Statistics Explained

Archive:Mill-għalqa sal-platt - vjaġġ statistiku


L-estrazzjoni tad-data saret f’April 2020.

Aġġornament ippjanat: Lulju 2022.


This Statistics Explained article has been archived on 28 July 2021.


Highlights

10,3 miljun azjenda agrikola fil-biedja tal-UE 156,7 miljun ettaru ta’ art.

Madwar 280 000 intrapriża madwar l-UE jimmanifatturaw l-ikel u x-xorb.

Madwar 920 000 intrapriża fl-UE huma bejjiegħa tal-ikel u x-xorb bl-ingrossa u bl-imnut.

Struttura tal-katina alimentari, indikaturi magħżula, EU-27, 2017
(%)
Sors: Eurostat


Dan l-artiklu jixħet dawl statistiku fuq l-istadji distinti li jiġbru prodotti mhux ipproċessati mill-azjendi agrikoli u mill-baħar, u permezz tal-ipproċessar u mbagħad tad-distribuzzjoni jwasslu l-ikel u x-xorb sal-imwejjed tagħna. Dawn huma l-partijiet ewlenin tal-katina li huma marbuta l-aktar mill-qrib mal-Farm to Fork strategy (bl-Ingliż) fuq medda itwal tal-Unjoni Ewropea.

Il-preżentazzjoni tal-erba’ stadji ewlenin fil-katina Mill-Għalqa sal-Platt tinżamm simplifikata sabiex tingħata stampa ġenerali, u jingħata fokus lill-istadji prinċipali tal-katina marbuta mal-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt. Attivitajiet u negozji importanti upstream li huma fundamentali għall-azjendi agrikoli mhumiex koperti: dawn jinkludu l-manifatturi u l-fornituri ta’ għodod tal-biedja, tal-makkinarju, u ta’ inputs bħall-għalf, il-fertilizzanti u l-pestiċidi.

L-analiżi tenfasizza wkoll kemm il-katina hija vulnerabbli għall-interruzzjonijiet, bħall-pandemija tal-COVID-19. Il-ġbir u l-konsenja tal-prodotti bejn l-istadji huma kruċjali għall-funzjoni tal-katina bħala sħiħa. Tista’ sseħħ interruzzjoni fi kwalunkwe stadju, jew saħansitra fl-istadji ewlenin kollha tal-katina, bħal: nuqqas ta’ ħaddiema staġonali fi żmien il-ħsad; tfixkil fin-network tat-trasport ta’ konsenji mill-azjendi agrikoli lill-proċessuri (inklużi l-biċċeriji u l-imħaleb) jew mill-manifatturi lill-bejjiegħa bl-imnut; u l-għeluq ta’ ristoranti u ħwienet tax-xorb. L-impatt tal-COVID-19 mhuwiex xi ħaġa li tista’ tiġi indirizzata f’dan l-artiklu, u l-impatt possibbli f’oqsma speċifiċi se jiġi analizzat minn punti oħra fl-aħbarijiet.

Full article

L-istadju tal-produzzjoni fl-azjendi agrikoli

Il-biedja hija attività li tikkonċerna t-tkabbir tal-għelejjel u t-trobbija tal-bhejjem. Tissejjes fuq diversi proċessi naturali u bijoloġiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħamrija. Huwa n-negozju li jipprovdi l-ingredjenti primarji ewlenin għall-ikel li nieklu u għal ħafna minn dak li nixorbu. Il-biedja hija bbażata fuq sett ta’ riżorsi biex jiġu prodotti dawn il-prodotti agrikoli kif ukoll servizzi agrikoli.

Ħafna minn dawn l-inputs u r-riżorsi jiġu minn attivitajiet u negozji upstream li mhumiex analizzati b’mod espliċitu hawnhekk. Is-settur tal-biedja jixtri l-makkinarju, iż-żrieragħ, il-fertilizzanti, il-pestiċidi u l-inputs oħra biex jipproduċi prodotti agrikoli mhux ipproċessati. Dawn in-negozji upstream jiddependu fuq l-agrikoltura daqs kemm l-agrikoltura tiddependi fuqhom.

Il-fehim ta’ kemm qed jintużaw minn dawn ir-riżorsi u x’qed jiġi prodott b’sett partikolari ta’ riżorsi jipprovdi fehim ewlieni f’kif l-agrikoltura fl-UE se tiffaċċja l-isfidi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Azjendi agrikoli u art agrikola

Kien hemm 10,3 miljun azjenda agrikola fl-Unjoni Ewropea (UE) ta’ 27 Stat Membru fl-2016 - is-sena l-aktar reċenti li għaliha hija disponibbli data strutturali - biedja f’156,7 miljun ettaru ta’ art. Terz (33,3 %) tal-azjendi agrikoli tal-UE (li jissejħu “irziezet”) kienu jinsabu fir-Rumanija, bi kwart ieħor li flimkien jinsabu fil-Polonja (13,7 %) u fl-Italja (11,1 %).

Il-maġġoranza vasta (96,3 %) tal-azjendi agrikoli tal-UE huma azjendi tal-familja - għal aktar informazzjoni ara dan l-artiklu. Il-biċċa l-kbira mill-azjendi agrikoli tal-UE huma wkoll żgħar; żewġ terzi (66,6 %) kienu iżgħar minn 5 ettari (ha) fid-daqs tagħhom fl-2016. Għalkemm id-daqs medju ta’ azjenda agrikola fl-UE kien ta’ 15,2 ha fl-2016, kienu biss madwar 17 % tal-azjendi agrikoli li kienu ta’ dan id-daqs jew akbar.

Figura 1: Azjendi agrikoli u art agrikola skont id-daqs tal-azjenda agrikola, EU-27, 2016
(%)
Sors: l-Eurostat (ef_m_farmleg)

L-azjendi agrikoli tal-UE jistgħu jiġu kkaratterizzati b’mod wiesa’ bħala jew (i) marbuta ma’ unitajiet domestiċi ta’ semisussistenza (ii) azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju jew (iii) intrapriżi agrikoli kbar. L-iżgħar 7,0 miljun azjenda agrikola fl-UE (68,3 % mill-azjendi agrikoli kollha) b’daqs ekonomiku f’termini ta’ output standard taħt EUR 8 000 kull sena kienu responsabbli għal ftit inqas minn 5 % tal-output ekonomiku agrikolu totali tal-UE. B’kuntrast, l-akbar 278 000 azjenda agrikola fl-UE (2,7 % biss mit-total) li kull waħda minnhom kellha output standard annwali ogħla minn EUR 250 000 għas-sena 2016 kienu responsabbli għall-maġġoranza (54,4 %) tal-output ekonomiku agrikolu totali.

L-azjendi agrikoli tal-UE għadhom diversifikati f’termini ta’ xi jkabbru jew xi jrabbu. Madwar nofs (52,9 %) l-azjendi agrikoli kollha fl-2016 jistgħu jiġu kkategorizzati bħala azjendi agrikoli speċjalizzati fl-għelejjel. F’aktar dettall, ftit inqas minn terz (31,7 %) mill-azjendi agrikoli kollha kienu speċjalizzati fil-kultivazzjoni tar-raba’, madwar waħda minn kull ħamsa (19,3 %) kienu speċjalizzati f’għelejjel permanenti, u l-bqija (1,8 %) kienu azjendi agrikoli speċjalizzati fl-ortikultura. Għal aktar informazzjoni ara dan l-artiklu.

Kwart ieħor (24,5 %) mill-azjendi tal-UE kienu azjendi agrikoli speċjalizzati fil-bhejjem, b’azjendi agrikoli ta’ nagħaġ, mogħoż u bhejjem oħra li jirgħu (5,7 %) u mħaleb speċjalizzati (5,4 %) jkunu dawk l-aktar numerużi f’dan ir-raggruppament. L-azjendi agrikoli mħallta rrappreżentaw il-biċċa l-kbira mit-tipi l-oħra ta’ azjendi agrikoli (21,4 %). Kien hemm perċentwal żgħir ta’ azjendi agrikoli li ma setgħux jiġu kklassifikati.

Figura 2: Azjendi agrikoli skont it-tip ta’ speċjalizzazzjoni, EU-27, 2016
(sehem mill-azjendi kollha, %)
Sors: l-Eurostat (ef_m_farmleg)

L-azjendi agrikoli tal-UE użaw 156,7 miljun ettaru (ha) ta’ art għall-produzzjoni agrikola fl-2016. Ftit aktar minn żewġ terzi (68,5 %) mill-erja agrikola utilizzata tal-UE kienet ibbażata f’sitt Stati Membri biss; Franza użat 27,8 miljun ha għal skopijiet agrikoli fl-2016, Spanja 23,2 miljun ha, il-Ġermanja 16,7 miljun ha, il-Polonja 14,4 miljun ha, l-Italja 12,6 miljun ha oħra, u r-Rumanija 12,5 miljun ha.

L-azjendi agrikoli mmaniġġjaw 37,2 % mit-total tal-erja tal-art tal-EU-27 fl-2016, u mmaniġġjaw ukoll 6,4 % tal-imsaġar. Mill-art użata għall-produzzjoni agrikola fl-UE, il-maġġoranza vasta (62,0 % fl-2016) kienet art li tinħadem li ntużat prinċipalment biex jiġu prodotti għelejjel għall-konsum tal-bniedem u tal-annimali. Il-bwar permanenti rrappreżentaw terz (31,2 %) tal-erja agrikola utilizzata, u dawn prinċipalment intużaw biex jipprovdu aktar għalf u foraġġ għall-annimali. L-erja li jifdal (5,5 %) intużat għal għelejjel permanenti bħall-produzzjoni ta’ frott, żebbuġ u għeneb.

Biedja organika

Il-biedja organika hija metodu agrikolu li għandu l-għan li jipproduċi l-ikel bl-użu ta’ sustanzi u proċessi naturali. Ir-regolamenti tal-UE dwar il-biedja organika huma maħsuba biex jipprovdu struttura ċara għall-produzzjoni ta' prodotti organiċi madwar l-UE kollha.

Madwar kwart ta’ miljun azjenda agrikola fl-UE għandhom xi żona organika; din iċ-ċifra qed tiżdied. Għal aktar informazzjoni ara dan l-artiklu. Kien hemm madwar 244 000 azjenda agrikola (li hawn jissejħu “irziezet”) fl-UE li kellhom xi forma ta’ żona organika fl-2016. Din iċ-ċifra kienet madwar 20 % ogħla milli fl-2013. Maġġoranza ta’ żewġ terzi (68,2 %) mill-azjendi agrikoli fl-UE b’xi żona organika kienu kompletament organiċi fl-2016, bit-terz li jifdal kellhom taħlita ta’ produzzjoni organika u mhux organika.

Il-biedja organika kopriet 13,0 -il miljun ettaru proviżorji ta’ art agrikola fl-UE fl-2018, li jikkorrispondu għal madwar 8,3 % tat-total tal-erja agrikola utilizzata. Iż-żona organika totali hija s-somma taż-“żona li qed tiġi kkonvertita” u taż-“żona ċċertifikata”. Qabel ma żona tkun tista’ tiġi ċċertifikata bħala “organika”, trid tgħaddi minn proċess ta’ konverżjoni li jista’ jdum sentejn jew tliet snin, skont l-għalla.

Maġġoranza żgħira taż-żona organika totali tal-UE kienet tinsab f’erba’ Stati Membri biss: Spanja (17,3 %), Franza (15,7 %), l-Italja (15,1 %) u l-Ġermanja (9,4 %). Dan kien proporzjon kollettiv ogħla (57,5 %) mis-sehem tal-erba’ Stati Membri (51,3 % fl-2016) tat-total tal-erja agrikola utilizzata.

Figura 3: Żona organika totali (ikkonvertita kompletament u li qed tiġi kkonvertita), 2012 u 2018
(miljun ha)
Sors: l-Eurostat (org_cropar)

Bdiewa

L-agrikoltura għadha impjegatur kbir fl-UE; fl-2019, l-ekwivalenti ta’ madwar 8,8 miljun persuna kienu jaħdmu full-time fl-agrikoltura. Fl-2017, il-persuni li jaħdmu fl-agrikoltura (u fil-kaċċa) kienu jirrappreżentaw madwar 4,5 % tal-impjieg totali fl-UE. L-agrikoltura hija impjegatur partikolarment kbir fir-Rumanija, fejn tirrappreżenta ftit inqas minn waħda minn kull erba’ persuni (22,8 %).

