport tal-passiġġieri bl-ajru skont it-tip ta’ trasport, 2018
(miljun passiġġier ittrasportat)
Sors: il-Eurostat (avia_paoc)

L-ajruport ta’ Paris-Charles de Gaulle kien l-aktar ajruport traffikuż fl-UE f’termini ta’ passiġġieri li ġew trasportati fl-2018, bi 72 miljun passiġġier li waslu jew telqu (Figura 4). Paris-Charles de Gaulle għadu l-aktar ajruport traffikuż fl-UE-27 mill-2002. Imbagħad hemm Amsterdam/Schiphol (71 miljun) u Frankfurt/Main (69 miljun).

Il-maġġoranza l-kbira tal-passiġġieri li kienu qed jivvjaġġaw minn dawn l-aktar erba’ ajruporti traffikużi kienu qed jivvjaġġaw fuq titjiriet internazzjonali; l-aktar sehem baxx fosthom ġie rreġistrat għal Frankfurt/Main (89 %), u żdied għal kważi 100 % għal Amsterdam/Schiphol. Għall-kuntrarju, it-titjiriet nazzjonali ammontaw għal 28 % tas-56 miljun passiġġier li ġew trasportati mill-ħames l-aktar ajruport tal-passiġġieri tal-UE traffikuż fl-2018, jiġifieri Adolfo Suárez Madrid-Barajas. Kien hemm ukoll proporzjonijiet relattivament għoljin ta’ passiġġieri fuq titjiriet nazzjonali lejn u minn Paris-Orly (43 %), Barcelona/El Prat and Roma Fiumicino (it-tnejn li huma madwar 27 %).

Figura 4: L-aqwa 15-il ajruport fl-EU-27, 2018
(miljun passiġġier trasportat)
Sors: il-Eurostat (avia_paoa)

Il-Mappa 1 tippreżenta xi elementi tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru extra-EU-27. Ir-reġjun sieħeb ewlieni kien bil-bosta “Ewropa Oħra (non-EU-27)” li rrappreżenta 60 % tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru extra-EU-27. B’żieda ta’ 18.6 % bejn l-2017 u l-2018, “Subkontinent Indjan” hu r-reġjun dinji sieħeb bl-ogħla żieda għat-trasport tal-passiġġieri tal-EU-27, u mbagħad “l-Afrika ta’ Fuq” (+17.5 %) u “Repubbliki Asjatiċi tal-eks USSR” (+15.1 %). It-trasport tal-passiġġieri bl-ajru extra-EU-27 żdied għar-reġjuni kollha tad-dinja għajr għall-“Amerka Ċentrali u l-Karibew” (-0.6 %).

Mappa 1: Trasport tal-passiġġieri bl-ajru extra-EU-27, EU-27, 2018
Sors: il-Eurostat (avia_paexcc)

Passiġġieri marittimi

Fir-rigward tat-trasport marittimu, l-għadd totali ta’ passiġġieri li fl-2018 imbarkaw u żbarkaw fil-portijiet tal-EU-27 hu stmat għal kważi 410 miljuni, żieda ta’ 5.6 % mis-sena ta’ qabel (Tabella 2). Għall-kuntrarju tal-movimenti tal-merkanzija, fejn bejn wieħed u ieħor 60 % tal-merkanzija jinħattu u 40 % jitgħabbew fil-portijiet tal-EU-27, id-differenza bejn l-għadd ta’ passiġġieri li jiżbarkaw (“id-dħul”) u li jimbarkaw (“il-ħruġ”) fil-portijiet tal-EU-27 ġeneralment tkun żgħira. Dan jirrifletti l-fatt li t-trasport tal-passiġġieri bil-baħar fl-Ewropa jsir prinċipalment minn servizzi tal-laneċ nazzjonali jew intra-EU-27 u li l-istess passiġġieri jingħaddu darbtejn fl-istatistika tal-flussi tal-port (darba meta jimbarkaw il-lanċa f’port wieħed tal-EU-27 u darba meta jiżbarkaw l-istess lanċa f’port ieħor tal-EU-27).

