Statistics Explained

Archive:Pagi u kostijiet lavorattivi


Data estratta f’April 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Lulju 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 21 December 2020.


Highlights

Fl-2019, il-kost lavorattiv fis-siegħa medju kien ta’ EUR 27.70 fl-EU-27, li jvarja minn EUR 6.00 fil-Bulgarija sa EUR 44.70 fid-Danimarka.
Fl-2018, id-diskrepanza inaġġustata bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa kienet 14.8 % fl-UE-27, li tvarja minn 3.0 % fir-Rumanija għal 22.7 % fl-Estonja.
Fl-2019, il-qligħ annwali nett ta’ ħaddiem single medju kien ta’ EUR 23 600 fl-UE-27, li jvarja minn EUR 6 000 fil-Bulgarija għal EUR 42 600 fil-Lussemburgu.
Fl-2019, il-qligħ annwali nett ta’ koppja ħaddiema medja b’żewġt itfal kien ta’ EUR 50 500 fl-UE-27, li jvarja minn EUR 12 100 fil-Bulgarija għal EUR 94 600 fil-Lussemburgu.
[[File:Wages_and_labour_costs_FP2020-interactive-MT.XLSX]]

Stima tal-ispejjeż lavoratorji fis-siegħa, 2019

Dan l-artikolu jippreżenta, jikkumpara u jikkuntrasta figuri dwar il-pagi u l-kostijiet lavorattivi (in-nefqa tal-impjegaturi fuq il-persunal) fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), fir-Renju Unit, kif ukoll fil-pajjiżi kandidati tal-UE u fil-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA).

Ix-xogħol jaqdi rwol ewlieni fil-funzjonament ta’ ekonomija. Mill-perspettiva tan-negozji, dan jirrappreżenta kost (kostijiet lavorattivi) li ma jinkludix biss il-pagi u s-salarji li jitħallsu lill-impjegati iżda anke kostijiet għajr il-pagi, prinċipalment il-kontribuzzjonijiet soċjali pagabbli mill-impjegatur. Għalhekk, dan huwa fattur determinanti tal-kompetittività tan-negozju, għalkemm huwa influwenzat ukoll mill-kost tal-kapital (pereżempju l-interessi fuq self u d-dividendi fuq l-ekwità) u elementi mhux marbuta mal-prezz bħall-intraprenditorija, il-ħiliet u l-produttività tax-xogħol, l-innovazzjoni u l-pożizzjoni tad-ditta/tal-prodott fis-swieq.


Full article


Komponenti tal-kost lavorattiv

Fir-rigward tal-impjegati, il-kumpens li jirċievu għal xogħolhom, magħruf aktar bħala l-pagi jew il-qligħ, jirrappreżenta ġeneralment is-sors ewlieni ta’ introjtu tagħhom u għalhekk għandu impatt kbir fuq il-kapaċità tagħhom li jonfqu u/jew ifaddlu. Billi l-pagi/il-qligħ gross jinkludu l-kontribuzzjonijiet soċjali pagabbli mill-impjegat, il-qligħ nett jiġi kkalkolat wara li jitnaqqsu dawn il-kontribuzzjonijiet u kwalunkwe ammont li huwa dovut lill-gvern, bħat-taxxi fuq l-introjtu. Peress li l-ammont tat-taxxi ġeneralment jiddependi fuq is-sitwazzjoni tal-familja f’termini ta’ introjtu u kompożizzjoni, il-qligħ nett jiġi kkalkolat għal diversi sitwazzjonijiet tipiċi tal-unità domestika.

Id-Dijagramma 1 tiġbor fil-qosor ir-relazzjoni bejn il-qligħ nett, il-qligħ/il-pagi gross u l-kostijiet lavorattivi.

Diagramma 1: Komponenti tal-kost lavorattiv

Kostijiet lavorattivi

Il-kost lavorattiv fis-siegħa medju fl-2019 kien stmat għal EUR 27.7 fl-UE-27 u EUR 31.4 fiż-żona tal-euro (ŻE-19). Madankollu, din il-medja taħbi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri tal-UE, b’kostijiet lavorattivi fis-siegħa li jvarjaw bejn EUR 6.0 fil-Bulgarija u EUR 44.7 fid-Danimarka (ara l-Illustrazzjoni 1); il-medja kienet addirittura ogħla (EUR 50.2) fin-Norveġja.