Il-maniġers tal-azjendi agrikoli huma tipikament irġiel u f’età relattivament avvanzata. Sebgħa minn kull għaxar (71,2 %) maniġers ta’ azjendi agrikoli fl-UE fl-2016 kienu rġiel u maġġoranza (57,8 %) tal-maniġers ta’ azjendi agrikoli kellhom55 sena jew aktar. Madwar wieħed minn kull għaxar (10,7 %) maniġers ta’ azjenda agrikola biss kienu bdiewa żagħżagħ taħt l-40 sena. Din l-istruttura ta’ età kbira tenfasizza l-interess politiku fis-suċċessjoni tal-azjendi agrikoli u l-ħtieġa li titħeġġeġ ġenerazzjoni ġdida ta’ bdiewa.

Figura 4: Maniġers ta’ azjendi agrikoli skont il-klassi ta’ età u s-sess, EU-27, 2016
(%)
Sors: l-Eurostat (ef_m_farmang)

Il-maniġers tal-azjendi agrikoli f’età avvanzata għandhom tendenza li jaħdmu fuq l-iżgħar azjendi agrikoli (imkejla f’termini ekonomiċi); erbgħa minn kull ħamsa (82,7 %) mill-maniġers ta’ azjendi agrikoli tal-UE li kellhom 65 sena jew aktar kienu jaħdmu f'azjendi agrikoli ta’ sussistenza u f'azjendi agrikoli żgħar ħafna fl-2016, bi produzzjoni standard taħt it-EUR 8 000 kull sena.

Ftit ħafna huma l-maniġers ta’ azjendi agrikoli fl-UE li għandhom taħriġ agrikolu sħiħ. Il-biċċa l-kbira tal-maniġers ta’ azjendi agrikoli fl-UE għandhom biss esperjenza prattika; dan kien il-każ għal sebgħa minn kull għaxar (68,3 %) maniġers ta’ azjendi agrikoli fl-2016. Inqas minn wieħed minn kull għaxar (8,9 %) maniġers ta’ azjendi agrikoli kellhom taħriġ agrikolu sħiħ, u l-bqija (22,7 %) kellhom taħriġ agrikolu bażiku.

Produzzjoni ta’ azjenda agrikola

Allura x’jipproduċu l-azjendi agrikoli tal-UE?

Minkejja l-kundizzjonijiet ta’ nixfa fl-Ewropa ċentrali u tat-Tramuntana, u l-kundizzjonijiet ta’ xita fil-biċċa l-kbira tan-Nofsinhar tal-Ewropa matul is-sena tal-ħsad tal-2018, l-UE baqgħat produttur globali ewlieni tal-għelejjel. L-azjendi agrikoli tal-EU-27 ipproduċew 274,3 miljun tunnellata ta’ ċereali, madwar 13 % tal-produzzjoni globali, għalkemm dan kien 34,0 miljun tunnellata inqas mill-ogħla livelli relattivi fl-2014. Iċ-ċereali prinċipali huma l-qamħ komuni u l-ispelt (115,6 miljun tunnellata fl-2018), iż-żerriegħa tal-qamħirrum u t-taħlita taċ-ċifċiegħa tal-qamħirrum (69,0 miljun tunnellata), ix-xgħir (50,2 miljun tunnellata), il-ħafur (7,0 miljun tunnellata) u s-segala u l-maslin (6,5 miljun tunnellata). Dawn il-ħbub jistgħu jintużaw biex jiġi mmanifatturat l-ikel li n-nies jieklu direttament jew jistgħu jintużaw għall-għalf tal-bhejjem, jew inkella biex jiġu mmanifatturati firxa wiesgħa ta’ prodotti mill-alkoħol sa kożmetiċi.

L-UE hija l-akbar produttur ta’ pitravi ħelwin fid-dinja, bil-111,9 -il miljun tunnellata prodotti fl-2018 jirrappreżentaw madwar nofs il-produzzjoni globali. Madankollu, madwar 20 % biss miz-zokkor tad-dinja jiġi mill-pitravi ħelwin, u l-bqija jiġi mill-kannamiela. L-UE pproduċiet ukoll 46,8 miljun tunnellata patata. Iz-zokkor jintuża f’firxa wiesgħa ta’ ikel bħala preservattivi, biex jiżdiedu l-ħlewwa, il-kisi, il-volum u s-sawra. Jintuża wkoll f’firxa wiesgħa ta’ prodotti tas-saħħa u tas-sbuħija, tad-dar u tal-ġnien, u prodotti industrijali. Il-patata tintuża wkoll f’firxa wiesgħa ta’ prodotti alimentari, kif ukoll fl-alkoħol, bħala għalf għall-bhejjem u bħala ingredjent li jgħaqqad iz-zlazi, fost affarijiet oħra.

L-azjendi agrikoli tal-UE pproduċew ukoll firxa wiesgħa ta’ għelejjel oħra, inklużi 32,0 miljun tunnellata żrieragħ żejtnin, 61,0 miljun tunnellata ħxejjex friski (inklużi bettieħ u frawli), 11,1 miljun tunnellata frott taċ-ċitru, 26,2 miljun tunnellata għeneb, 13,7 miljun tunnellata żebbuġ u 27,6 miljun tunnellata frott u lewż ieħor fl-2018.

Minbarra l-għelejjel, l-azjendi agrikoli tal-UE rabbew l-annimali għall-prodotti tal-laħam u tal-ħalib. Fost il-laħam prinċipali, l-azjendi agrikoli tal-UE ipproduċew 22,9 miljun tunnellata majjal, 13,2 miljun tunnellata tiġieġ u 6,0 miljun tunnellata ċanga fl-2018. Barra minn hekk, l-azjendi agrikoli tal-UE pproduċew 156,6 miljun tunnellata ħalib, li minnhom 144,8 miljun tunnellata ħalib inġabru minn imħaleb u 11,8 miljun tunnellata ntużaw direttament fl-azjendi agrikoli.

Din il-produzzjoni kollha kemm tiswa lill-ekonomija? Il-valur ta’ kull ma ġie prodott mis-settur agrikolu tal-EU-27 fl-2018 ġie stmat f’livell ta’ EUR 404,7 biljun; dan jinkludi l-valur tal-għelejjel, tal-annimali, tas-servizzi agrikoli kif ukoll ta’ xi prodotti u servizzi li ma kinux strettament agrikoli iżda li ma setgħux jitkejlu separatament.

Madwar nofs (53,0 %) mill-valur tal-produzzjoni totali tal-industrija agrikola tal-UE[1] Fl-2018 ġew mill-għelejjel (EUR 214,4 biljun), li minnhom il-ħxejjex u l-pjanti ortikulturali u ċ-ċereali kien dawk l-aktar siewja. Tnejn oħra minn kull ħamsa (38,5 %) ġew minn annimali u prodotti tal-annimali (EUR 155,8 biljun), bil-maġġoranza ġejjin mill-ħalib u l-ħnieżer biss. Is-servizzi agrikoli (EUR 19,5 biljun) u l-attivitajiet mhux agrikoli inseparabbli (EUR 15,1-il biljun) ikkontribwew il-bqija (8,5 %).

Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri varjaw b’mod sinifikanti, u dan jirrifletti d-differenzi fil-volumi prodotti, il-prezzijiet riċevuti kif ukoll it-taħlita ta’ għelejjel imkabbra, annimali mrobbija, il-prodotti tal-annimali miġbura u s-servizzi offruti. Ħafna aktar minn nofs (59,0 %) il-valur totali tal-produzzjoni tal-industrija agrikola tal-UE ġie mill-“erbgħa l-kbar” li huma Franza (EUR 77,2 biljun), l-Italja (EUR 56,9 biljun), il-Ġermanja (EUR 52,7 biljun) u Spanja (EUR 52,2 biljun).

Oġġetti u servizzi ta’ konsum intermedjarju

X’inputs jużaw il-bdiewa? Il-produzzjoni ta’ dan l-output kollu ġarrbet xi spejjeż. Il-bdiewa kellhom jixtru oġġetti u servizzi biex jintużaw bħala inputs fil-proċess ta’ produzzjoni; dawn xtraw affarijiet bħal żrieragħ, fertilizzanti, għalf għall-annimali u fjuwil għat-tratturi tagħhom, kif ukoll servizzi veterinarji, fost affarijiet oħra. Dawn l-ispejjeż tal-input jissejħu “konsum intermedjarju” f’kuntest kontabilistiku. L-ispejjeż tal-konsum intermedjarju għall-industrija agrikola jammontaw għal total ta’ EUR 233,2 biljun għall-UE fl-intier tagħha fl-2018.

Xi spejjeż huma assoċjati mat-trobbija tal-annimali; kienu jeħtieġu għalf, li ammonta għal aktar minn terz (37,7 %) mill-ispejjeż totali tal-konsum intermedju, u servizzi veterinarji (2,6 % oħra). Bl-istess mod, xi spejjeż huma assoċjati mat-tkabbir tal-għelejjel; il-bdiewa kienu jeħtieġu żrieragħ u pjanti (5,1 % mill-ispejjeż totali), ħafna minnhom użaw prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bħal erbiċidi, insettiċidi u pestiċidi (4,8 %) u fertilizzanti u tejjieba tal-ħamrija (6,6 %). Spejjeż oħra huma komuni għat-tipi kollha ta' azjendi agrikoli, indipendentement minn jekk ikunux speċjalizzati jew imħallta.

Settijiet ta’ data relatati: Ċereali, pitravi ħelwin u patata, laħam, ħalib, valuri u output tal-industrija agrikola.

Pestiċidi u fertilizzanti minerali

Hemm interess partikolari fl-użu tal-pestiċidi u l-fertilizzanti minerali fl-agrikoltura. Il-bejgħ tal-pestiċidi fl-EU-27 kien ta’ madwar 360 000 tunnellata fl-2018 u dan baqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess fil-perjodu mill-2011. Għal aktar informazzjoni ara dan l-artiklu. Il-konsum ta’ fertilizzanti minerali, tan-nitroġenu (N) u tal-fosforu (P) mill-agrikoltura baqa’ f’livell għoli fil-perjodu mill-2007 sal-2018; ammont stmat ta’ 11,3 miljun tunnellata ntuża fl-2018. Għal aktar informazzjoni ara dan l-artiklu.

Figura 5: Bejgħ ta’ pestiċidi, EU-27, 2011-2018
(elf tunnellata)
Sors: l-Eurostat (aei_fm_salpest09)

Meta n-nutrijenti użati fl-agrikoltura ma jiġux assorbiti mill-għelejjel, l-użu tagħhom jitqies eċċessiv u jkun marbut ma’ kwistjonijiet ambjentali rigward it-tniġġis tal-ilma, il-klima u t-tnaqqis tal-bijodiversità [2]. Il-bilanċ gross tan-nitroġenu (GNB) jipprovdi indikazzjoni tal-eċċess potenzjal ta’ nitroġenu (N) fuq art agrikola (kg N għal kull ha kull sena). Il-bilanċ gross tan-nitroġenu għall-EU-27 naqas minn medja stmata ta’ 51 kg N għal kull ha kull sena fil-perjodu 2004-2006 għal 47 kg N għal kull ha kull sena fil-perjodu 2013-2015. Għal aktar informazzjoni ara dan l-artiklu. Il-fertilizzanti minerali rrappreżentaw 45 % tal-input tan-nitroġenu fl-UE fl-2014, fejn id-demel irrappreżenta 38 % oħra.

Il-bilanċ gross tal-fosforu jipprovdi għarfien dwar ir-rabtiet bejn l-użu tal-fosforu agrikolu, it-telf tal-fosforu fl-ambjent, u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tan-nutrijenti tal-ħamrija. Eċċess persistenti jindika problemi ambjentali potenzjali, bħal pereżempju l-iskular tal-fosforu li jirriżulta fit-tniġġis tal-ilma tax-xorb u l-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet tal-wiċċ. Defiċit persistenti jista’ jxekkel is-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-ħamrija agrikola permezz tad-degradazzjoni tal-ħamrija jew it-tħaffir fil-ħamrija, li jirriżulta f’fertilità dejjem tonqos f’żoni li jipproduċu għelejjel jew foraġġ. Il-bilanċ gross tal-fosforu għall-UE kien ta’ 1,2 kg għal kull ettaru kull sena fil-perjodu 2013-2015, tnaqqis minn 3,9 kg għal kull ettaru kull sena fil-perjodu 2004-2006. Dan ifisser li għalkemm jibqa’ jkun hemm bilanċ pożittiv annwali, id-daqs ta’ dan il-bilanċ pożittiv annwali naqas; fil-perjodu bejn l-2013-2015 dan kien madwar 30 % ta’ dak li kien fis-snin bikrin tas-seklu wieħed u għoxrin. Għal aktar informazzjoni ara dan l-artiklu.