Fil-portijiet Taljani u Griegi għaddew rispettivament, kważi 85.4 miljun u 72.5 miljun passiġġier bil-baħar, jiġifieri sehem ikkombinat ta’ 38.5 % tal-għadd totali ta’ passiġġieri li imbarkaw u żbarkaw fil-portijiet tal-EU-27 fl-2018. B’hekk, l-Italja u l-Greċja baqgħu l-pajjiżi ewlenin f’termini ta’ trasport tal-passiġġieri bil-baħar fl-EU-27. L-Italja rreġistrat żieda sostanzjali fil-passiġġieri li jimbarkaw u jiżbarkaw meta mqabbla mal-2017 (+15.6 %). Warajhom insibu d-Danimarka bi 43.8 miljun passiġġier li imbarkaw u żbarkaw fl-2018, żieda ta’ 2.2 % mill-2017.

Tabella 2: Passiġġieri bil-baħar imbarkati u żbarkati fil-portijiet kollha, 2015-2018
(elf passiġġier)
Sors: il-Eurostat (mar_mp_aa) u (mar_mp_aa_cphd)

Fl-2018, meta mqabbla mas-sena preċedenti, l-akbar żidiet relattivi fit-trasport tal-passiġġieri bil-baħar ġew irreġistrati mill-Bulgarija (+20.9 % minn bażi baxxa), Spanja (+16.8 %) u l-Italja (+15.6 %). B’kuntrast ma’ dan, l-akbar tnaqqis relattiv ġie rreġistrat fir-Rumanija (l-ebda passiġġier trasportat fl-2018), f’Ċipru (-60.9 %, minn bażi baxxa), fis-Slovenja (-21.1 %, minn bażi baxxa) u fil-Belġju (-11.3 %).

Għalkemm il-passiġġieri tal-kruċiera kienu jammontaw biss għal 3.3 % tal-għadd totali ta’ passiġġieri li imbarkaw u żbarkaw f’portijiet tal-EU-27 fl-2018, dawn il-passiġġieri għandhom rwol importanti fil-portijiet u fil-pajjiżi fejn it-traffiku tal-kruċieri jkun ikkonċentrat. Kważi 78 % tal-għadd totali ta’ passiġġieri tal-kruċieri li imbarkaw u żbarkaw fil-portijiet tal-EU-27 fl-2018 għamlu dan fil-portijiet ta’ wieħed minn dawn it-tliet pajjiżi, jiġifieri l-Italja, Spanja u l-Ġermanja. Il-passiġġieri tal-kruċieri li jagħmlu eskursjonijiet ta’ ġurnata fil-portijiet tal-EU-27 mhumiex inklużi f’dawn iċ-ċifri.

Sors tad-data għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Il-maġġoranza tal-istatistika tat-trasport intern tal-passiġġieri hi bbażata fuq movimenti ta’ vetturi f’kull wieħed mill-pajjiżi li qed jirrapportaw, irrispettivament min-nazzjonalità tal-vettura jew tal-bastiment involut (il-“prinċipju ta’ territorjalità”). Għal din ir-raġuni, il-miżura ta’ kilometri tal-passiġġieri (pkm, li tirrappreżenta passiġġier wieħed li jivvjaġġa distanza ta’ kilometru) ġeneralment titqies bħala miżura aktar affidabbli, peress li l-għadd ta’ passiġġieri jinvolvi riskju akbar ta’ għadd doppju, b’mod partikolari għat-trasport internazzjonali. Il-metodoloġija użata fl-Istati Membri tal-UE għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq mhix armonizzata.

