Statistics Explained

Archive:L-istruttura u t-tixjiħ tal-popolazzjoni


Data estratta f’Awwissu 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Novembru 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 20 July 2021.


Highlights

Fl-2019, aktar minn wieħed minn kull ħamsa (20.3 %) tal-popolazzjoni tal-EU27 kellu 65 sena jew aktar.

Hu previst li s-sehem tal-persuni ta’ 80 sena jew aktar fil-popolazzjoni tal-UE-27 jiżdied b’darbtejn u nofs bejn l-2019 u l-2100, minn 5.8 % għal 14.6 %.

[[File:Population_structure_and_ageing-interactive_YB2020-MT.xlsx]]

Żieda fis-sehem tal-popolazzjoni ta’ 65 sena jew aktar bejn l-2009 u l-2019

Dan l-artiklu jħares lejn l-impatt tat-tixjiħ demografiku fl-Unjoni Ewropea (UE), li aktarx se jkollu importanza kbira fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Ir-rata konsistentment baxxi tat-twelid u rati ogħla tal-istennija tal-għomor qed iwasslu għal bidliet fost l-EU-27 fil-piramida tal-popolazzjoni; aktarx l-aktar bidla importanti se tkun it-tranżizzjoni kbira lejn struttura tal-popolazzjoni ferm aktar anzjana, żvilupp li diġà hu evidenti f’diversi Stati Membri tal-EU-27.

Minħabba f’hekk, qed jonqos il-proporzjon ta’ persuni tal-età tax-xogħol fl-EU-27 filwaqt li qed jiżdied l-għadd relattiv ta’ dawk irtirati. Is-sehem ta’ persuni anzjani fil-popolazzjoni totali se jiżdied b’mod sinifikanti fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Dan imbagħad iwassal għal piż akbar fuq dawk tal-età tax-xogħol biex jipprovdu għan-nefqa soċjali meħtieġa mill-popolazzjoni li qed tixjieħ għal firxa ta’ servizzi relatati.

Full article

Is-sehem tal-anzjani qed ikompli jikber

Il-popolazzjoni tal-EU-27 fl-1 ta’ Jannar 2019 kienet stmata li tlaħħaq l-446.8 miljuni. Iż-żgħażagħ (bejn 0 u 14-il sena) kienu jirrappreżentaw 15.2 % tal-popolazzjoni tal-EU-27 (ara t-Tabella 1), filwaqt li l-persuni meqjusa tal-età tax-xogħol (bejn 15 u 64 sena) ammontaw għal 64.6 % tal-popolazzjoni. L-anzjani (65 sena jew aktar) kellhom sehem ta’ 20.3 % (żieda ta’ 0.3 punti perċentwali meta mqabbla mas-sena ta’ qabel u żieda ta’ 2.9 punti perċentwali meta mqabbla ma’ 10 snin qabel).

Fost l-Istati Membri tal-EU-27, l-akbar ishma taż-żgħażagħ fil-popolazzjoni totali fl-2019 kienu osservati fl-Irlanda (20.5 %), fi Franza (18.0 %) u fl-Iżvezja (17.8 %), filwaqt li l-iżgħar ishma ġew irreġistrati fl-Italja (13.2 %), fil-Ġermanja (13.6 %), f’Malta u fil-Portugall (it-tnejn 13.7 %). Rigward is-sehem tal-persuni ta’ 65 sena jew aktar fil-popolazzjoni totali, l-Italja (22.8 %), il-Greċja (22.0 %), il-Portugall u l-Finlandja (it-tnejn 21.8 %) kellhom l-akbar ishma, filwaqt li l-Irlanda (14.1 %) u l-Lussemburgu (14.4 %) kellhom iżgħar ishma.

<image zoom="100">
Tabella 1: L-istruttura tal-età tal-popolazzjoni skont il-gruppi tal-età ewlenin, 2009 u 2019
(% tal-popolazzjoni totali)
Sors: Eurostat (demo_pjanind)

L-istruttura tal-popolazzjoni tar-Renju Unit kif ukoll tal-EFTA u tal-pajjiżi kandidati kienu simili għal dawk ġeneralment osservati fl-EU-27, bl-eċċezzjonijiet ewlenin ikunu l-Iżlanda u t-Turkija (fejn l-istruttura tal-popolazzjoni kienet simili għal dik tal-Irlanda): f’dawn iż-żewġ pajjiżi, il-proporzjon tal-aktar grupp tal-età żagħżugħ kien għoli (19.0 %, u 23.4 %, rispettivament) u tal-persuni ta’ 65 sena u aktar kien jammonta għal sehem komparattivament baxx tal-popolazzjoni totali (14.2 % u 8.8 %, rispettivament). Anki l-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq kellhom sehem relattivament baxx tal-persuni ta’ 65 sena u aktar (it-tnejn 14.1 %). Madankollu, ix-xejra tat-tixjiħ tal-popolazzjoni hi viżibbli wkoll f’dawn il-pajjiżi (ara l-Figura 1).