Prestazzjoni ekonomika

Dan kif isarraf fil-prestazzjoni ekonomika tal-agrikoltura fl-UE? Il-valur miżjud gross miżjud mill-industrija agrikola tal-UE, li huwa d-differenza bejn il-valur ta’ kull ma ġie prodott mis-settur agrikolu primarju tal-UE fl-2018 u l-ispejjeż tas-servizzi u l-prodotti użati fil-proċess ta’ produzzjoni, ġie stmat f’livell ta’ EUR 171,5 biljun fl-2018. Mod kif wieħed iħares lejn dan huwa li għal kull 1 euro minfuq fuq l-ispejjeż tal-prodotti u s-servizzi użati fil-proċess ta’ produzzjoni (magħruf bħala l-konsum intermedjarju), l-industrija agrikola ħolqot valur miżjud ta’ EUR 0,74.

Il-produzzjoni agrikola fl-UE mill-miljuni ta' azjendi agrikoli fil-biċċa l-kbira żgħar tammonta għal negozju kbir, anke mingħajr ma titqies l-importanza tagħha bħala element kostitwenti għall-industrija downstream tal-ipproċessar tal-ikel u x-xorb. Is-settur agrikolu kkontribwixxa 1,2 % għall-PDG tal-EU-27 fl-2018. Biex dan jitqiegħed f’kuntest, il-kontribuzzjoni tal-agrikoltura għall-ekonomija tal-UE kienet biss ftit inqas mill-PDG tal-Greċja fl-2018, is-17 l-akbar ekonomija fost l-Istati Membri.

Wieħed mill-modi kif tista’ titkejjel il-prestazzjoni tal-industrija agrikola huwa l-valur miżjud nett fil-prezz fattur għall-ekwivalenti ta’ kull ħaddiem full-time (imkejjel f’Unitajiet ta’ Xogħol Annwali) fl-industrija agrikola. Id-dħul agrikoli għal kull AWU għall-UE kollha fl-2018 naqas (3,5 %) mil-livell ogħla rreġistrat fl-2017. Minkejja dan, huwa baqa’ madwar wieħed minn kull ħamsa ogħla (+21,5 %) mil-livell fl-2010.

Figura 6: Dħul agrikolu għal kull unità ta’ xogħol annwali (Indikatur A), 2017-2018
(2010 = 100)
Sors: l-Eurostat (aact_eaa06)

Produzzjoni tal-ħut

Minbarra l-ikel li jitkabbar jew jitrabba’ fl-azjendi agrikoli, ħut u organiżmi akkwatiċi oħra jinqabdu fil-baħar jew jiġu prodotti fl-akkwarji. Ir-Regolamenti tal-UE dwar l-Istatistika rigward il-qbid tal-ħut ikopru seba’ żoni marini[3]; dawn huma l-Grigal tal-Atlantiku; il-Majjistral tal-Atlantiku; il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed; l-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant; ix-Xlokk tal-Atlantiku; il-Lbiċ tal-Atlantiku; u l-Punent tal-Oċean Indjan, li f’kull wieħed minnhom hemm għadd ta’ ibħra.

Bħala regola ġenerali, il-bastimenti tas-sajd irreġistrati fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-UE għandhom aċċess ugwali għall-ilmijiet u r-riżorsi kollha tal-UE li huma mmaniġġjati skont il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). L-aċċess għas-sajd normalment jiġi awtorizzat permezz ta’ liċenzja tas-sajd. Madankollu, ir-riżorsi tal-ibħra għall-aktar speċijiet ta’ ħut kummerċjali huma limitati permezz ta’ qabdiet totali permissibbli (TACs) li huma stabbiliti kull sena għal diversi reġjuni tal-baħar abbażi tal-parir xjentifiku pprovdut minn korpi konsultattivi bħall-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF)[4]. Għall-2018, il-Kunsill Ewropew qabel li jżid jew iżomm il-limiti ta’ qbid tas-sena preċedenti għal 53 stokk u li jnaqqashom għal 25 stokk.

Il-flotta tas-sajd u l-impjieg

Il-flotta tas-sajd tal-EU-27 qed tkompli tonqos. L-għadd ta’ bastimenti attivi rreġistrati fl-2018 kien 75 800, li kellhom kapaċità kkombinata ta’ 1,4 miljun tunnellata grossa u qawwa totali tal-magna ta’ 5,4 miljun kilowatts (kW). Bi tqabbil mal-2008, l-għadd ta’ bastimenti naqas bi 3,8 %, it-tunnellaġġ gross globali naqas bi 18,4 % u l-qawwa tal-magna naqset b’9,8 %.

Il-flotta tal-UE hija varjata ħafna, bil-maġġoranza vasta tad-dgħajjes mhux itwal minn 10 metri, u għadd żgħir ta’ bastimenti li jaqbżu tul ta’ 40 metru. Id-daqs medju ta’ dgħajsa tas-sajd fl-2018 kien ta’ 18-il tunnellata grossa u s-saħħa medja tal-magna kienet ta’ 71,2 kW.

Meta mkejla skont it-tunnellaġġ gross, Spanja definittivament kellha l-akbar flotta tas-sajd fost l-Istati Membri (24,4 % tat-total tal-UE). Madankollu, meta mkejla bil-qawwa tal-magna, l-akbar flotta kienet dik fi Franza (17,9 % mit-total tal-UE), segwita mill-qrib minn dik fl-Italja (17,2 %). Meta mkejla bl-għadd ta’ bastimenti, l-akbar flotta fl-UE kienet fil-Greċja (19,7 % tal-bastimenti kollha), segwita mill-Italja (15,9 %). Il-bastimenti Griegi fuq medja kienu żgħar, madankollu, b’daqs medju ta’ 4,8 tunnellata grossa u qawwa medja tal-magna ta’ 28,6 kW fl-2018.

Kien hemm 166 600 persuna impjegati fl-industrija primarja tas-sajd tal-UE fl-2017, li minnhom madwar terz kienu impjegati fis-sottosettur tal-akkwakultura. Madwar 41 000 persuna fi Spanja ħadmu fl-industrija tas-sajd fl-2017, b’29 000 persuna oħra fl-Italja, 21 000 persuna fil-Greċja u 20 000 persuna fi Franza.

Settijiet ta’ data relatati: Flotta tas-sajd u impjieg fis-sajd u fl-akkwakultura.

Qabdiet u akkwakultura

Il-monitoraġġ tal-qabdiet u l-produzzjoni tal-akkwakultura huwa għodda essenzjali biex jiġu żgurati l-istokkijiet tal-ħut u jiġu sostnuti r-riżorsi komuni disponibbli fiż-żoni tas-sajd kbar u għonja tal-Ewropa.

Il-produzzjoni totali tal-prodotti tas-sajd tal-EU-27 fl-2017 kienet stmata f’livell ta’ 5,7 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ piż ħaj (il-massa jew il-piż mal-ħruġ mill-ilma). Erbgħa minn kull ħamsa (80,1 %) mill-produzzjoni totali tas-sajd ġiet mill-qabdiet (4,6 miljun tunnellata), u l-wieħed minn kull ħamsa li jifdal ġie mill-akkwakultura (1,1 miljun).

Madwar nofs (48,8 %) il-produzzjoni kollha tas-sajd tal-UE mill-qabdiet u l-akkwakultura ġew minn tliet Stati Membri biss fl-2017; dawn kienu Spanja (17,9 %), id-Danimarka (16,1 %) u Franza (14,7 %). Bħala tqabbil, huwa interessanti li jiġi osservat li l-produzzjoni totali tas-sajd fin-Norveġja (3,5 miljun tunnellata ta’ piż ħaj fl-2017) kienet madwar 60 % ta’ dik tal-UE fl-intier tagħha u fl-Iżlanda (1,2 miljun tunnellata fl-2017) din kienet kważi daqs ta’ Spanja, li huwa l-akbar produttur tas-sajd tal-UE.

Il-qabda totali fl-EU-27 fl-2018 kienet ta’ madwar 4,6 miljun tunnellata ta’ piż ħaj, livell simili għal dak tal-2017. Madankollu, dan baqa’ ħafna aktar baxx minn dak fil-bidu tal-Millennju (1,3 miljun tunnellata inqas mill-qabda fl-2001), għalkemm 0,8 miljun tunnellata ogħla mill-punt baxx fl-2012.

Għalkemm il-flotta tas-sajd Ewropea topera madwar id-dinja, madwar tliet kwarti mill-qabdiet kollha tal-UE kienu fil-Grigal tal-Atlantiku. L-ispeċijiet ewlenin maqbuda fil-Grigal tal-Atlantiku kienu l-aringi tal-Atlantiku, il-kavalli tal-Atlantiku, il-laċċa kaħla u l-istokkafixx.

Fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, madwar wieħed minn kull ħamsa mit-total tal-piż ħaj maqbud mill-flotta tas-sajd tal-UE kien is-sardin, b’wieħed minn kull ħamsa ieħor ikun l-inċova. Fl-Atlantiku tal-Lvant Ċentrali, il-qabdiet ewlenin kienu l-palamit u t-tonna safra, is-sardin u l-kavalli. Fl-Oċean Indjan tal-Punent, il-qabda prinċipali kienet it-tonn, kemm jekk kienx il-palamit, it-tonna safra jew it-tonn t'għajnu kbira. Biex titlesta l-istampa ġenerali tal-ispeċijiet skont ir-reġjun, l-ispeċijiet prinċipali maqbuda fil-Lbiċ tal-Atlantiku kienu l-merluzz, ħut tal-qiegħ u l-klamar, fix-Xlokk tal-Atlantiku kienu l-kavalli u l-palamit, u fil-Majjistral tal-Atlantiku kienu r-redfish, il-ħalibatt u l-merluzz.

L-UE pproduċiet madwar 1,1 miljun tunnellata ta’ organiżmi akkwatiċi (bħall-molluski u l-krustaċji) fl-2017, li jikkorrispondi għal wieħed minn kull ħamsa tal-output tas-sajd Ewropew fl-intier tiegħu. F’termini ta’ output, is-settur tal-akkwakultura tal-UE kien it-tmien l-akbar fid-dinja, b’sehem ta’ 1,6 % tal-volum tal-output globali fl-2016. Il-valur tal-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE kien stmat f’livell ta’ EUR 5,1 biljun fl-2017, madwar tnejn minn kull ħamsa mill-valur totali tal-produzzjoni totali tal-prodotti tas-sajd tal-UE.

Settijiet ta’ data relatati: Qabdiet u akkwakultura.

Ġenerazzjoni ta’ skart

L-attivitajiet tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd jiġġeneraw firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-iskart, b’mod partikolari bħala skart tal-annimali u veġetali. Dawn jinkludu d-demel likwidu u d-demel, kif ukoll diversi tipi ta’ skart aħdar, inkluż skart bijodegradabbli.

L-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd fl-EU-27 iġġeneraw 20,3 miljun tunnellata ta’ skart fl-2016, li rrappreżentaw 0,9 % tal-iskart kollu prodott mill-attivitajiet ekonomiċi u l-unitajiet domestiċi fl-UE. Il-maġġoranza vasta ta’ dan l-iskart (17,0 -il miljun tunnellata) kien skart tal-annimali u veġetali.

Il-kwantità ta’ skart tal-annimali u veġetali fl-2016 kienet sostanzjalment inqas mill-57,3 miljun tunnellata prodotti fl-2004. Madankollu, iċ-ċifra tal-2016 tissuġġerixxi żieda żgħira mil-livell baxx relattiv ta’ 14,5 miljun tunnellata prodotti fl-2012.

Il-komponent prinċipali tal-iskart tal-annimali u veġetali prodott minn dan is-settur tal-ekonomija kien ir-rawt, l-urina u d-demel tal-annimali. L-azjendi agrikoli pproduċew 12,0 -il miljun tunnellata ta’ dan it-tip ta’ skart fl-2016, tnaqqis qawwi mit-30,9 miljun tunnellata prodotti fl-2004, għalkemm 2,3 miljun tunnellata aktar mil-livell baxx relattiv fl-2012.

F’termini ta’ piż, żewġ terzi mill-iskart tar-rawt, tal-urina u tad-demel tal-annimali fl-UE ġie prodott fi Spanja (39,4 %) u fin-Netherlands (27,5 % mit-total tal-UE). Madankollu, filwaqt li l-livell ta’ dan it-tip ta’ skart naqas bi 11,8 -il miljun tunnellata bejn l-2004 u l-2016 fi Spanja, dan żdied bi 2,7 miljun tunnellata fin-Netherlands matul l-istess perjodu.

Sett ta’ data relatat: Ġenerazzjoni ta’ skart.