Illustrazzjoni 1: Stima tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa, 2019
(EUR)
Sors: Eurostat (lc_lci_lev)


Il-kostijiet lavorattivi huma magħmula mill-kostijiet għall-pagi u s-salarji flimkien ma’ kostijiet għajr il-pagi bħall-kontribuzzjonijiet soċjali tal-impjegaturi. Fl-2019, is-sehem tal-kostijiet għajr il-pagi fil-kostijiet lavorattivi totali għall-ekonomija kollha, kien ta’ 25.1 % in the EU-27, filwaqt li kien 25.6 % fiż-żona tal-euro. Is-sehem tal-kostijiet għajr il-pagi varja wkoll sostanzjalment bejn l-Istati Membri tal-UE: l-ogħla ishma ta’ kostijiet mhux ta’ pagi ġew irregistrati fi Franza (32.9 %), fl-Iżvezja (32.2 %) u fl-Italja (28.8 %), filwaqt illi l-iżgħar ishma kienu rreġistrati fil-Lussemburgu (11.0 %), f’Malta (5.9 %) u fil-Litwanja (5.3 %).

Pagi/qligħ gross

Qligħ medjan

Il-qligħ gross huwa l-akbar parti tal-kostijiet lavorattivi. Fl-2014, l-ogħla qligħ gross fis-siegħa medjan f’euro ġie rreġistrat fid-Danimarka (EUR 25.52), fl-Irlanda (EUR 20.16) u fl-Iżvezja (EUR 18.46). Dan jikkuntrasta mal-iżgħar qligħ gross fis-siegħa medjan f’euro irregistrat fil-Litwanja (EUR 3.11), fir-Rumanija (EUR 2.03) u fil-Bulgarija (EUR 1.67). Fi kliem ieħor, fost l-Istati Membri tal-UE-27, l-ogħla qligħ gross nazzjonali fis-siegħa medjan kien 15-il darba ogħla minn dak l-aktar baxx meta espress f’euro; meta aġġustat għal-livelli tal-prezzijiet (bil-konverżjoni għall-istandards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS)) l-ogħla medja kienet ħames darbiet ogħla mill-aktar medja baxxa, bid-Danimarka u l-Bulgarija għal darb’oħra jirrappreżentaw l-estremitajiet fuq kull tarf tal-medda.

Illustrazzjoni 2: Qligħ gross fis-siegħa medjan, l-impjegati kollha
(minbarra l-apprendisti), 2014
Sors: Eurostat (earn_ses_pub2s)


Ħaddiema b’paga baxxa

Il-ħaddiema b’paga baxxa huma definiti bħala impjegati li jaqilgħu żewġ terzi jew anqas mill-qligħ gross fis-siegħa medjan nazzjonali. Fl-2014, 17.2 % tal-impjegati kienu ħaddiema b’paga baxxa fl-EU-28 (jinkludi r-Renju Unit; data għall-UE-27 mhijiex disponibbli), filwaqt li l-proporzjon kien ta’ 15.9 % fiż-żona tal-euro. Fl-2014, il-proporzjon tal-ħaddiema b’paga baxxa varja konsiderevolment bejn l-Istati Membri tal-UE-27: l-ogħla ishma kienu osservati fil-Latvja (25.5 %), fir-Rumanija (24.4 %) u fil-Litwanja (24.0 %). Mill-banda l-oħra, anqas minn 10 % tal-impjegati kienu ħaddiema b’paga baxxa fl-Italja (9.4 %), Franza (8.8 %), Danimarka (8.6 %), Finlandja (5.3 %), Belġju (3.8 %) u l-Iżvezja (2.6 %).

Illustrazzjoni 3: Ħaddiema b’paga baxxa — impjegati
(minbarra l-apprendisti) li jaqilgħu żewġ terzi jew anqas mill-qligħ gross fis-siegħa medjan, 2014
(% tal-impjegati)
Sors: Eurostat (earn_ses_pub1s)

Diskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

Id- diskrepanza inaġġustata bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija indikatur importanti biex jitkejlu d-differenzi bejn il-qligħ medju tan-nisa u l-irġiel fl-UE. Fl-2018, fl-EU-27 kollha kemm hi, bħala medja n-nisa tħallsu 14.8 % anqas mill-irġiel, filwaqt li d-differenza kienet ta’ 15.9 % għaż-żona tal-euro. L-akbar diskrepanzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa ġew identifikati fl-Estonia (22.7 %), fil-Ġermanja (20.9 %) u fiċ-Ċekja (20.1 %). L-iżgħar differenzi fil-paga medja bejn l-irġiel u n-nisa nstabu fl-Italja (5.0 %, data tal-2017), fil-Lussemburgu (4.6 %) u fir-Rumanija (3.0 %) — ara l-Illustrazzjoni 4.

