Statistics Explained

Archive:Il-kontijiet nazzjonali u l-PDG


Data estratta f’Awwissu 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artikolu: Novembru 2021.


This Statistics Explained article has been archived on 30 July 2021.


Highlights

Il-PDG fl-EU-27 żdied fl-2019, għas-sitt sena konsekuttiva; iż-żieda rreġistrata fiż-żona tal-euro kienet ukoll is-sitt żieda konsekuttiva.

Żviluppi strutturali diverġenti matul l-aħħar 10 snin fl-EU-27: l-ishma tal-valur miżjud totali tal-kostruzzjoni u tal-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni naqsu, u żdiedu dawk tas-servizzi tal-kummerċ.

Fl-2019, l-ekonomija tal-EU-27 irreġistrat is-sitt żieda annwali konsekuttiva tagħha fl-investiment.

[[File:National accounts and GDP-interactive_FP2020-MT.xlsx]]

Tkabbir reali tal-PDG, 2009-2019

Il-kontijiet nazzjonali Il-kontijiet nazzjonali huma s-sors ta’ għadd ta’ indikaturi ekonomiċi magħrufa sew li huma ppreżentati f’dan l-artiklu. Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) huwa l-kejl l-aktar użat għad-daqs globali ta' ekonomija, filwaqt li indikaturi dderivati minnu bħall-PDG għal kull abitant (per capita) — pereżempju, f’euro jew aġġustat għad-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet (kif espressi fi standards tal-kapaċità tal-akkwist, PPS) — jintużaw ħafna biex isir paragun tal-istandards tal-għajxien, jew biex tiġi mmonitorjata l-konverġenza jew id-diverġenza ekonomika fl-Unjoni Ewropea (UE).

Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ komponenti speċifiċi tal-PDG u l-indikaturi relatati, bħal dawk għall-output ekonomiku, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, il-konsum domestiku (privat u pubbliku) jew l-investimenti, kif ukoll data dwar id-distribuzzjoni tal-introjtu u t-tfaddil, jista’ jipprovdi għarfien utli dwar il-muturi ewlenin tal-attività ekonomika u għalhekk ikun il-bażi għat-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki speċifiċi tal-UE.

Dan l-artiklu jiġi ppubblikat kull sena b’data annwali. Din l-edizzjoni tal-2020 tiddeskrivi s-sitwazzjoni sas-sena 2019 biss. B’konsegwenza ta’ dan, l-ewwel sejbiet ta’ kwalunkwe implikazzjoni relatata mal-COVID-19 se jkunu possibbli biss fl-edizzjoni tal-2021 tal-artiklu, u l-iskala sħiħa tal-kriżi se tiġi żvelata biss f’edizzjonijiet sussegwenti.

Full article

Żviluppi għall-PDG fl-EU-27: tkabbir mill-2014

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija wasslet għal reċessjoni severa fl-EU-27 fl-2009 (ara Illustrazzjoni 1), segwita minn irkupru fl-2010. Il-kriżi bdiet aktar kmieni fil-Ġappun u fl-Istati Uniti, b’rati annwali ta’ tibdil negattivi għall-PDG (f’termini reali) irreġistrati diġà fl-2008, li ggravaw fl-2009, qabel reġgħu lura għal li kienu fl-2010. B’kuntrast, l-output ekonomiku fiċ-Ċina (inkluż Hong Kong) baqa’ jikber b’pass relattivament mgħaġġel matul il-kriżi (kważi 10 % kull sena), u naqas xi ftit fis-snin ta’ wara, iżda baqa’ konsiderevolment ogħla minn kwalunkwe waħda mill-ekonomiji l-oħra murija fl-Illustrazzjoni 1.

Il-kriżi diġà kienet tidher fl-EU-27 fl-2008, meta kien hemm tnaqqis konsiderevoli fir-rata ta’ żieda fil-PDG li kien segwit minn tnaqqis fil-PDG reali ta’ 4.3 % fl-2009. L-irkupru fl-EU-27 sarraf f'żieda fl-indiċi tal-PDG (ibbażat fuq volumi inkatenati) ta' 2.2 % fl-2010 u f'żieda oħra ta’ 1.8 % fl-2011. Sussegwentement, il-PDG naqas 0.7 % fl-2012 u l-bidla fl-2013 kienet negliġibbli, qabel ma ġiet irreġistrata rata pożittiva ta’ tibdil fl-2014 (1.6 %). Mill-2015 sal-2018, it-tkabbir kien relattivament stabbli, bejn 2.0 % u 2.8 % kull sena. Fl-2019, it-tkabbir naqas, hekk kif l-EU-27 irreġistrat żieda reali fil-PDG ta’ 1.5 %.