Stadju ta’ pproċessar

Is-sistema alimentari hija ħafna usa’ mill-produzzjoni agrikola primarja; dan ikopri wkoll it-tħejjija tal-ikel u l-bejgħ. Il-biedja hija l-attività tat-tkabbir, tat-trobbija u tal-ħsad ta’ prodotti primarji. Madankollu, qabel ma jaslu fuq il-mejda l-ikel u x-xorb, dawn spiss ikunu ġew ipproċessati, imballati, ittrasportati, distribwiti u kkummerċjalizzati.

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE tirrikonoxxi din il-katina bl-għanijiet tagħha li tiżgura forniment stabbli ta’ ikel affordabbli, li żżomm l-ekonomija rurali ħajja billi tippromwovi impjiegi fil-biedja, fl-industriji agroalimentari u fis-setturi assoċjati, u li tipproteġi l-kwalità tal-ikel u tas-saħħa.

Il-biċċa l-kbira mill-prodotti tal-10,3 miljun azjenda agrikola tal-UE jinbiegħu lill-industrija tal-ikel u x-xorb għall-ipproċessar kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, bi ftit prodotti biss kultant ipproċessati direttament mill-azjendi agrikoli jew minn kooperattivi tal-bdiewa, bħall-inbid, iż-żejt taż-żebbuġa u l-ġobon.

Min-naħa l-oħra, l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u x-xorb tipproduċi firxa ta’ prodotti għall-konsum finali jew biex jintużaw bħala prodotti intermedji (bħal żjut, xaħmijiet u zokkor) għal ipproċessar ulterjuri jew trasformazzjoni f’industriji oħra tal-manifattura downstream, qabel ma jkunu disponibbli għall-konsumaturi.

Imħaleb u biċċeriji

Għall-prodotti alimentari mill-annimali, l-ewwel stadju ta’ pproċessar huwa fil-maħleb jew fil-biċċeriji. L-intrapriżi tal-ħalib jew jixtru minn ċentri tal-ġbir tal-ħalib jew, aktar tipikament, direttament mill-azjendi agrikoli bil-ħsieb li jittrasformawh fi prodotti tal-ħalib. Il-biċċeriji fl-UE huma stabbilimenti rreġistrati u approvati li jintużaw għat-tbiċċir u t-tlestija tal-annimali li l-laħam tagħhom huwa intenzjonat għall-konsum mill-bniedem. L-attività tagħhom normalment ma titqiesx bħala pproċessar iżda, għal stampa ġenerali bbilanċjata, dawn huma inklużi fl-analiżi.

Kien hemm madwar 4 900 maħleb madwar l-EU-27 fl-2018. Proporzjon kbir minn dawn kienu fl-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-Ewropa; L-Italja waħedha kellha kważi 1 200 maħleb u l-Greċja madwar 800 maħleb.

Fil-biċċa mill-Istati Membri, dawn l-imħaleb kienu relattivament żgħar u kienu jiġbru inqas minn 5 000 tunnellata ħalib kull sena. Pereżempju, kważi tliet kwarti mill-imħaleb fl-Italja ġabru inqas minn 5 000 tunnellata ħalib kull sena u madwar 94 % tal-imħaleb kollha fil-Greċja. Madankollu, hemm xi eċċezzjonijiet. Xi ftit Stati Membri kellhom għadd żgħir ta’ mħaleb relattivament kbar li ġabru aktar minn 100 000 tunnellata ħalib kull sena; dan kien jinkludi madwar terz mit-38 maħleb fl-Irlanda, madwar 40 % mit-30 maħleb fin-Netherlands u mill-14-il maħleb fil-Litwanja, u 46 % mill-115-il maħleb fil-Ġermanja.

Kien hemm konsolidazzjoni konsiderevoli tas-suq tal-prodotti tal-ħalib fl-UE. Pereżempju, l-għadd ta’ mħaleb fl-Italja, fi Franza u fil-Ġermanja naqas bin-nofs jew b’aktar min-nofs fil-perjodu bejn l-1994 u l-2018.

Sett ta’ data relatat: Imħaleb.

Manifattura ta’ prodotti alimentari u xorb

Kien hemm madwar 280 000 intrapriża madwar l-EU-27 li mmanifatturaw l-ikel u x-xorb fl-2017. Madwar nofs (51,4 %) dawn l-intrapriżi kienu involuti fi prodotti tal-ifran u tad-dqiq bħal ħobż, kejkijiet, gallettini, għaġin u noodles. Intrapriżi li jipproduċu l-laħam u l-prodotti tal-laħam, ix-xorb u prodotti alimentari oħra bħaz-zokkor u prodotti tal-ħelu, l-ikel ippreparat u t-tejiet, flimkien ammontaw għal madwar terz ieħor mill-intrapriżi tal-ikel u x-xorb fl-2017.

Figura 7: L-intrapriżi tal-ikel u x-xorb skont it-tip ta’ prodott, EU-27, 2017
(%)
Sors: l-Eurostat (sbs_sc_sca_r2)

L-intrapriżi tal-ikel u x-xorb ipprovdew impjieg lil 4,4 miljun persuna fl-2017. L-intrapriżi tal-manifattura tal-ikel kellhom fatturat stmat ta’ EUR 930 biljun fl-2017 u l-intrapriżi tax-xorb għas-26 Stat Membru li għalihom hija disponibbli d-data kellhom fatturat ta’ EUR 151 biljun.

Franza u l-Italja kellhom l-akbar għadd ta’ intrapriżi tal-ikel u x-xorb, li kull waħda minnhom tirrappreżenta madwar 20 % mit-total tal-UE. Madankollu, il-Ġermanja kienet timpjega l-biċċa l-kbira mill-persuni f’dan is-settur (20,3 % mit-total tal-UE), segwita minn Franza (16,1 %) u l-Italja (10,4 %).

Il-maġġoranza vasta (madwar 95 %) tal-intrapriżi kollha tal-ikel u x-xorb fl-UE kienu ta’ natura żgħira, fejn jimpjegaw inqas minn 50 persuna. Fil-fatt, fl-2017 l-intrapriżi żgħar ħafna li jimpjegaw inqas minn għaxar persuni kienu jirrappreżentaw madwar 80 % tal-intrapriżi kollha tal-ikel u x-xorb.

Intrapriżi ta’ daqs medju li jimpjegaw bejn 50 u 249 persuna u intrapriżi kbar li jimpjegaw aktar minn 250 persuna flimkien ammontaw għal minoranza ta’ intrapriżi fl-Istati Membri kollha; l-ogħla ishma kienu fil-Lussemburgu (14,6 %), fil-Ġermanja (13,0 %) u fil-Litwanja (9,8 %), b’ishma ħafna aktar baxxi fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri l-oħra, inklużi Spanja (4,4 %), Franza (1,8 %) u l-Italja (1,8 %).

Il-produzzjoni tal-ikel u x-xorb fl-UE ġie stmat f’livell ta’ EUR 860 biljun fl-2018. Dan kien ftit aktar mid-doppju tal-valur tal-prodotti agrikoli primarji mill-industrija agrikola tal-UE.

Id-data tinġabar għal 372 kategorija ta’ prodotti tal-ikel u x-xorb, inklużi disgħa għall-għalf tal-bhejjem tar-razzett u għall-ikel tal-annimali domestiċi. Il-valur tal-ikel u x-xorb prodott fil-Ġermanja fl-2018 kien l-ogħla fost l-Istati Membri (EUR 149,5 biljun), segwit minn Franza (EUR 135,5 biljun) u l-Italja (EUR 124,0 biljun).

L-aktar prodott tal-ikel u x-xorb li jiswa li ġie mmanifatturat fl-UE fl-2018 kien il-birra (mill-malt iżda bl-esklużjoni tal-birra mhux alkoħolika) u dan ġie stmat f’ammont ta’ EUR 29,0 biljun. Għalhekk, dan is-suq huwa ta’ importanza partikolari għall-bdiewa li jkabbru x-xgħir għall-immaltjar (iżda wkoll xi ħbub oħra) u l-ħops. L-Istati Membri produtturi prinċipali ta’ birra bħal din kienu l-Ġermanja (20,6 % mit-total tal-UE) u Spanja (12,6 %), għalkemm kien hemm ukoll xi speċjalizzazzjoni fil-Belġju (10,2 % mit-total tal-UE fl-2017) u fin-Netherlands (7,6 %).

Ikel u xorb ieħor ewlieni mmanifatturat fl-UE kien ħobż frisk (EUR 26,7 biljun fl-2018), ġobon maħkuk, tat-trab, ġobon blu u ġobon ieħor mhux ipproċessat (EUR 26,5 biljun), kejkijiet u prodotti tal-għaġina (EUR 22,1 biljun) u zalzett u prodotti simili (EUR 21,0 biljun).

Ġenerazzjoni ta’ skart

It-tħejjija u l-produzzjoni tal-ikel fl-EU-27 iġġeneraw 36,1 miljun tunnellata ta’ skart fl-2016, li kien 1,4 % mill-iskart kollu prodott mill-attivitajiet ekonomiċi u l-unitajiet domestiċi fl-UE. Parti kbira minn dan it-total kien skart tal-annimali u veġetali (kemm perikoluż kif ukoll mhux perikoluż). Dan jinkludi skart tal-annimali u tat-tessuti tal-pjanti, ħama, skart minn aġenti preservanti, grass u żjut, u skart bijodegradabbli.

Il-manifattura ta’ prodotti alimentari, xorb u prodotti tat-tabakk fl-EU-27 iġġenerat 21,4 miljun tunnellata ta’ skart tal-annimali u veġetali (kemm perikoluż kif ukoll mhux perikoluż) fl-2016. Dan kien ferm inqas mis-36,3 miljun tunnellata ġġenerati fl-2004.

In-Netherlands (30,3 % mit-total tal-UE) iġġeneraw l-ogħla ammont ta’ dan l-iskart tal-annimali u veġetali. Il-kwantità ta’ skart mit-tħejjija u l-produzzjoni tal-ikel baqgħet pjuttost stabbli matul is-snin bejn l-2004 u l-2016, għall-kuntrarju tax-xejra tal-UE. B’kuntrast għal dan, kien hemm tnaqqis drastiku f’ħafna Stati Membri inkluż fil-Polonja (minn 7,0 miljun tunnellata għal 1,4 miljun tunnellata biss fl-2016).

Sett ta’ data relatat: Ġenerazzjoni ta’ skart.

Kummerċ fi prodotti agrikoli, prodotti alimentari u xorb

Il-kummerċ agrikolu huwa l-azzjoni ta’ xiri u bejgħ ta’ prodotti u servizzi agrikoli. Meta l-pajjiżi jipproduċu eċċess ta' prodotti, dan jista’ jiġi kkumerċjalizzat għal prodotti u servizzi oħra. Għalfejn isir il-kummerċ ta' prodotti agrikoli? Hemm ħafna raġunijiet possibbli, li jirriflettu l-fatt li ma jeżistu l-ebda alternattivi lokali (pereżempju xi għelejjel jitkabbru biss f’ċerti klimi), jew li xi pajjiżi u reġjuni jistgħu joffru prodotti orħos, ta’ kwalità aħjar, sikuri, prodotti b’mod sostenibbli u sustanzjużi. Min-naħa l-oħra, il-kummerċ jista’ jgħin biex jipprovdi munita barranija, jappoġġa l-impjiegi fl-industriji tal-esportazzjoni, jappoġġa l-introjtu tal-industrija u jipprovdi lill-konsumaturi bi prodotti ta’ kwalità bi prezzijiet kompetittivi matul is-sena kollha.

Fil-klassifikazzjonijiet kummerċjali, il-prodotti agrikoli jistgħu jkopru tliet gruppi prinċipali: annimali u prodotti tal-annimali, għelejjel u prodotti alimentari.

L-Unjoni Ewropea (UE) hija l-akbar sieħeb fil-kummerċ internazzjonali tal-prodotti agrikoli. Filwaqt li l-EU-27 timporta fil-biċċa l-kbira prodotti agrikoli mhux ipproċessati, l-esportazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea huma prinċipalment prodotti alimentari pproċessati. Għal aktar informazzjoni ara dan l-artiklu. Fl-esportazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli mill-UE, l-akbar grupp kien dak tal-prodotti alimentari u x-xorb (54 %), segwit mill-prodotti veġetali u mill-prodotti tal-annimali (it-tnejn li huma 23 %). Fl-importazzjonijiet, l-akbar grupp kien dak tal-prodotti veġetali (44 %), segwit mill-prodotti alimentari (34 %) u mill-prodotti tal-annimali (22 %).