<image zoom="100">
Figura 1: Żieda fis-sehem tal-popolazzjoni ta’ 65 sena jew aktar bejn l-2009 u l-2019
(punti perċentwali)
Sors: Eurostat (demo_pjanind)

L-età medjana hi l-ogħla fl-Italja

L-età medjana tal-popolazzjoni tal-EU-27 qed tiżdied u fl-1 ta’ Jannar 2019 kienet 43.7 sena (ara l-Figura 2). Dan ifisser li nofs il-popolazzjoni tal-EU-27 kienet akbar minn 43.7 sena, filwaqt li n-nofs l-ieħor kienet iżgħar. Fost l-Istati Membri tal-EU-27, l-età medjana varjat bejn 37.7 sena fl-Irlanda u Ċipru u 46.7 sena fl-Italja, u din tikkonferma l-istrutturi relattivament iżgħar fl-età u relattivament akbar fl-età tal-popolazzjoni rreġistrati f’kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. L-età medjana rreġistrata fil-pajjiżi tal-EFTA u fil-pajjiżi kandidati fl-2019 kienet inqas miċ-ċifra tal-EU-27, għajr għal-Liechtenstein (44.2 sena) u għas-Serbja (43.7 sena, daqs l-EU-27).

<image zoom="100">
Figura 2: L-età medjana tal-popolazzjoni, bejn l-2009 u l-2018
(snin)
Sors: Eurostat (demo_pjanind)

L-età medjana fl-EU-27 żdiedet bi 2.7 snin (bħala medja, b’0.3 snin fis-sena) bejn l-2009 u l-2019, jiġifieri żdiedet minn 41.0 sena għal 43.7 sena. Din żdiedet fl-Istati Membri kollha tal-EU-27, b’żieda ta’ 4.0 snin jew aktar fi Spanja, fil-Portugall, fil-Litwanja, fil-Greċja, fl-Irlanda u fis-Slovakkja, għajr fl-Iżvezja, fejn żdiedet (minn 40.7 sena fl-2009 għal 40.5 sena fl-2019). L-Albanija ġarrbet l-akbar żieda fl-età medjana fl-aħħar 10 snin: din żdiedet b’5.6 snin, minn 31.1 sena fl-2009 għal 36.7 fl-2019 (ara l-Figura 2).

Ftit aktar minn tliet persuni tal-età tax-xogħol għal kull persuna ta’ 65 sena jew aktar

Biex jiġi studjat il-livell ta’ appoġġ mogħti lil persuni iżgħar u/jew akbar fl-età mill-popolazzjoni tal-età tax-xogħol, jistgħu jintużaw proporzjonijiet ta’ dipendenza tal-età; dawn il-proporzjonijiet huma espressi f’termini tad-daqs relattiv ta’ popolazzjonijiet iżgħar u/jew akbar fl-età meta mqabbla mal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol. Il-proporzjon ta’ dipendenza tal-età avvanzata għall-EU-27 kien 31.4 % fl-1 ta’ Jannar 2019 (ara t-Tabella 2); bħali tali, kien hemm ftit aktar minn tliet persuni tal-età tax-xogħol għal kull persuna ta’ 65 sena jew aktar. Il-proporzjon ta’ dipendenza tal-età avvanzata fost l-Istati Membri tal-EU-27 varja minn livell baxx ta’ 20.7 % fil-Lussemburgu u 21.6 % fl-Irlanda, bi kważi ħames persuni tal-età tax-xogħol għal kull persuna ta’ 65 sena jew aktar, għal livelli għoljin ta’ 35.7 % fl-Italja, 35.1 % fil-Finlandja u 34.6 % fil-Greċja, b’anqas minn tliet persuni tal-età tax-xogħol għal kull persuna ta’ 65 sena jew aktar.