Illustrazzjoni 4: Id-diskrepanza inaġġustata bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, 2018
(differenza bejn il-qliegħ gross fis-siegħa medju tal-impjegati rġiel u nisa, bħala % tal-qligħ gross tal-irġiel)
Sors: Eurostat (earn_gr_gpgr2)


Diversi kwistjonijiet jikkontribwixxu għal dawn id-differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, bħal: differenzi fir-rati ta’ parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, differenzi fl-okkupazzjonijiet u l-attivitajiet li għandhom it-tendenza li jkunu ddominati mill-irġiel jew min-nisa, differenzi fil-punt sa fejn l-irġiel u n-nisa jaħdmu fuq bażi part-time, kif ukoll l-attitudnijiet tad-dipartimenti tal-persunal fi ħdan korpi privati u pubbliċi lejn l-iżvilupp tal-karriera u liv bla ħlas u/jew liv tal-maternità/tal-ġenituri. Xi fatturi sottostanti li jistgħu, tal-anqas parzjalment, jispjegaw id-differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jinkludu s-segregazzjoni settorjali u okkupazzjonali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni u t-trasparenza, kif ukoll id-diskriminazzjoni diretta. Id-differenzi bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jirriflettu wkoll inugwaljanzi oħra, partikolarment, is-sehem ta’ spiss sproporzjonat tar-responsabbiltajiet tal-familja li jġorru n-nisa u d-diffikultajiet assoċjati biex jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Ħafna nisa jaħdmu part-time jew b’kuntratti atipiċi: għalkemm dan jippermettilhom jibqgħu fis-suq tax-xogħol filwaqt li jimmaniġġjaw ir-responsabilitajiet tal-familja, jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-pagi, l-iżvilupp tal-karriera, il-prospetti ta’ promozzjoni u l-pensjonijiet tagħhom.

Il-qligħ nett u l-piż tat-taxxa

Id-data kollha hija bbażata fuq mudell rikonoxxut b’mod wiesa’ żviluppat mill-OECD, fejn iċ-ċifri jinkisbu minn sorsi nazzjonali (għal aktar dettalji dwar il-mudell ikkonsulta l-informazzjoni fuq is-sit web tal-OECD - Benefits and wages (bl-Ingliż)).

Qligħ nett

L-informazzjoni dwar il-qligħ nett tikkomplementa d-data dwar il-qligħ gross fir-rigward tal-qligħ disponibbli, fi kliem ieħor wara li jitnaqqsu t-taxxi fuq l-introjtu u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegati mill-ammonti gross u wara li jiżdiedu l-benefiċċji tal-familja (trasferimenti ta’ flus imħallsa fir-rigward ta’ tfal dipendenti), fil-każ ta’ unitajiet domestiċi bit-tfal.

Fl-2019, il-qligħ nett ta’ persuna mhux miżżewġa, mingħajr tfal, li taqla’ 100 % mill-qligħ medju ta’ ħaddiem fl-ekonomija tan-negozju, kien ivarja minn EUR 42 584 fil-Lussemburgu għal EUR 6 030 fil-Bulgarija. L-istess żewġ Stati Membri tal-UE rreġistraw l-aktar qligħ nett medju għoli (EUR 57 175) u l-aktar qligħ nett medju baxx (EUR 6 603) rispettivament għal koppja miżżewġa b’ħaddiem wieħed u żewġt itfal (ara l-Illustrazzjoni5).

Illustrazzjoni 5: Qligħ nett annwali, 2019
(EUR)
Sors: Eurostat (earn_nt_net)


F'każ li ż-żewġ partijiet ta’ koppja miżżewġa jkunu jaħdmu (it-tnejn jaqilgħu qligħ medju ta’ ħaddiem), il-Lussemburgu rreġistra l-ogħla qligħ nett annwali, kemm fejn il-koppja kellha żewġt itfal EUR 94 638, kif ukoll meta l-koppja ma kellhiex tfal EUR 87 024. Il-Bulgarija rreġistrat l-aktar qligħ nett baxx b’EUR 12 102 meta l-koppja kellha żewġt itfal u ftit anqas b’EUR 12 061 meta l-koppja ma kellhiex tfal.