Fl-2019, il-valur tal-kummerċ totali (importazzjonijiet u esportazzjonijiet) ta’ prodotti agrikoli bejn l-EU-27 u l-bqija tad-dinja kien ta’ EUR 325 biljun. Billi l-esportazzjonijiet (EUR 182 biljun) kienu ogħla mill-importazzjonijiet (EUR 143 biljun), kien hemm surplus kummerċjali ta’ EUR 39 biljun. Bejn l-2002 u l-2019, il-kummerċ tal-UE fi prodotti agrikoli żdied b'aktar mid-doppju, l-ekwivalenti għal tkabbir annwali medju ta’ 5,0 %.

Il-kategorija tal-prodotti tal-annimali tikkonsisti minn annimali ħajjin, laħam, ħut, krustaċji u invertebrati akkwatiċi, prodotti tal-ħalib, bajd, għasel u prodotti oħra li joriġinaw mill-annimali. L-UE kellha surplus kummerċjali ta’ EUR 7,3 biljun f’din il-kategorija ta’ prodotti fl-2019. Is-surpluses kummerċjali għall-“prodotti tal-ħalib (li jinkludu l-ġobnijiet, il-ħalib u l-jogurt) u l-bajd tat-tjur” (EUR 12,5 biljun), “laħam u ġewwieni li jittiekel” (EUR 9,9 biljun) u “annimali ħajjin” (EUR 2,8 biljun), jikkumpensaw ferm għad-defiċit (EUR 17,7 biljun) fil-ħut; fil-krustaċji u fl-invertebrati akkwatiċi.

Figura 8: Esportazzjonijiet u importazzjonijiet agrikoli skont il-kategoriji ta’ prodotti, EU-27, 2019
(EUR miljun)
Sors: l-Eurostat (kodiċi ta’ data Comext: DS-016894)

L-għelejjel jinkludu ċereali, ħxejjex, prodotti ortikulturali, frott, kafè u xaħmijiet u żjut. L-UE kellha defiċit kummerċjali ta’ EUR 25,3 biljun f’din il-kategorija ta’ għelejjel fl-2019, li fil-biċċa l-kbira rriżulta minn defiċits fil-kummerċ ta’ “frott u lewż li jittieklu” (EUR 13,9 biljun), “kafè, tè, mate u ħwawar” (EUR 7,6 biljun) u “żrieragħ żejtnin u frott żejtni” (EUR 7,1 biljun).

Il-prodotti alimentari jikkonsistu minn diversi tipi ta’ prodotti pproċessati dderivati minn għelejjel u prodotti tal-annimali bħaz-zokkor, ix-xorb, it-tabakk u l-għalf imħejji. L-UE kellha surplus kummerċjali ta’ EUR 51,1 biljun f’din il-kategorija ta’ prodotti alimentari fl-2019. Is-surplus kummerċjalifil-kummerċ kien xprunat minn bilanċi pożittivi fil-kummerċ fix-“xorb, l-ispirti u l-ħall” (EUR 25,7 biljun) u “taħlit ta’ ċereali, dqiq, lamtu jew ħalib” (EUR 13,7 biljun).

Min huma s-sħab kummerċjali prinċipali tal-UE għall-prodotti agrikoli?

Ir-Renju Unit kien is-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-EU-27 fil-prodotti agrikoli, fi żmien meta kien għadu Stat Membru. L-Istati Membri l-oħra tal-UE esportaw prodotti agrikoli lejn ir-Renju Unit għal valur ta’ EUR 46,7 biljun fl-2019, li jirrappreżentaw 25,1 % tal-valur totali tal-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli tal-EU-27, u importaw prodotti agrikoli f’valur ta’ EUR 19,7 biljun, madwar 12,9 % ta’ dawn l-importazzjonijiet.

L-Istati Uniti kienu t-tieni suq prinċipali tal-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli tal-UE, li jirrappreżenta 11,6 % jew EUR 12,6 biljun, biċ-Ċina fit-tielet post (5,8 % jew EUR 10,8 biljun). Il-Brażil u l-Istati Uniti kienu t-tieni u t-tielet sħab prinċipali rispettivament għall-importazzjonijiet ta' prodotti agrikoli fl-UE fl-2019.

Figura 9: Il-kummerċ barra mill-UE fi prodotti agrikoli skont is-sieħeb ewlieni, EU-27, 2019
(sehem f’% tal-esportazzjonijiet/l-importazzjonijiet tal-EU-27)
Sors: l-Eurostat (kodiċi ta’ data Comext: DS-016894)

Stadju ta’ distribuzzjoni

Id-distributuri tal-ikel u x-xorb joperaw bejn il-produtturi u l-konsumaturi; dawn jinkludu l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut. F’forma simplifikata, il-bejjiegħa bl-ingrossa jistgħu jitqiesu bħala l-intermedjarji li joperaw bejn il-produtturi u l-bejjiegħa bl-imnut jew bejn żewġ produtturi.

Bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut u fornituri ta’ servizz fl-ikel u x-xorb

Fl-2017, kien hemm 203 000 intrapriża speċjalizzata fil-bejgħ bl-ingrossa tal-ikel u x-xorb fl-UE u 719 000 intrapriża oħra li jew jispeċjalizzaw fl-ikel u x-xorb, jew inkella li fihom jippredominaw dawn il-prodotti. Kien hemm ukoll madwar 1,5 miljun intrapriża ta’ servizzi tal-ikel u x-xorb, bħal ristoranti, ħwienet tax-xorb, ħwienet tal-kafè u servizzi tal-ikel tal-catering madwar l-UE.

L-intrapriżi ta’ distribuzzjoni tal-ikel u x-xorb huma impjegaturi kbar fl-UE. Kien hemm 10,6 miljun persuna li kienu qed jaħdmu fil-bejgħ bl-ingrossa u fil-bejgħ bl-imnut speċjalizzat tal-ikel u xorb, kif ukoll fir-ristoranti, fil-ħwienet tax-xorb, fil-ħwienet tal-kafè u fis-servizzi tal-catering fl-2017. Barra minn hekk, kien hemm 5,0 miljun persuna oħra jaħdmu fi ħwienet mhux speċjalizzati fejn huwa predominanti l-bejgħ bl-imnut tal-ikel u x-xorb.

Il-kultura tal-ħwienet tal-kafè u tar-ristoranti, kif ukoll it-turiżmu, jgħinu jispjegaw il-konċentrazzjoni relattiva fl-Istati Membri tan-nofsinhar; pereżempju, kien hemm intrapriża li sservi x-xorb bħal ħanut tax-xorb jew ħanut tal-kafè għal kull 234 resident fil-Portugall, għal kull 255 resident fi Spanja u għal kull 291 resident fil-Greċja.

Settijiet ta’ data relatati: Bejjiegħa bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut.

Trasport

Naturalment, il-katina mill-“għalqa sal-platt” tiddependi mit-trasport biex il-produzzjoni agrikola u l-ikel mhux ipproċessati jitwasslu mill-produtturi sal-konsumaturi. It-tul ta’ dak il-vjaġġ u n-network modali li l-ikel jieħu jistgħu jvarjaw b’mod konsiderevoli; fost ħafna fatturi oħra, dan jiddependi fuq kemm il-merkanzija titħassar malajr u fuq ir-rekwiżiti biex tinżamm friska u ta’ kwalità tajba. Pereżempju, xi prodotti agrikoli u alimentari jkollhom jinżammu ffriżati, oħrajn imkessħa jew f’atmosfera kkontrollata, filwaqt li oħrajn jiġu ttrasportati f’ħażna niexfa jew b’arja kundizzjonata.

Biljuni ta’ tunnellati ta’ prodotti agrikoli u prodotti alimentari jiġu ttrasportati bit-triq mit-trakkijiet tal-UE kull sena. Madwar 1,2 biljun tunnellata ta’ prodotti tal-agrikoltura primarja, tal-kaċċa, tal-forestrija u tas-sajd ġew ittrasportati minn trakkijiet irreġistrati fl-EU-27 (aktar minn 3,5 tunnellata ta’ kapaċità ta’ tagħbija) fit-toroq fl-2017 u fl-2018. Dan jinkludi kemm l-oġġetti prodotti fl-UE kif ukoll importazzjonijiet minn barra l-UE. 1,5 biljun tunnellata oħra ta’ prodotti alimentari, xorb u tabakk ġew ittrasportati minn trakkijiet irreġistrati fl-UE fl-2017.

Figura 10: It-trasport tal-prodotti tal-biedja u dawk alimentari bit-triq, EU-27, 2010-2018
Sors: l-Eurostat (road_go_ta_tg) u (road_go_ta_dctg)

Għandu jiġi osservat li dawn iċ-ċifri ma jqisux il-piż tal-prodotti ttrasportati fit-toroq tal-UE minn trakkijiet mhux irreġistrati fl-UE jew minn trakkijiet iżgħar mill-kapaċità ta’ tagħbija ta’ 3,5 tunnellata. Dan huwa importanti li jiġi osservat fil-pajjiżi tal-fruntiera tal-UE, billi parti mit-trasport internazzjonali mhuwiex kopert minn din l-istatistika.

Unità ta’ kejl tat-trasport tal-merkanzija hija t-tunnellata-kilometru (tkm). Dan jirrappreżenta t-trasport ta’ tunnellata ta’ merkanzija b’mezz ta’ trasport partikolari fuq distanza ta’ kilometru. Għall-finijiet ta’ din l-analiżi, dan il-kejl jissejjaħ “distanza tat-tagħbija utli”. Il-prodotti agrikoli, tal-kaċċa, tal-forestrija u tas-sajd ġew ittrasportati minn trakkijiet irreġistrati fl-UE, b’kapaċità ta’ tagħbija ta’ aktar minn 3,5 tunnellata, għal distanza ta’ tagħbija utli ta’ 195 biljun tunnellata-kilometru fl-2017 u 191 biljun tunnellata-kilometru fl-2018. Il-prodotti alimentari, ix-xorb u t-tabakk ġew ittrasportati għal 288 biljun tunnellata-kilometru oħra fl-2017. Biex jitqiegħed f’kuntest, dan kien l-ekwivalenti ta’ distanza medja ta’ 176 km għal kull tunnellata minn dawn il-prodotti kkombinati ttrasportati bit-triq.

Firxa wiesgħa ta’ prodotti jiġu ttrasportati minn trakkijiet irreġistrati fl-UE iżda d-distanza tat-tagħbija utli bit-triq tal-gruppi kkombinati ta’ prodotti tal-agrikoltura, tal-kaċċa, tal-forestrija, tas-sajd u prodotti alimentari, xorb u tabakk kienet aktar minn dik ta’ kwalunkwe grupp ta’ prodotti ieħor fl-2017. Dawn il-gruppi kkombinati ta’ merkanzija kienu jirrappreżentaw 27,5 % mid-distanza tat-tagħbija tat-trasport kollu tal-merkanzija bit-triq fi trakkijiet irreġistrati fl-UE u 20,8 % mit-tunnellati kollha ta’ merkanzija bit-triq fl-2017.

Maġġoranza kbira (85,4 % tal-prodotti f’tunnellati, 2017) tal-prodotti agrikoli, tal-kaċċa, tal-forestrija u tas-sajd ittrasportati minn trakkijiet irreġistrati fl-UE ġew ittrasportati fuq distanzi ta’ inqas minn 300 km. Dan kien ukoll il-każ (79,8 %) għall-prodotti alimentari, ix-xorb u l-prodotti tat-tabakk. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet il-maġġoranza (68,1 % u 58,9 % rispettivament) ta’ dawn il-prodotti ġew ittrasportati fuq distanzi ta’ inqas minn 150 km. Fil-biċċa l-kbira, dan jirrifletti n-natura ta’ ħafna prodotti agrikoli u alimentari li jitħassru (b’mod partikolari dawk friski), kif ukoll id-disponibbiltà mifruxa tagħhom minn produtturi reġjonali.

It-trasport nazzjonali tal-merkanzija bit-triq, li jsir bejn żewġ postijiet li jinsabu fl-istess pajjiż minn vettura rreġistrata f’dak il-pajjiż, kien l-akbar komponent tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ta’ prodotti agrikoli, tal-kaċċa, tal-forestrija u tas-sajd, kif ukoll tal-prodotti alimentari fl-UE, kif kien il-każ għal prodotti oħra. It-trasport nazzjonali ddomina t-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-prodotti agrikoli, tal-kaċċa, tal-forestrija u tas-sajd fl-Istati Membri kollha. L-ogħla ishma (’il fuq minn 99 %) kienu fi Stati Membri gżejjer bħal Ċipru u l-Irlanda u dawk b’konnessjonijiet internazzjonali qawwija ta’ trasport bil-baħar, bħall-Finlandja u l-Iżvezja. Kien biss fi ftit Stati Membri, bħan-Netherlands u l-Belġju, fejn hemm portijiet importanti tal-merkanzija, kif ukoll il-Lussemburgu, is-Slovenja, l-Ungerija u s-Slovakkja li s-sehem tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija ta’ prodotti agrikoli, tal-kaċċa, tal-forestrija u tas-sajd kien ogħla minn 15 %.