<image zoom="100">
Tabella 2: Indikaturi tal-istruttura tal-età tal-popolazzjoni, l-1 ta’ Jannar 2019
(%)
Sors: Eurostat (demo_pjanind)

Il-kombinazzjoni tal-proporzjonijiet ta’ dipendenza tal-età żgħira u tal-età avvanzata tipprovdi l-proporzjon totali ta’ dipendenza tal-età (ikkalkulat bħala l-proporzjon ta’ persuni dipendenti, żgħażagħ u anzjani, meta mqabbel mal-popolazzjoni meqjusa tal-età tax-xogħol, jew fi kliem ieħor ta’ bejn 15 u 64 sena). Fl-2019 dan kien 54.9 % fl-EU-27, jiġifieri li hemm madwar żewġ persuni tal-età tax-xogħol għal kull persuna dipendenti. Fl-2019, l-aktar proporzjon baxx ta’ dipendenza tal-età totali fost l-Istati Membri tal-EU-27 kien osservat fil-Lussemburgu (43.8 %) filwaqt li l-ogħla wieħed kien fi Franza (61.5 %).

Tista’ tiġi osservata xejra li qed tiżdied b’mod ġenerali għall-proporzjonijiet ta’ dipendenza totali u tal-età avvanzata tal-EU-27. Il-proporzjon ta’ dipendenza tal-età avvanzata żdied b’5.4 punti perċentwali tul l-aħħar deċennju (minn 26.0 % fl-2009 għal 31.4 % fl-2019), filwaqt li l-proporzjon ta’ dipendenza totali żdied b’5.9 punti perċentwali tul l-istess perjodu (minn 49.0 % fl-2009 għal 54.9 % fl-2019).

Xejriet fil-passat u fil-futur tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-EU-27

It-tixjiħ tal-popolazzjoni hu xejra fit-tul li fl-Ewropa bdiet diversi għexieren ta’ snin ilu. Din ix-xejra toħroġ fid-dieher fit-trasformazzjonijiet tal-istruttura tal-età tal-popolazzjoni u tirrifletti f’sehem dejjem akbar ta’ persuni anzjani flimkien ma’ sehem dejjem inqas ta’ persuni tal-età tax-xogħol fil-popolazzjoni totali.

Il-piramidi tal-popolazzjoni (ara l-Figuri 3 u 4) juru d-distribuzzjoni tal-popolazzjoni skont il-ġeneru u skont il-gruppi tal-età ta’ ħames snin. Kull żbarra tikkorrispondi mas-sehem tal-ġeneru u l-grupp tal-età partikolari fil-popolazzjoni totali (irġiel u nisa flimkien). Il-piramida tal-popolazzjoni tal-EU-27 fl-1 ta’ Jannar 2019 hi dejqa fuq in-naħa t’isfel u tieħu l-għamla ta’ rombojd minħabba l-“baby boomer” li jirriżultaw mir-rati għoljin ta’ fertilità f’diversi pajjiżi Ewropej wara t-Tieni Ġwerra Dinjija (magħrufa bħala l-“baby boom”). Dawn il-“baby boomers” issa qed iżidu l-popolazzjoni tal-età tal-irtirar, kif juri t-tqabbil mal-piramida tal-popolazzjoni tal-2004. Il-“baby boom” qed tgħolli l-piramida tal-popolazzjoni ’l fuq, u filwaqt li qed traqqaq il-popolazzjoni tal-età tax-xogħol u l-bażi — kif jidher fil-Figura 3.

<image zoom="100">
Figura 3: Piramidi tal-popolazzjoni, EU-27, l-2004 u l-2019
(% tal-popolazzjoni totali)
Sors: Eurostat (demo_pjangroup)

Is-sehem tal-popolazzjoni ta’ 65 sena jew aktar qed jiżdied f’kull Stat Membru tal-EU-27, f’kull pajjiż tal-EFTA u f’kull pajjiż kandidat kif ukoll fir-Renju Unit. Iż-żieda fl-aħħar deċennju tvarja minn 5.1 punti perċentwali fil-Finlandja, 4.7 punti perċentwali fiċ-Ċekja u 4.5 punti perċentwali f’Malta, għal 1.1 punti perċentwali fil-Ġermanja u 0.4 punti perċentwali fil-Lussemburgu. Fl-aħħar deċennju (2009-2019) ġiet osservata żieda ta’ 2.9 punti perċentwali għall-EU-27 kollha kemm hi (ara l-Figura 1). Min-naħa l-oħra, is-sehem tal-popolazzjoni ta’ anqas minn 15-il sena fil-popolazzjoni tal-EU-27 naqas b’0.2 punti perċentwali (ara t-Tabella 1).