Il-piż tat-taxxa

L-indikaturi tar-rati tat-taxxa(il-porzjon tat-taxxa fuq il-kostijiet lavorattivi, it-trappola tal-qgħad u t-trappola tal-bagi baxxi) jimmiraw li jimmonitorjaw l-attraenza tax-xogħol. L-Illustrazzjoni 6 tippreżentahom għal tali ħaddiem b’paga baxxa li jaqla’ żewġ terzi (preċiżament 6 %) tal-qligħ medju ta’ ħaddiem fl-ekonomija tan-negozju (it-Taqsimiet B sa N ta’ NACE R 2) u li huwa persuna mhux miżżewġa mingħajr tfal.

L-ewwel indikatur, il-porzjon tat-taxxa fuq il-kostijiet lavorattivi, ikejjel il-piż tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali meta mqabbel mal-kost lavorattiv. Dan huwa ddefinit bħala t-taxxa fuq il-qligħ gross tal-pagi flimkien mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegati u tal-impjegatur, espressa bħala perċentwal tal-kostijiet lavorattivi totali. Fl-2019, il-porzjon tat-taxxa għall-UE-27 kien ta’ 3 % (40.1 % għaż-żona tal-euro). L-ogħla porzjonijiet ta' taxxa fuq il-kostijiet lavorattivi ta’ ħaddiem b'paga baxxa fl-2019 kienu rreġistrati fil-Belġju (45.4 %), fil-Ġermanja (45.2 %) u fl-Ungerija (44.6 %) u l-aktar baxxi kienu f’Malta (27.4 %), fl-Irlanda (24.6 %) u f’Ċipru (18.1 %).

Illustrazzjoni 6: Indikaturi tar-rata tat-taxxa dwar il-ħaddiema b’pagi baxxi — persuna mhux miżżewġa mingħajr tfal, 2019
(%)
Sors: Eurostat (earn_nt_taxwedge), (earn_nt_unemtrp) and (earn_nt_lowwtrp)


It-tieni indikatur, in-nassa tal-qgħad, ikejjel il-proporzjon (bħala perċentwal) fiż-żieda tal-qligħ gross li tiġi “assorbita” minn taxxa ogħla u kontribuzzjonijiet ogħla tas-sigurtà soċjali tal-impjegati u l-irtirar tal-benefiċċji tal-qgħad u ta’ benefiċċji oħra meta persuna qiegħda tibda taħdem. Fl-2019, it-trappola tal-qgħad kienet ta’ 74.4 % fl-UE-27 (74.5 % għaż-żona tal-euro). L-ogħla rati ġew irreġistrati fil-Belġju (93.1 %), fil-Lussemburgu (90.9 %) u fid-Danimarka (88.9 %) u l-aktar baxxi fis-Slovakkja (46.4 %), fil-Greċja(34.6 %) u fl-Estonja (32.2 %).

It-tielet indikatur, in-nassa tal-pagi baxxi, ikejjel il-proporzjon (bħala perċentwal) fiż-żieda tal-qligħ gross li tiġi “assorbita” mill-effetti kkombinati tat-taxxi fuq l-introjtu, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegati, u kwalunkwe rtirar ta’ benefiċċji meta l-qligħ gross jiżdied minn 33 % sa 67 % tal-qligħ medju ta’ ħaddiem. In-nassa tal-pagi baxxi ġiet irreġistrata b’39.3 % fl-UE-27 fl-2019 (41.1 % għaż-żona tal-euro), bl-ogħla rati osservati mill-ġdid fil-Belġju (60.4 %), fil-Lussemburgu (50.6 %) fid-Danimarka (50.2 %) u dawk l-aktar baxxi fil-Bulgarija (22.4 %), fl-Estonja (21.0 %) u f’Ċipru (8.3 %).

Sors tad-data għat-tabelli u l-graffs

Sors tad-data

Kostijiet lavorattivi

Il-kostijiet lavorattivi jinkludu l-kumpens għall-impjegati (inklużi l-pagi, is-salarji fi flus kontanti u in natura, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi), il-kostijiet tat-taħriġ vokazzjonali, u nefqa ieħor (bħall-kostijiet tar-reklutaġġ, in-nefqa fuq il-ħwejjeġ għax-xogħol, u t-taxxi fuq l-impjiegi meqjusa bħala kostijiet lavorattivi li minnhom jitnaqqas kwalunkwe sussidju riċevut). Dawn il-komponenti tal-kost lavorattiv u l-elementi tagħhom huma definiti fir-Regolament Nru 1737/2005 tal-21 Ottubru 2005.