L-istadju tal-konsumatur

Hemm varjetà wiesgħa ta’ ikel u xorb disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE. Ix-xiri spiss jirrifletti l-kċina lokali, reġjonali u nazzjonali u jagħmel parti mill-identità kulturali nazzjonali ta’ Stat Membru. Hemm ukoll differenzi konsiderevoli fil-proporzjon tal-introjtu ta’ unitajiet domestiċi li jintefaq fuq prodotti tal-ikel u x-xorb.

L-ikel u x-xorb (inklużi s-servizzi tal-catering) kienu jirrappreżentaw 21,5 % kkombinati min-nefqa tal-konsum finali tal-unitajiet domestiċi, bħala medja, madwar l-EU-27 fl-2018. Minn dan it-total, medja ta’ 11,8 % intefqu fuq l-ikel, 6,8 % fuq is-servizzi tal-catering, 1,6 % fuq ix-xorb alkoħoliku u 1,2 % fuq ix-xorb mhux alkoħoliku. Madankollu, dawn l-ishma varjaw konsiderevolment fost l-Istati Membri. L-ogħla proporzjonijiet globali kienu fir-Rumanija u fl-Estonja (kull wieħed minnhom f’livell ta’ 30,9 %) u dawk l-aktar baxxi kienu fil-Lussemburgu (17,3 %) u fil-Ġermanja (16,6 %).

Għall-biċċa l-kbira tan-nies, l-ikel u x-xorb huma prodotti essenzjali ta’ nfiq, għalkemm ħafna nies jgħixu fil-faqar alimentari. Fl-2018, madwar persuna minn kull għaxra (madwar 11,9 %) li jkollha aktar minn 16-il sena, kellha xi inabbiltà jew inabbiltà serja biex taffordja ikla bil-laħam, tiġieġ, ħut jew l-ekwivalenti veġetarjan. Il-proporzjon kien l-ogħla (13,8 %) fil-grupp ta’ età ta’ persuni ta’ bejn 55 u 64 sena.

Il-faqar fl-UE jipprevjeni li ħafna nies jieklu ikel sustanzjuż. Madankollu, hekk kif l-introjtu medju jiżdied, spiss ikun hemm sostituzzjoni ta’ prodotti għal prodotti ta’ kwalità aħjar u konsum ogħla ta’ servizzi tal-catering. In-nefqa medja fuq l-ikel u x-xorb bħala proporzjon tal-introjtu għandha t-tendenza li tonqos hekk kif l-introjtu medju jiżdied.

Fost il-gruppi soċjoekonomiċi madwar l-UE, l-ogħla proporzjon tan-nefqa domestika fuq l-ikel kien fost dawk qiegħda (17,2 %) u dawk irtirati (15,9 %), u l-aktar proporzjon baxx kien fost il-ħaddiema mhux manwali (12,6 %). L-ogħla proporzjon tan-nefqa tal-unitajiet domestiċi fuq servizzi tal-catering kien għall-ħaddiema mhux manwali (5,4 %). Kien hemm relattivament ftit varjazzjoni fil-proporzjon tan-nefqa fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi li ntefqet fuq ix-xorb alkoħoliku bejn id-diversi gruppi soċjoekonomiċi (bejn 0,9 u 1,1 punti perċentwali).

Allura fuq liema ikel u xorb qed jonfqu flushom in-nies? Fost il-kategoriji tal-ikel, il-laħam kien jirrappreżenta l-akbar sehem tan-nefqa fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi f’kull wieħed mill-Istati Membri (medja ta’ 3,3 % madwar l-UE fl-2015, iżda ntlaħaq livell għoli ta’ 7,8 % fir-Rumanija).

Il-Kummissjoni Ewropea kellha għadd ta’ inizjattivi li jippromwovu dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli. Fost dawn kien hemm l-inizjattiva tal-2007 dwar kwistjonijiet ta' saħħa relatati man-nutrizzjoni, il-piż żejjed u l-obeżità[5] li inkludiet inizjattivi dwar it-tikkettar tal-ikel, l-iskemi tal-frott u l-ħalib għall-iskejjel, l-isport u proġetti ta’ riċerka. Fost objettivi oħra, kien hemm: l-evitar ta’ nuqqasijiet nutrizzjonali u ta’ problemi tas-saħħa relatati direttament mal-piż żejjed; il-promozzjoni ta’ ikel sikur u sostenibbli; tnaqqis fil-ħela tal-ikel; u, titjib fil-benessri tal-annimali. Il-problemi tas-saħħa relatati direttament mal-piż żejjed jew mal-obeżità għandhom ukoll impatt ekonomiku bħala spejjeż relatati mat-trattamenti għal mard relatat mal-piż. L-obeżità tikkawża firxa ta’ mard kroniku, inklużi d-dijabete, il-kanċer u l-mard tal-qalb. L-indiċi tal-massa tal-ġisem (BMI) huwa ddefinit bħala l-piż ta’ persuna f’kilogrammi diviż bil-kwadru tat-tul tagħha.

Nofs il-popolazzjoni tal-EU-27 (51,8 %) ġiet ikklassifikata bħala li għandha piż żejjed fl-2017. Ftit aktar minn terz (36,9 %) tal-popolazzjoni tal-UE kienet kważi obeża (b'BMI ogħla minn 25 iżda inqas minn 30), b’14,9 % oħra obeżi (b’BMI ogħla minn 30) fl-2017. Jidher li dawn il-proporzjonijiet qed jiżdiedu. Dan kien il-każ għall-maġġoranza vasta tal-Istati Membri li għalihom hemm data disponibbli mill-2008. F'xi Stati Membri, il-proporzjon tal-popolazzjoni tagħhom b’piż żejjed żdied b’mod sinifikanti; Pereżempju, fil-Bulgarija dan żdied minn 50,8 % fl-2008 għal madwar 59,5 % u fir-Rumanija minn 50,3 % fl-2008 għal madwar 62,9 % fl-2017 (l-ogħla rata fost l-Istati Membri).

Il-proporzjon ta’ persuni kważi obeżi u dawk obeżi ġeneralment ivarja skont l-età u jiżdied għal massimu ta’ bejn l-etajiet ta’ 55 u 74 sena, qabel ma jerġa’ jibda jonqos. Ftit aktar minn wieħed minn kull ħames (22,1 % fl-2014) adulti żgħażagħ fl-UEta’ bejn 18 u 24 sena kienu kważi obeżi jew inkella obeżi. Madankollu, kważi żewġ terzi (66,4 % fl-2014) mill-adultita’ bejn 65 u 74 sena kienu kważi obeżi jew inkella obeżi.

Tabella 1: Sehem tal-popolazzjoni b’piż żejjed skont is-sess u l-età, 2014
(%)
Sors: l-Eurostat (hlth_ehis_bm1e)

Din id-data tenfasizza l-interess politiku fil-promozzjoni ta’ dieti tajbin sustanzjużi u sostenibbli fost il-ġenerazzjonijiet kif ukoll konsum sostenibbli tal-ikel.

Settijiet ta’ data relatati: Infiq fuq il-konsum,struttura soċjoekonomika u l-obeżità.

Ġenerazzjoni ta’ skart

L-unitajiet domestiċi tal-EU-27 iġġeneraw 187.4 miljun tunnellata skart fl-2016, ekwivalenti għal 8,3 % tal-iskart kollu ġġenerat mill-attivitajiet ekonomiċi u l-unitajiet domestiċi. Dan l-iskart jinkludi l-plastik, il-metalli u l-ħwejjeġ, fost ħafna affarijiet oħra. Fl-iskart domestiku totali, ġew iġġenerati 28,3 miljun tunnellata ta’ skart tal-annimali u dak imħallat tal-ikel u skart veġetali fl-2016.

Figura 11: Ġenerazzjoni tal-iskart skont l-attivitajiet ekonomiċi u l-unitajiet domestiċi, EU-27, 2016
(%)
Sors: l-Eurostat (env_wasgen)

Il-kwantità tal-iskart tal-annimali u dak tal-ikel imħallat u dak veġetali ġġenerat mill-unitajiet domestiċi rdoppja (+104,1 %) fil-perjodu ta’ bejn l-2004 u l-2016. Dan jenfasizza l-kompitu li għandna quddiemna fl-indirizzar tal-ħela tal-ikel fl-UE.

Sett ta’ data relatat: Ġenerazzjoni ta’ skart.

Konklużjoni

L-isforzi biex jiġu indirizzati l-ħela, il-problemi ta’ piż żejjed u tas-saħħa taċ-ċittadini, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà alimentari u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima se jkollhom impatt fuq il-katina alimentari kollha. Dan għandu implikazzjonijiet għal dak li l-biedja u s-sajd jipproduċu u kif jipproduċuh. Għandu implikazzjonijiet għal kif l-ikel jiġi imballat, ittikkettat u ttrasportat. Għandu implikazzjonijiet għal x’jiġi nnegozjat ma’ sħab madwar id-dinja. U għandu wkoll implikazzjonijiet għall-ikel li nieklu u dak li nixorbu. L-ewwel pass f’din l-istrateġija l-ġdida huwa li jixteħet ftit dawl fuq is-sitwazzjoni attwali fil-katina.

Sorsi ta’ data

Stħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli

Kważi l-istatistika kollha għall-azjendi agrikoli u l-bdiewa ttieħdet mill-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli għall-2016. L-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli (FSS) jipprovdi firxa wiesgħa ta’ informazzjoni dwar l-azjendi agrikoli, inkluża data dettaljata dwar il-karatteristiċi tal-forza tax-xogħol tal-azjendi agrikoli. L-FSS jitwettaq fl-għamla ta’ ċensiment agrikolu kull 10 snin u bħala kampjun ta’ stħarriġ kull 3 snin.

Biedja organika

Id-data tinġabar kull sena u tiġi pprovduta mill-Istati Membri tal-UE u l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera, it-Turkija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u s-Serbja abbażi ta’ kwestjonarju armonizzat. Id-data f’dan il-ġbir annwali joriġina mid-data amministrattiva ta’ entitajiet nazzjonali inkarigati miċ-ċertifikazzjoni ta’ operaturi involuti fis-settur organiku. Sas-sena bażi 2007, il-forniment tad-data kien volontarju. Mis-sena bażi 2008 ’il quddiem, id-data kellha tintbagħat skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

Statistika dwar l-għelejjel

L-istatistika dwar l-għelejjel tinġabar skont ir-Regolament (KE) Nru 543/2009 u tinkiseb permezz ta’ stħarriġ ta’ kampjuni, issupplimentat minn data amministrattiva u stimi bbażati fuq osservazzjonijiet esperti. Is-sorsi jvarjaw minn Stat Membru tal-UE għal ieħor minħabba l-kundizzjonijiet nazzjonali u l-prattiki tal-istatistika. L-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika jew il-Ministeri tal-Agrikoltura huma responsabbli għall-ġbir tad-data f’konformità mar-Regolamenti tal-UE. Id-data ffinalizzata mibgħuta lill-Eurostat tiġi armonizzata kemm jista’ jkun. L-Eurostat huwa responsabbli għall-istabbiliment tal-aggregati tal-UE. L-istatistika li tinġabar dwar il-prodotti agrikoli hija relatata ma’ aktar minn 100 għalla individwali.

Statistika dwar il-bhejjem u l-laħam

L-istatistika dwar il-bhejjem u l-laħam tinġabar mill-Istati Membri tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 1165/2008, li jkopri l-annimali bovini, il-ħnieżer, in-nagħaġ u l-mogħoż; statistika dwar it-tbiċċir dwar annimali bovini, il-ħnieżer, in-nagħaġ, il-mogħoż u t-tjur; u tbassir tal-produzzjoni għaċ-ċanga, il-vitella, il-majjal, il-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż. L-istħarriġ dwar il-bhejjem ikopri biżżejjed azjendi agrikoli biex jirrappreżenta mill-inqas 95 % tal-popolazzjoni nazzjonali tal-bhejjem, kif iddeterminat mill-aħħar stħarriġ dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli. L-istatistika dwar l-annimali bovini u l-ħnieżer tiġi prodotta darbtejn fis-sena, b’referenza għal jum partikolari f’Mejju/f’Ġunju u jum partikolari f’Novembru/f’Diċembru.