It-tkabbir fis-sehem relattiv tal-anzjani jista’ jiġi spjegat biż-żieda fit-tul tal-ħajja, xejra li kienet li ilha evidenti għal diversi deċennji għax żdiedet l-istennija tal-għomor (ara l-istatistika dwar il-mortalità u l-istennija tal-għomor); dan l-iżvilupp spiss jissejjaħ “it-tixjiħ fuq nett” tal-piramida tal-popolazzjoni.

Min-naħa l-oħra, il-livelli konsistentement baxxi tal-fertilità għal ħafna snin għenu biex tixjieħ il-popolazzjoni, bi tnaqqis fit-twelidijiet iwassal għal tnaqqis fil-proporzjon ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni totali (ara l-istatistika dwar il-fertilità). Dan il-proċess hu magħruf bħala “anzjanità fil-qiegħ” tal-piramida tal-popolazzjoni, u jista’ jiġi osservat fil-bażi dejqa tal-piramidi tal-popolazzjoni tal-EU-27 bejn l-2004 u l-2019.

F’tentattiv biex jiġu mistħarrġa x-xejriet futuri tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, sar l-aktar sett riċenti ta’ projezzjonijiet li tal-Eurostat dwar il-popolazzjoni jkopri l-perjodu mill-2019 sal-2100. Hu mbassar li l-popolazzjoni tal-EU-27 tiżdied għal massimu ta’ 449.3 miljun qrib is-sena 2026 u minn hemm ’il quddiem tonqos gradwalment għal 416.1 miljun sal-2100.

It-tqabbil tal-piramidi tal-età għall-2019 u l-2100 (ara l-Figura 4) juri li l-popolazzjoni tal-EU-27 mistennija tkompli tixjieħ. Fid-deċennji li ġejjin, l-għadd ta’ anzjani se jiżdied b’mod sinifikanti. Iżda sal-2100, il-piramida se tieħu forma ta’ blokka u tidjieq b’mod konsiderevoli fin-nofs (qrib il-45 u l-54 sena).

<image zoom="100">
Figura 4: Piramidi tal-popolazzjoni, EU-27, l-2019 u l-2100
(% tal-popolazzjoni totali)
Sors: Eurostat (demo_pjangroup) and (proj_18np)


Aspett ieħor ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ hu t-tixjiħ progressiv tal-popolazzjoni anzjana nnifisha, għax is-sinifikanza relattiva tal-persuni anzjani ħafna qed tikber b’pass aktar mgħaġġel minn kull faxxa oħra tal-età tal-popolazzjoni tal-EU-27. Hu projettat li s-sehem tal-persuni ta’ 80 sena jew aktar fil-popolazzjoni tal-EU-27 jiżdied b’darbtejn u nofs bejn l-2019 u l-2100, minn 5.8 % għal 14.6 % (ara l-Figura 5).

<image zoom="100">
Figura 5: L-istruttura tal-popolazzjoni skont il-gruppi tal-età ewlenin, EU-27, 2019-2100
(% tal-popolazzjoni totali)
Sors: Eurostat (demo_pjanind) and (proj_18ndbi)

Tul il-perjodu mill-2019 sal-2100, is-sehem tal-popolazzjoni tal-età tax-xogħol mistenni jonqos, filwaqt l-anzjani aktarx se jkunu jirrappreżentaw sehem dejjem akbar tal-popolazzjoni totali: il-persuni ta’ 65 sena jew aktar se jkunu jammontaw għal 31.3 % tal-popolazzjoni tal-EU-27 sal-2100, meta mqabbla ma’ 20.2 % fl-2019. Minħabba l-moviment tal-popolazzjoni bejn il-gruppi tal-età, il-proporzjon ta’ dipendenza tal-età avvanzata tal-UE-28 hu pprojettat li kważi jirdoppja minn 31.4 % fl-2019 għal 57.1 % sal-2100 u l-proporzjon ta’ dipendenza tal-età totali hu pprojettat li jiżdied minn 54.9 % fl-2019 għal 82.6 % sal-2100 (ara l-Figura 6). L-età medjana mistennija tiżdied b’5.1 snin, jiġifieri se tiżdied minn 43.7 sena fl-2019 għal 48.8 sena fl-2100.