L-istatistika dwar il-kostijiet lavorattivi tikkostitwixxi sistema ġerarkika ta’ statistika pluriennali, annwali u trimestrali mfassla biex tipprovdi stampa komprensiva u ddettaljata tal-livell, l-istruttura u l-iżvilupp fuq żmien qasir tal-kostijiet lavorattivi fis-setturi differenti tal-attività ekonomika fl-Istati Membri tal-UE u f’xi pajjiżi li mhumiex membri. L-istatistika kollha hija bbażata fuq definizzjoni armonizzata tal-kostijiet lavorattivi. Il-livelli tal-kost lavorattiv huma bbażati fuq l-aħħar stħarriġ dwar il-kost lavorattiv (bħalissa l-2016) u estrapolazzjonibbażata fuq l-indiċi tal-kost lavorattiv trimestrali. L-istħarriġ dwar il-kost lavorattiv huwa stħarriġ kwadrennali li jiġbor livelli ta’ kostijiet lavorattivi f’livell dettaljat ħafna. Għall-finijiet ta’ estrapolazzjoni mal-indiċi tal-kost lavorattiv, id-data tintuża biss f’livell aggregat. L-indiċi tal-kost lavorattiv trimestrali (Euroindicator (bl-Ingliż)) ikejjel il-pressjoni tal-kost li tirriżulta mill-fattur tal-produzzjoni tal-ħaddiema. Id-data koperta fil-ġbir tal-indiċi tal-kost lavorattiv għandha x'taqsam mal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa medji totali u ma' żewġ kategoriji tal-kostijiet lavorattivi: il-pagi u s-salarji; kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi plus it-taxxi mħallsa minus sussidji riċevuti mill-impjegatur. Id-data hija disponibbli għall-aggregati Ewropej (l-UE u ż-żona tal-euro) u għall-Istati Membri tal-UE għal aggregat li jkopri l-industrija, il-kostruzzjoni u s-servizzi (ħlief l-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, is-sigurtà soċjali obbligatorja) kif kopert mit-T B sa N u minn P sa S ta’ NACE Rev. 2 (l-informazzjoni hija diżaggregata wkoll skont l-attività ekonomika), f’jum tax-xogħol u f’forma aġġustata staġunalment.

Pagi/qligħ gross

Id-definizzjonijiet ewlenin għall-qligħ huma pprovduti fir-Regolament 1738/2005 tal-21 Ottubru 2005. Id-data toriġina mill-istħarriġ dwar l-istruttura tal-qligħ (SES)) kwadrennali li l-aħħar vintage ta’ data ġejja minn Ottubru 2014. Il-qligħ gross ikopri r-remunerazzjoni monetarja li titħallas direttament mill-impjegatur, qabel ma jitnaqqsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali pagabbli mill-persuni b'paga u li jinżammu mill-impjegatur. Il-bonusijiet kollha, irrispettivament minn jekk jitħallsux regolarment jew le (bħall-paga tat-13 jew l-14-il xahar, il-bonusijiet għall-btajjel, il-kondiviżjoni tal-profitti, il-benefiċċji għal-liv li ma jitteħidx, kummissjonijiet okkażjonali, eċċ.) huma inklużi.

Id-data dwar il-qligħ medjan hija bbażata fuq il-qligħ gross fis-siegħa tal-impjegati kollha (full-time u part-time, iżda minbarra l-apprendisti) li jaħdmu f’intrapriżi b’10 impjegati jew aktar u fis-setturi kollha tal-ekonomija għajr l-agrikoltura, is-sajd, l-amministrazzjoni pubblika, l-unitajiet domestiċi privati u l-organizzazzjonijiet extraterritorjali. Il-qligħ medjan jiġi kkalkolat b’tali mod li nofs il-popolazzjoni taqla’ inqas mill-medjan u n-nofs l-ieħor taqla’ aktar.

Diskrepanza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa

Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, fil-forma mhux aġġustata tagħha, hija ddefinita bħala d-differenza bejn il-qligħ fis-siegħa gross medju tal-impjegati rġiel imħallsa u tal-impjegati nisa mħallsa, espressa bħala perċentwal tal-qligħ fis-siegħa gross medju tal-impjegati rġiel imħallsa. Il-metodoloġija għall-kumpilazzjoni ta’ dan l-indikatur hija bbażata fuq data miġbura mill-istħarriġ dwar l-istruttura tal-qligħ (SES), li jiġi rivedut kull erba’ snin meta ssir disponibbli data ġdida mill-istħarriġ dwar l-istruttura tal-qligħ.