Il-qasma modali tat-trasport intern tal-passiġġieri tiddistingwi t-trasport li jitwettaq permezz ta’ karozza tal-passiġġieri, ta’ kowċ awtopropulsiv, ta’ karozza tal-linja, ta’ trolley bus u ta’ ferrovija; ġeneralment din tikkonċerna movimenti fit-territorju nazzjonali, irrispettivament min-nazzjonalità tal-vettura. Il-qasma modali tat-trasport tal-passiġġieri hi ddefinita bħala s-sehem ta’ kull mod tat-trasport (f’perċentwal) u hija bbażata fuq data espressa f’kilometri tal-passiġġieri. Għall-finijiet ta’ dan l-artiklu, l-aggregat għat-trasport intern tal-passiġġieri jeskludi s-servizzi domestiċi tat-trasport bl-ajru u bl-ilma (trasport intern bl-ajru u marittimu).

Passiġġieri tal-ferroviji

Passiġġier tal-ferrovija hu kwalunkwe persuna, minbarra l-membri tal-ekwipaġġ tal-ferrovija, li tagħmel vjaġġ bil-ferrovija. Id-data dwar il-passiġġieri tal-ferrovija mhix rilevanti għal Malta u Ċipru (jew l-Iżlanda) minħabba li dawn il-pajjiżi m’għandhomx ferroviji. L-istatistika annwali dwar il-passiġġieri għat-trasport bil-ferrovija nazzjonali u internazzjonali ġeneralment tkopri biss intrapriżi akbar tat-trasport bil-ferrovija, għalkemm xi pajjiżi jużaw rappurtar dettaljat għall-operaturi ferrovjarji kollha.

Passiġġieri bl-ajru

L-istatistika tat-trasport bl-ajru tikkonċerna t-trasport nazzjonali u internazzjonali, kif imkejjel bl-għadd ta’ passiġġieri li jiġu ttrasportati; tinġabar informazzjoni għall-wasliet u t-tluq. Il-passiġġieri bl-ajru li jiġu ttrasportati għandhom x’jaqsmu mal-passiġġieri kollha fuq titjira partikolari, li jingħaddu darba biss u mhux b’mod ripetut f’kull stadju individwali ta’ dik it-titjira. Il-passiġġieri bl-ajru jinkludu l-passiġġieri kollha li jħallsu u li ma jħallsux, li l-vjaġġi tagħhom jibdew jew jintemmu fl-ajruport li jkun qed jirrapporta, kif ukoll il-passiġġieri fi tranżitu li jingħaqdu jew iħallu titjira fl-ajruport li jkun qed jirrapporta; huma esklużi l-passiġġieri fi tranżitu dirett. L-istatistika tat-trasport bl-ajru tinġabar kull xahar, kull tliet xhur u kull sena, għalkemm din tal-aħħar biss hija ppreżentata f’dan l-artiklu. L-istatistika dwar il-passiġġieri tat-trasport bl-ajru tinkludi wkoll l-għadd ta’ titjiriet kummerċjali tal-passiġġieri, kif ukoll informazzjoni dwar rotot individwali u l-għadd ta’ sits disponibbli. Id-data annwali hi disponibbli għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE mill-2003 ’il quddiem.

Passiġġieri marittimi

Id-data dwar it-trasport marittimu hi disponibbli b’mod ġenerali mill-2001 ’il quddiem, għalkemm xi Stati Membri tal-UE ilhom jipprovdu data sa mill-1997. L-istatistika dwar it-trasport marittimu ma tintbagħatx miċ-Ċekja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovakkja, għax dawn huma pajjiżi mingħajr kosta u m’għandhomx traffiku marittimu; l-istess japplika għal-Liechtenstein u l-Iżvizzera.