<image zoom="100">
Figura 6: Il-proporzjon projettat ta’ dipendenza tal-età totali u tal-età avvanzata, EU-27, 2019-2100
(%)
Sors: Eurostat (demo_pjanind) u (proj_18ndbi)

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Il-Eurostat jiġbor data mingħand l-Istati Membri tal-UE u mingħand pajjiżi oħra li qed jipparteċipaw fl-eżerċizzju tiegħu tal-ġbir tad-data dwar id-demografija b’rabta mal-popolazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar kull sena. Id-definizzjoni rakkomandata hi “l-popolazzjoni residenti tas-soltu” u tirrappreżenta l-għadd ta’ abitanti ta’ żona partikolari fl-1 ta’ Jannar tas-sena inkwistjoni (jew xi drabi fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel). Skont ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, id-definizzjoni ta’ “residenza normali” hi bbażata fuq perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar; jew fi kliem ieħor, dawk inklużi jridu jkunu għexu fir-residenza tas-soltu tagħhom għal perjodu kontinwu ta’ mill-anqas 12-il xahar qabel id-data ta’ referenza, jew ikunu waslu fil-post tar-residenza tas-soltu tagħhom tul it-12-il xahar qabel id-data ta’ referenza bl-intenzjoni li joqogħdu hemm għal mill-anqas sena. Iżda l-pajjiżi jistgħu jirrapportaw lill-Eurostat ċifri dwar il-popolazzjoni bbażati fuq data mill-aktar ċensimenti riċenti tagħhom, aġġustati bil-komponenti tal-bidla fil-popolazzjoni li jkunu ġew prodotti mill-aktar ċensiment riċenti, jew inkella ċifri dwar il-popolazzjoni bbażati fuq il-popolazzjoni rreġistrata/legali.

Fl-2011, sar ċensiment dwar il-popolazzjoni u l-unitajiet domestiċi fl-Istati Membri kollha tal-UE, fil-pajjiżi tal-EFTA u fil-pajjiżi kandidati tal-UE. Hi prattika normali li l-pajjiżi jirrevedu l-istimi annwali tal-popolazzjoni tagħhom meta jkunu disponibbli r-riżultati taċ-ċensiment dwar il-popolazzjoni u l-unitajiet domestiċi. L-istimi tal-popolazzjoni bbażati fuq ir-riżultati taċ-ċensiment jistgħu jintroduċu interruzzjonijiet fis-serje għad-daqs u għall-istruttura tal-popolazzjonijiet.

Il-Eurostat jipprovdi informazzjoni għal firxa wiesgħa ta’ data demografika. Id-data dwar il-popolazzjoni tinkludi tqassim skont diversi karatteristiċi, bħall-età, il-ġeneru, l-istat ċivili u l-kisbiet edukattivi.

Il-Eurostat jipproduċi projezzjonijiet tal-popolazzjoni fil-livell nazzjonali kull tliet snin. Dawn il-projezzjonijiet huma xenarji ipotetiċi li għandhom l-għan jipprovdu informazzjoni dwar l-istruttura futura tad-daqs u tal-età tal-popolazzjoni, abbażi ta’ preżunzjonijiet ta’ xejriet futuri fil-fertilità, l-istennija tal-għomor u l-migrazzjoni.

Kuntest

Il-projezzjonijiet tal-popolazzjoni tal-Eurostat tużahom il-Kummissjoni Ewropea biex tanalizza l-impatt probabbli tat-tixjiħ tal-popolazzjonijiet fuq l-infiq pubbliku. Aktarx li żieda fin-nefqa soċjali relatata mat-tixjiħ tal-popolazzjoni, fil-forma ta’ pensjonijiet, kura tas-saħħa u kura (tas-saħħa) istituzzjonali jew privata, twassal għal iżjed piżijiet fuq il-popolazzjoni tal-età tax-xogħol.

Għadd ta’ politiki importanti, b’mod partikolari fl-oqsma soċjali u ekonomiċi, jużaw data demografika għal azzjonijiet ta’ ppjanar, programmi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni — pereżempju, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-effetti probabbli tagħha fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u dispożizzjonijiet dwar il-benesseri, jew l-impatt ekonomiku u soċjali tat-tibdil demografiku.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




EURPOP2019 - Projezzjonijiet tal-popolazzjoni fil-livell nazzjonali (2019-2100) (proj_19n)