Skont il-metodoloġija użata, l-indikatur li jikkonċerna d-differenza mhux aġġustata bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jkopri lill-impjegati kollha (m’hemm l-ebda restrizzjoni għall-età u s-sigħat maħduma) ta’ intrapriżi (b’mill-anqas 10 impjegati) fl-industrija, il-kostruzzjoni u s-servizzi (kif kopert mit-Taqsimiet B sa S għajr it-Taqsima O ta’ NACE R&nb2). Xi pajjiżi jipprovdu wkoll informazzjoni għat-Taqsima O ta’ NACE Rev. 2 (amministrazzjoni pubblika u difiża; sigurtà soċjali obbligatorja) għalkemm din mhijiex obbligatorja. L-informazzjoni hija disponibbli wkoll b’analiżi bejn is-settur pubbliku u dak privat, skont il-ħin tax-xogħol (full-time jew part-time) u abbażi tal-età tal-impjegati.

Il-qligħ nett u l-piż tat-taxxa

Il-qligħ nett jirriżulta mill-qligħ gross u jirrappreżenta l-parti tar-remunerazzjoni li l-impjegati jistgħu fil-fatt iżommu biex jonfqu jew ifaddlu. Meta mqabbel mal-qligħ gross, il-qligħ nett ma jinkludix il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxi, iżda jinkludi l-benefiċċji tal-familja.

In-nassa tal-qgħad hija ddefinita bħala d-differenza bejn iż-żieda fil-qligħ gross u ż-żieda fl-introjtu nett meta mill-qgħad wieħed jidħol f’impjieg, espressa bħala perċentwal tal-qligħ gross.

Kuntest

L-istruttura u l-iżvilupp tal-kostijiet lavorattivi u tal-qligħ huma fatturi importanti ta’ kwalunkwe suq tax-xogħol, li jirriflettu l-provvista tax-xogħol minn individwi u d-domanda għax-xogħol mill-intrapriżi.

L-UE tfittex li tippromwovi opportunitajiet indaqs li jimplikaw l-eliminazzjoni progressiva tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. L-Artikolu 157(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, u l-Artikolu 157(3) jipprovdi l-bażi ġuridika għal leġiżlazzjoni dwar it-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa f'materji ta’ impjieg. F’Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-I-Istrateġija Ewropea dwar il-Ġeneri 2020-2025. Fost oqsma oħra, din tindirizza d-diskrepanza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa:

“Il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali ilu minqux fit-Trattati mill-1957 u ġie mdaħħal fid-dritt tal-UE. Dan jiżgura li jkun hemm rimedji legali f’każ ta’ diskriminazzjoni. Madankollu, in-nisa bħala medja għadhom jaqilgħu inqas mill-irġiel. Id-diskrepanzi fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa akkumulati tul ħajjithom iwasslu għal diskrepanza saħansitra usa’ fil-pensjonijiet u, konsegwentement, in-nisa anzjani qegħdin f’riskju akbar ta’ faqar mill-irġiel. L-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa tirrikjedi li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin kollha tagħha, inkluż il-parteċipazzjoni aktar baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol, ix-xogħol inviżibbli u mhux imħallas, l-użu akbar tagħhom ta’ xogħol part-time u l-waqfien fil-karriera, kif ukoll is-segregazzjoni vertikali u orizzontali bbażata fuq l-isterjotipi tal-ġeneri u d-diskriminazzjoni. Meta tkun disponibbli informazzjoni dwar il-livelli tal-pagi, ikun aktar faċli li jiġu identifikati nuqqasijiet u diskriminazzjoni. Minħabba nuqqas ta’ trasparenza, ħafna nisa ma jafux jew ma jistgħux jagħtu prova li huma mhumiex imħallsa tajjeb. Il-Kummissjoni se tippreżenta miżuri vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi sa tmiem l-2020.”

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




  • Qligħ (t_earn), (bl-Ingliż) ara:
Gender pay gap in unadjusted form (tsdsc340) (bl-Ingliż)
Labour cost index by NACE Rev. 2 (teilm100)
Labour cost index by NACE Rev. 2 - percentage change Q/Q-1 (teilm120)
Labour cost index by NACE Rev. 2 - percentage change Q/Q-4 (teilm130)
Labour cost index by NACE Rev. 2 - Index (2012=100) (teilm140)