Passiġġier bil-baħar hu definit bħala kwalunkwe persuna li tivvjaġġa bil-baħar fuq vapur tal-merkanzija; il-persunal tas-servizzi ma jitqiesx bħala passiġġieri, l-istess bħall-membri tal-ekwipaġġ li jinsabu abbord, li ma jkunux qed jaħdmu u ma jħallsu l-ebda noll. It-trabi li jinżammu f’idejn il-ġenituri huma esklużi wkoll. Jista’ jkun hemm għadd doppju meta l-port tal-imbarkar u l-port tal-iżbarkar jirrappurtaw data; dan hu pjuttost komuni għat-trasport marittimu tal-passiġġieri, li ġeneralment huwa attività ta’ distanza relattivament qasira.

Kuntest

Il-politika tat-trasport tal-UE għandha l-għan li tiżgura li l-passiġġieri jibbenefikaw mill-istess standards bażiċi ta’ trattament kull fejn jivvjaġġaw fl-UE. Il-passiġġieri diġà għandhom firxa ta’ drittijiet li jkopru oqsma diversi bħal: informazzjoni dwar il-vjaġġ tagħhom; riżervazzjonijiet u prezzijiet tal-biljetti; ħsarat lill-bagalji tagħhom; dewmien u kanċellazzjonijiet; jew diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom f’vaganzi kollox kompriż. B’dan il-mod, l-UE għandha liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-passiġġieri fil-modi differenti tat-trasport:

Ġew żviluppati wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi biex ikun żgurat li l-passiġġieri b’mobilità mnaqqsa jingħataw il-faċilitajiet meħtieġa u ma jiċċaħħdux inġustament mit-trasport. Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 jipprevedi d-“drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru”.

F’Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat “Viżjoni Ewropea għall-passiġġieri: komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport” (COM(2011) 898 finali). Din irrikonoxxiet ix-xogħol li sar biex jiġu introdotti miżuri ta’ protezzjoni tal-passiġġieri għall-modi kollha tat-trasport iżda tinnota sett sħiħ ta’ drittijiet li mhuwiex implimentat għalkollox. Il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tikkonsolida l-ħidma eżistenti, u li tersaq lejn applikazzjoni aktar koerenti, effettiva u armonizzata tad-drittijiet flimkien ma’ fehim aħjar bejn il-passiġġieri.

F’Marzu tal-2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat White Paper, “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (COM(2011) 144 finali). Din l-istrateġija komprensiva fiha pjan direzzjonali ta’ 40 inizjattiva speċifika biex tinbena sistema kompetittiva tat-trasport tul perjodu ta’ 10 snin li għandha l-għan li żżid il-mobbiltà, tneħħi ostakli ewlenin f’oqsma ewlenin u żżid it-tkabbir u l-impjiegi.

Aktar dettalji dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-inizjattivi tal-politika tat-trasport huma pprovduti f’artiklu introduttorju dwar it-trasport fl-UE.

Aċċess dirett għal

Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Viżwalizzazzjonijiet




Trasport, volum u qasma modali (t_tran_hv)
Volum tat-trasport tal-passiġġieri relattiv għall-GDP (tsdtr240)
Qasma modali tat-trasport tal-passiġġieri (tsdtr210)
Trasport bil-ferrovija (t_rail)
Trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija (ttr00015)
Trasport bl-ajru (t_avia)
Trasport tal-passiġġieri bl-ajru (ttr00012)
Data multimodali (tran)
Trasport, volum u qasma modali (tran_hv)
Volum tat-trasport tal-passiġġieri relattiv għall-GDP (tran_hv_pstra)
Qasma modali tat-trasport tal-passiġġieri (tran_hv_psmod)
Trasport bil-ferrovija (rail)
Kejl tat-trasport bil-ferrovija - passiġġieri (rail_pa)
Trasport bit-triq (road)
Kejl tat-trasport bit-triq - passiġġieri (road_pa)
Trasport marittimu (mar)
Trasport marittimu - passiġġieri - riżultati annwali u trimestrali dettaljati (mar_pa)
Trasport bl-ajru (avia)
Kejl tat-trasport bl-ajru - passiġġieri (avia_pa)

Manwali ta’ referenza

Noti metodoloġiċi

Fajls ta’ metadata ESMS