Statistika dwar il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

L-istatistika dwar il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib tinġabar skont id-Deċiżjoni 1997/80/KE u d-Direttiva 1996/16/KE ta’ implimentazzjoni. Huma jkopru l-produzzjoni tal-azjenda agrikola u l-użu tal-ħalib, kif ukoll id-deskrizzjoni (struttura), il-ġbir u l-attività ta’ produzzjoni tal-imħaleb kif ukoll l-istruttura tal-imħaleb. Minħabba l-għadd żgħir ta’ mħaleb, id-data nazzjonali spiss tkun suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika. Għaldaqstant, il-forniment tat-totali tal-UE f'dan il-kuntest huwa sfida u xi informazzjoni ppreżentata fl-analiżi hija bbażata fuq data parzjali għall-Istati Membri (li tista’ teskludi diversi pajjiżi). Minn naħa waħda, l-istatistika minn dawn il-ftit intrapriżi tipprovdi stimi bikrija dwar ix-xejriet. Min-naħa l-oħra, stampa ġenerali sħiħa tas-settur tal-ħalib teħtieġ informazzjoni dettaljata mill-azjendi agrikoli u dan ifisser li ċ-ċifri finali dwar il-produzzjoni tal-ħalib ikunu disponibbli biss fil-livell tal-UE daqs sena wara s-sena bażi. Il-prodotti tal-ħalib jiġu rreġistrati f’termini ta’ piż. Għalhekk, huwa diffiċli li jitqabblu d-diversi prodotti (pereżempju ħalib frisk u trab tal-ħalib). Il-volum ta’ ħalib sħiħ jew xkumat użat fil-proċessi tal-ħalib jipprovdi ċifri aktar kumparabbli.

Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura

Il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura (KEA) huma kont satellitari tas-sistema Ewropea tal-kontijiet (ESA 2010). Dawn ikopru l-prodotti u s-servizzi agrikoli prodotti matul il-perjodu kontabilistiku li jkunu nbiegħu minn unitajiet agrikoli, nżammu fi stokkijiet f’azjendi agrikoli, jew użati għal aktar ipproċessar minn produtturi agrikoli. Il-kunċetti tal-KEA huma adattati għan-natura partikolari tal-industrija agrikola: pereżempju, il-KEA jinkludu mhux biss il-produzzjoni tal-għeneb u taż-żebbuġ, iżda wkoll il-produzzjoni tal-inbid u taż-żejt taż-żebbuġa minn produtturi agrikoli, jekk ikunu ġew prodotti mill-għeneb u ż-żebbuġ tagħhom stess. Dawn jinkludu informazzjoni dwar il-konsum intra-unità ta’ għelejjel użati fl-għalf tal-annimali, kif ukoll il-produzzjoni irrappreżentata mill-produzzjoni proprja ta’ prodotti kapitali fissi u l-konsum finali proprju ta’ unitajiet agrikoli. Il-KEA jinkludu kont ta’ produzzjoni, kont ta’ ġenerazzjoni ta’ introjtu, kont ta’ introjtu intraprenditorjali u xi elementi ta’ kont kapitali. Għall-oġġetti ta’ produzzjoni, l-Istati Membri tal-UE jittrażmettu lill-Eurostat valuri bi prezzijiet bażiċi, kif ukoll il-komponenti tagħhom (valuri bi prezzijiet tal-produtturi, sussidji fuq il-prodotti, u taxxi fuq il-prodotti).

Konsum ta’ pestiċidi

Il-ġbir tad-data mis-sena bażi 2011 ’il quddiem huwa bbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi, li stabbilixxa qafas komuni għall-produzzjoni sistematika tal-istatistika tal-Komunità dwar il-bejgħ u l-użu ta’ dawk il-pestiċidi li huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-“Klassifikazzjoni armonizzata tas-sustanzi” tikklassifika kull sustanza attiva fi grupp maġġuri, kategorija ta' prodotti u klassi kimika. L-Eurostat għandu l-permess li jippubblika data mhux kunfidenzjali dwar il-pajjiż fil-livell ta’ gruppi u kategorija ta’ prodotti kbar.

Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti huma taħlitiet li jikkonsistu minn jew li fihom sustanza attiva waħda jew aktar, fl-għamla li fiha jiġu fornuti lill-utent, maħsuba biex:

  • jipproteġu l-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti kontra kull organiżmu li jagħmel il-ħsara jew biex jimpedixxu l-azzjoni ta’ dawn l-organiżmi, sa fejn dawn is-sustanzi jew taħlitiet ma jkunux iddefiniti mod ieħor hawn taħt;
  • jinfluwenzaw il-proċessi vitali tal-pjanti, iżda mhux bħala nutrijent, (eż. regolaturi tat-tkabbir);
  • jippreservaw il-prodotti tal-pjanti, sa fejn u sakemm dawn is-sustanzi jew prodotti ma jkunux suġġetti għal dispożizzjonijiet speċjali tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni dwar il-preservattivi;
  • jeqirdu pjanti mhux mixtieqa; jew
  • iwaqqfu jew jipprevjenu t-tkabbir mhux mixtieq tal-pjanti.

Madankollu, ma hemm l-ebda definizzjoni komuni adottata mill-Istati Membri kollha u jista’ jkun hemm differenzi sinifikanti fil-firxa ta’ prodotti użati f’pajjiżi differenti, b’hekk il-kumparabbiltà hija limitata. Għal kwalunkwe valutazzjoni dettaljata hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżi speċifiċi. Id-data tirreferi għall-ammonti ta’ sustanzi attivi, li huma s-sustanzi fi prodott kummerċjali li jikkawżaw l-effett mixtieq fuq l-organiżmi fil-mira (fungi, ħaxix ħażin, pesti, eċċ.). Id-data ta’ bażi hija ġeneralment f'kg ta’ ingredjent attiv mibjugħ kull sena għal kull waħda mill-kategoriji funzjonali ewlenin ta’ prodotti (“Erbiċidi, prodotti għall-irmondar u qattiela tal-ħażiż”, “Fungiċidi u batteriċidi”, “Insettiċidi u akariċidi” u oħrajn).

Id-data dwar il-bejgħ tal-pestiċidi tkopri kemm użu agrikolu kif ukoll mhux agrikolu.

L-istatistika dwar il-bejgħ tal-pestiċidi hija affettwata minn restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità. L-impatt ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fuq id-data jvarja skont l-Istati Membri, it-tip ta’ pestiċidi u s-sena. Fir-rigward tal-bejgħ totali ta’ pestiċidi fl-UE bejn l-2011-2017, inqas minn 3 % tal-volum huwa data kunfidenzjali.

Konsum ta’ fertilizzanti minerali

L-Eurostat jippubblika żewġ settijiet ta’ data dwar il-fertilizzanti inorganiċi: (aei_fm_usefert) u (aei_fm_manfert). L-ewwel wieħed jinġabar mill-Istati Membri u huwa stima tal-użu tan-nitroġenu (N) u tal-fosforu (P) fl-agrikoltura. Is-sett ta’ data l-ieħor huwa l-konsum stmat abbażi tal-bejgħ ta’ fertilizzant minerali fl-UE minn Fertilizers Europe. Iċ-ċifri stmati mill-assoċjazzjoni tal-kummerċ Fertilizers Europe abbażi tal-bejgħ ta’ fertilizzant minerali fil-biċċa l-kbira jikkorrispondu mal-istimi tal-użu ta’ nitroġenu u fosforu rrappurtati mill-pajjiżi, għalkemm dawn ma jistgħux jitqabblu direttament minħabba xi differenzi metodoloġiċi.

Bilanċ gross tan-nitroġenu

Il-metodoloġija tal-bilanċi tan-nitroġenu hija deskritta fil-manwal tal-Eurostat/tal-OECD dwar il-Baġits tan-Nutrijenti. Il-bilanċ gross tan-nitroġenu jelenka l-inputs u l-outputs kollha fil-ħamrija u jikkalkula l-eċċess gross tan-nitroġenu bħala d-differenza bejn l-inputs totali u l-outputs totali. L-eċċess gross tan-nitroġenu għal kull ha huwa dderivat billi l-eċċess gross totali tan-nitroġenu jiġi diviż bl-erja ta’ referenza. L-erja ta’ referenza tal-verżjoni attwali tal-bilanċi mtella’ fil-bażi ta’ data tal-Eurostat hija l-EAU (erja agrikola utilizzata). Għandu jiġu osservat li xi pajjiżi jużaw metodoloġiji kemxejn differenti; L-Awstrija u Spanja jaqgħu fi ħdan dan il-grupp. Dan ifisser li l-kronoloġija hija komparabbli fi ħdan il-pajjiżi, iżda l-valuri individwali ma għandhomx jitqabblu mal-valuri individwali ta’ pajjiżi oħra.

Statistika dwar is-sajd

L-istatistika dwar is-sajd tinġabar mill-Eurostat minn sorsi nazzjonali uffiċjali għall-Istati Membri tal-UE u l-membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). L-istatistika tinġabar bl-użu ta’ kunċetti u definizzjonijiet miftiehma internazzjonalment li ġew żviluppati mill-Grupp ta’ Ħidma ta’ Koordinazzjoni (CWP), li jinkludi l-Eurostat u diversi organizzazzjonijiet internazzjonali oħra b’responsabbiltajiet fl-istatistika dwar is-sajd.

L-istatistika Ewropea dwar il-produzzjoni tas-sajd tinkludi l-produzzjoni mill-qabdiet u l-akkwakultura. Il-qabdiet jirreferu għall-prodotti tas-sajd meħuda għall-finijiet kollha (kummerċjali, industrijali, rikreattivi u ta’ sussistenza) skont it-tipi u l-klassijiet kollha tal-unitajiet tas-sajd (inklużi s-sajjieda, il-bastimenti, l-irkaptu, eċċ.). Il-bandiera tal-bastiment tas-sajd tintuża bħala l-indikazzjoni primarja tan-nazzjonalità tal-qabda. Minbarra l-qabdiet, l-Eurostat jiġbor ukoll statistika dwar il-ħatt l-art li tirrigwarda l-prodotti kollha tas-sajd (espressi bħala piż tal-prodott) li jinħattu l-art fil-pajjiż rapportatur, irrispettivament min-nazzjonalità tal-bastiment li jkun qed iħott l-art. Il-ħatt l-art minn bastimenti tal-pajjiż rapportatur f’portijiet li mhumiex fl-UE u li jiġu importati fl-UE għandu jiġi inkluż ukoll. Il-produzzjoni tal-akkwakultura tirreferi għat-trobbija ta’ organiżmi akkwatiċi (tal-ilma ħelu jew tal-ilma mielaħ) taħt kundizzjonijiet ikkontrollati. L-akkwakultura timplika xi forma ta’ intervent fil-proċess ta’ trobbija naturali, bħall-istokkjar regolari, l-għalf u l-protezzjoni mill-predaturi. Il-biedja timplika wkoll sjieda individwali jew korporattiva tal-istokk li jkun qed jiġi kkultivat.

L-istatistika dwar il-qabdiet tiġi sottomessa lill-Eurostat mill-pajjiżi membri taż-ŻEE f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE li ġejja:

  • Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87 tal-31.03.2009);
  • Ir-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni tal-istatistika tal-qabda u tal-attività mill-Istati Membri li jistadu fil-Majjistral tal-Atlantiku (ĠU L 87 tal-31.03.2009);
  • Ir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f'ċerti żoni li mhumiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 87 tal-31.03.2009, p. 1).

L-istatistika hija rrappurtata bħala l-ekwivalenti ta’ piż ħaj tal-ħatt l-art (fi kliem ieħor, il-piż ta’ prodott li nħatt l-art li għalih ikun ġie applikat fattur ta’ konverżjoni xieraq). Għalhekk, huma esklużi l-kwantitajiet ta’ prodotti tas-sajd li jinqabdu iżda li ma jinħattux l-art. Għall-istatistika dwar il-ħatt l-art, kull pajjiż jirrapporta data annwali dwar il-kwantitajiet u l-valuri tal-prodotti tas-sajd li jinħattu l-art fil-portijiet tiegħu skont it-termini tar-Regolament (KE) Nru 1921/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta’ data tal-istatistika dwar l-iżbark ta’ prodotti tas-sajd fl-Istati Membri u li tħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/91 (ĠU L 403 tat-30 ta’ Diċembru 2006). Għall-istatistika dwar l-akkwakultura, l-awtoritajiet nazzjonali jissottomettu l-istatistika dwar il-produzzjoni tal-akkwakultura lill-Eurostat skont it-termini tar-Regolament (KE) Nru 762/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar il-preżentazzjoni mill-Istati Membri ta’ l-istatistika dwar l-akkwakultura u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 788/96 (ĠU L 218 tat-13.08.2008).

Rigward il-flotta tas-sajd, l-istatistika għall-Istati Membri tal-UE hija dderivata mir-Reġistru tal-Flotta tas-Sajd tal-Komunità miżmum mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. L-istatistika għall-Iżlanda u n-Norveġja tiġi kkompilata mill-fajls tal-flotta sottomessi mill-awtoritajiet nazzjonali.

Ġenerazzjoni ta’ skart

Sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-iskart, b’mod partikolari l-konformità mal-prinċipji tal-irkupru u tar-rimi sikur, hija meħtieġa statistika affidabbli dwar il-produzzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart min-negozji u mill-unitajiet domestiċi privati. Fl-2002, ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart, li ħoloq qafas għall-istatistika Komunitarja armonizzata f’dan il-qasam. Mis-sena bażi 2004, ir-Regolament jirrikjedi li kull sentejn l-Istati Membri tal-UE jipprovdu data dwar il-ġenerazzjoni, l-irkupru u r-rimi tal-iskart. Bħalissa, hija disponibbli data dwar il-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart kull sentejn mis-sena bażi tal-2004 sal-2016.

Statistika strutturali dwar in-negozju (SBS)

L-istatistika strutturali dwar in-negozju tiddeskrivi l-istruttura, it-twettiq u l-prestazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi sal-livell ta’ attività l-aktar dettaljat (bosta mijiet ta’ setturi ekonomiċi). L-SBS tiġi trażmessa kull sena mill-Istati Membri tal-UE abbażi ta’ obbligu legali mill-1995 ’il quddiem. L-SBS tkopri l-attivitajiet kollha tal-ekonomija tan-negozju għajr l-attivitajiet agrikoli u s-servizzi personali, u d-data tiġi pprovduta mill-Istati Membri kollha tal-UE, in-Norveġja u l-Iżvizzera, xi pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali. Id-data tinġabar skont il-qasam ta’ attività: Anness I - Servizzi, Anness II - Industrija, Anness III - Kummerċ u Anness IV - Kostruzzjoni u settijiet ta’ data. Kull anness jinkludi diversi settijiet ta’ data kif indikat fir-Regolament dwar l-SBS. Il-biċċa l-kbira mid-data tinġabar mill-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) permezz ta’ stħarriġiet statistiċi, reġistri kummerċjali jew minn diversi sorsi amministrattivi. Uffiċċji nazzjonali regolatorji jew ta’ kontroll għall-istituzzjonijiet finanzjarji jew banek ċentrali spiss jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għas-settur finanzjarju (NACE Rev 2 Taqsima K / NACE Rev 1.1 Taqsima J). L-Istati Membri japplikaw bosta metodi statistiċi, skont is-sors tad-data, bħal pereżempju ingrossar, stimi abbażi ta’ mudell jew forom differenti ta’ imputazzjoni, biex jiżguraw il-kwalità tal-SBSs prodotti.

Statistika ta’ PRODCOM

L-istatistika ta’ PRODCOM tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar il-volum fiżiku tal-produzzjoni mibjugħa matul il-perjodu ta’ stħarriġ, il-valur tal-produzzjoni mibjugħa matul il-perjodu ta’ stħarriġ, u għal xi prodotti, il-volum tal-produzzjoni totali matul il-perjodu ta’ stħarriġ. L-istħarriġ ta’ PRODCOM huwa bbażat fuq il-Lista ta’ PRODCOM, li tikkonsisti f’madwar 3 900 prodott. Il-kodiċijiet bi 8 ċifri użati fil-Lista huma bbażati fuq l-intestaturi tas-CPA b’6 ċifri, u għalhekk in-NACE rev 1.1 b’4 ċifri. Mill-2008 ’il quddiem il-kodiċi ta’ PRODCOM huwa marbut ma’ CPA 2008 u NACE Rev. 2. Ir-rabta man-NACE tippermetti li l-NSIs jużaw ir-Reġistru Kummerċjali biex jidentifikaw l-intrapriżi li aktarx ikunu qed jimmanifatturaw il-prodott. Il-Lista ta’ PRODCOM tiġi riveduta kull sena.

Statistika dwar it-trasport

Id-data dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq hija dderivata minn mikrodata miġbura fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 70/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq. Iċ-ċifri jiġu aggregati abbażi ta’ kampjuni ta’ stħarriġ imwettqa mill-pajjiżi rapportaturi. Id-data tkopri tunnellati, tunnellati kilometri, vetturi-kilometri u l-għadd ta’ vjaġġi. L-istatistika dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tiġi rrappurtata mill-Istati Membri għall-vetturi rreġistrati f’pajjiżhom. L-istatistika dwar it-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni tipprovdi informazzjoni dwar il-volum u l-prestazzjoni tat-trasport tal-merkanzija fuq in-network tal-passaġġi fuq l-ilma interni tal-UE. Din tiġi rrappurtata abbażi tal-“prinċipju tat-territorjalità”, li jfisser li kull pajjiż jirrapporta t-tagħbija, il-ħatt l-art u l-movimenti ta’ merkanzija li jseħħu fit-territorju nazzjonali tiegħu, irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini tal-intrapriżi jew mill-post tal-ewwel tagħbija u tal-ħatt l-art finali.

Statistika dwar il-kummerċ

Id-data tal-UE ġejja mill-bażi ta’ data COMEXT tal-Eurostat. COMEXT hija l-bażi ta’ data ta’ referenza tal-Eurostat għall-kummerċ internazzjonali fi prodotti. Din tipprovdi aċċess mhux biss għad-data reċenti u storika mill-Istati Membri tal-UE, iżda anki għall-istatistika ta’ għadd sinifikanti ta’ pajjiżi mhux tal-UE. L-istatistika aggregata u dettaljata dwar il-kummerċ internazzjonali mxerrda mis-sit web tal-Eurostat tiġi kkompilata mid-data tal-COMEXT skont proċess ta’ kull xahar. Billi l-COMEXT tiġi aġġornata kuljum, id-data ppubblikata fuq is-sit web tista’ tvarja mid-data maħżuna fil-COMEXT f’każ ta’ reviżjonijiet reċenti.

F’dan l-artiklu, il-prodotti agrikoli huma kklassifikati skont is-subintestaturi tan-Nomenklatura Magħquda (NM), abbażi tal-klassifikazzjoni internazzjonali magħrufa bħala s-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni tal-merkanzija (SA) amministrata mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali. L-24 kapitlu (kodiċi b’żewġ ċifri) ta’ prodotti agrikoli fin-nomenklatura NM huma miġbura fi 3 tipi maġġuri: prodotti tal-annimali, veġetali u alimentari. Il-Kapitlu 15 (xaħmijiet u żjut tal-annimali jew veġetali u l-prodotti mill-qsim tagħhom; xaħmijiet li jittieklu mħejjija; xama’ tal-annimali jew veġetali) huwa inkluż fil-ħxejjex.

Nefqa tal-konsum finali

L-Eurostat jiġbor data dwar in-nefqa fuq il-konsum finali tal-unitajiet domestiċi skont il-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-konsum individwali skont l-iskop (COICOP) fil-qafas ta’ ESA2010. Ir-rekwiżiti ta’ trażmissjoni għal kull sett ta’ data huma ddefiniti fil-programm ta’ trażmissjoni ESA 2010. Għad-data COICOP dawn huma t+9 xhur wara l-perjodu referenzjarju.

In-nefqa tal-konsum tal-unitajiet domestiċi hija kklassifikata skont l-iskop tal-konsum skont il-klassifikazzjoni COICOP (Klassifikazzjoni tal-Konsum Individwali skont l-Iskop, ara wkoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 113/2002 tat-23 ta’ Jannar 2002). Il-kategoriji COICOP rilevanti fil-livell ta’ tliet ċifri huma kif ġej:

  • P010 - Ikel u xorb mhux alkoħoliku
  • P011 - Ikel
  • P012 - Xorb mhux alkoħoliku
  • P020 - Xorb alkoħoliku, tabakk u narkotiċi
  • P021 - Xorb alkoħoliku
  • P111 - Servizzi tal-catering

Statistika dwar l-Indiċi tal-Massa tal-Ġisem (BMI)

L-istħarriġ Ewropew dwar is-saħħa permezz ta’ intervisti (EHIS) huwa s-sors ta’ informazzjoni għall-istatistika dwar il-BMI. Dan għandu l-għan li jipprovdi statistika armonizzata madwar l-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-istatus tas-saħħa u l-istil ta’ ħajja tar-rispondenti (determinanti tas-saħħa), kif ukoll tal-użu li jagħmlu mis-servizzi tal-kura tas-saħħa. L-indiċi tal-massa tal-ġisem (BMI) huwa kejl tal-piż ta’ persuna bi tqabbil mat-tul tagħha li jirrifletti b’mod pjuttost tajjeb l-ammont ta’ xaħam fil-ġisem. Il-BMI huwa aċċettat bħala l-aktar kejl utli tal-obeżità fl-adulti (dawk li għandhom 18-il sena jew aktar) meta tkun disponibbli biss data dwar it-tul u l-piż. Dan jiġi kkalkulat bħala l-piż tal-persuna (f’kilogrammi) diviż bil-kwadru tal-għoli tagħha (f’metri). BMI = piż (kg) / tul (m²)

Is-suddiviżjoni li ġejja (skont id-WHO) tintuża biex jiġu kklassifikati r-riżultati għall-BMI:

< 18,50: piż nieqes;
18,50 – < 25.00: normal range;
>=25,00: piż żejjed;
>= 30,00: obeżità.

Kuntest

L-istrateġija Farm to Fork għal sistema alimentari ġusta, tajba għas-saħħa u ekoloġika hija komponent ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Din għandha ħames objettivi strateġiċi ewlenin:

(i) Li tiġi żgurata produzzjoni sostenibbli tal-ikel
Dan jinkludi sforzi biex: jissaħħu l-isforzi tal-bdiewa u s-sajjieda biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, jipproteġu l-ambjent u jippreservaw il-bijodiversità; jitnaqqsu sinifikattivament l-użu u d-dipendenza fuq pestiċidi, fertilizzanti u antibijotiċi kimiċi; tiġi żviluppata aktar il-biedja organika; jiġi appoġġat aktar l-għajxien tal-bdiewa u s-sajjieda fi tranżizzjoni.
(ii) Li jiġu stimulati l-ipproċessar sostenibbli tal-ikel u l-prattiki downstream
Dan jinkludi sforzi biex: jiġu influwenzati l-għażliet dijetetiċi tal-konsumaturi; jiġu riveduti l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni; jiġu stabbiliti profili nutrizzjonali; jittejjeb l-imballaġġ tal-ikel.
(iii) Li jiġi promoss il-konsum sostenibbli tal-ikel
Dan jinkludi sforzi biex: titreġġa’ lura ż-żieda fir-rati ta’ piż żejjed u ta' obeżità madwar l-UE; il-konsumaturi jingħataw is-setgħa permezz ta’ tikkettar aħjar tal-ikel; jiġu stabbiliti kriterji minimi u obbligatorji għall-akkwist sostenibbli tal-ikel.
(iv) Li jitnaqqsu l-ħela tal-ikel u l-iskart
Dan jinkludi sforzi biex: jitnaqqas it-telf tal-ikel tul il-katina ta’ provvista; jittejjeb l-irkupru ta’ nutrijenti u ta’ materja prima sekondarja; jissaħħu l-bijoekonomija, il-ġestjoni tal-iskart u l-enerġija rinnovabbli.
(v) Ġlieda kontra l-frodi alimentari tul il-katina ta’ provvista
Dan jinkludi sforzi biex: jittejbu t-traċċabbiltà tal-ikel u l-allerti.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Metodoloġija

Noti

  1. F’kuntest kontabilistiku, industrija hija fergħa ta’ attività ekonomika. It-terminu “industrija agrikola” jintuża biex jiddeskrivi l-fergħa tal-produzzjoni agrikola iżda ma għandux jinftiehem bħala li qed jinferixxi li l-agrikoltura hija industrijalizzata jew li tikkonċerna l-ipproċessar tal-materja prima.
  2. OECD (2019), Accelerating Climate Action: Refocusing policies through a Well-being lens (Aċċellerazzjoni tal-Azzjoni Klimatika: Fokus mill-ġdid tal-politiki minn perspettiva ta’ benessri).
  3. iż-żoni maġġuri 21, 27, 34, 37, 41, 47 u 51 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti.
  4. Għal aktar informazzjoni ara s-sit web Politika Komuni tas-Sajd (PKS) tal-Kummissjoni Ewropea.
  5. Għal aktar informazzjoni ara hawnhekk.