Fiż-żona tal-euro (ŻE-19), ir-rati korrispondenti ta’ tibdil kienu simili għal dawk irreġistrati fl-EU-27: il-kontrazzjonijiet irreġistrati fl-2009 u fl-2012 kienu aktar b’saħħithom (-4.5 % u -0.9 %) milli fl-EU-27 u l-kontrazzjoni tal-2012 kienet sostnuta fl-2013 (-0.2 %) filwaqt li ma kien hemm l-ebda bidla fl-EU-27 fl-2013. Filwaqt li kien hemm tkabbir fiż-żona tal-euro kull sena li kien hemm tkabbir fl-EU-27, ir-rata ta’ tkabbir fiż-żona tal-euro normalment kienet 0.1 jew 0.2 punti perċentwali aktar baxxa. Intant, matul il-perjodu ta’ bejn l-2009 u l-2019, it-tkabbir fil-PDG reali fiż-żona tal-euro kien xi ftit aktar dgħajjef minn dak fl-EU-27 kollha kemm hi.

Illustrazzjoni 1: Rata ta’ tibdil fil-PDG reali, 2009-2019
(bidla f'% imqabbel mas-sena ta’ qabel)
Sors: Eurostat (naida_10_gdp)

Fl-UE, it-tkabbir tal-PDG reali varja konsiderevolment, kemm tul iż-żmien kif ukoll bejn l-Istati Membri tal-UE (ara t-Tabella 1). Wara kontrazzjoni fl-Istati Membri kollha ħlief fil-Polonja fl-2009, it-tkabbir ekonomiku reġa’ beda fi 23 Stat Membru fl-2010 u ġie rreġistrat ukoll tkabbir fi 23 Stat Membru fl-2011. Madankollu, fl-2012 dan l-iżvilupp inbidel, hekk kif nofs (14) l-Istati Membri rrapportaw espansjoni ekonomika, filwaqt li l-output naqas fil-bqija tal-Istati Membri. Minn hemm ’il quddiem, maġġoranza akbar tal-Istati Membri reġgħu rreġistraw tkabbir, bl-għadd ta’ pajjiżi li jirreġistraw rata pożittiva ta’ tibdil jilħaq 16 fl-2013 u jitla’ għal 23 fl-2014 u 26 fl-2015 u l-2016. Is-27 Stat Membru kollha rreġistraw rata pożittiva ta’ tibdil fl-2017 (l-ewwel darba li dan seħħ mill-2007) u reġgħu għamlu dan fl-2018 u fl-2019. L-uniku Stat Membru b’rata negattiva ta’ tibdil fl-2015 u l-2016 kien il-Greċja, li rreġistrat tnaqqis ta’ 0.4 % u 0.2 % wara tkabbir ta’ 0.7 % fl-2014 u ħames tnaqqisiet wara xulxin fl-output ekonomiku bejn l-2009 u l-2013.

Tabella 1: Rata ta’ tibdil fil-PDG reali, 2009-2019
Sors: Eurostat (naida_10_gdp)

L-ogħla rati ta’ tkabbir annwali għall-PDG reali fl-2019 ġew irreġistrati fl-Irlanda (5.6 %), fl-Ungerija (4.9 %) u f’Malta (4.7 %), filwaqt li l-aktar rati baxxi ta’ tibdil ġew irreġistrati fil-Ġermanja (0.6 %) u fl-Italja (0.3 %).

It-tkabbir annwali medju tal-PDG kien 1.6 % matul l-aħħar deċennju fl-EU-27 u 1.4 % fiż-żona tal-euro

Il-Polonja konsistentement irreġistrat rati pożittivi ta’ tibdil matul il-perjodu muri fit-Tabella 1, l-istess bħall-Albanija, il-Kosovo* (data mill-2009 sal-2018) u ċ-Ċina (data mill-2009 sal-2018) fost il-pajjiżi mhux membri fit-tabella. Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Litwanja, Malta u s-Slovakkja rreġistraw rata annwali pożittivi ta’ tibdil fl-2019 għall-għaxar darba konsekuttiva; l-istess fir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti, filwaqt li t-Turkija rreġistrat id-disa’ rata annwali pożittiva konsekuttiva tagħha ta’ tibdil fl-2018.

L-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija naqqsu l-prestazzjoni ġenerali tal-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE meta jiġu analizzati żviluppi matul dawn l-aħħar għaxar snin. Ir-rati ta’ tkabbir annwali medji tal-EU-27 u ż-żona tal-euro (EA-19) bejn l-2009 u l-2019 kienu ta’ 1.6 % u 1.4 % rispettivament (ara t-Tabella 1). L-ogħla tkabbir fost l-Istati Membri, permezz ta’ din il-miżura, ġie rreġistrat fl-Irlanda (tkabbir annwali medju ta’ 6.0 % li jinkludi żieda eċċezzjonali fl-2015 li tirrifletti l-attivitajiet tal-intrapriżi multinazzjonali), segwita minn Malta (5.7 %), l-Estonja (3.7 %), il-Polonja (3.6 %) u l-Litwanja (3.5 %; kun af li hemm interruzzjoni fis-serje). B’kuntrast ma’ dan, it-tkabbir medju annwali kien inqas minn 1.0 % fil-Portugall u l-Italja u l-iżvilupp ġenerali tal-PDG reali kien negattiv matul il-perjodu mill-2009 sal-2019 fil-Greċja.

Il-paraguni bejn pajjiż u ieħor ħafna drabi jsiru permezz ta’ standards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS) li huma valuri aġġustati biex jikkunsidraw id-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet bejn il-pajjiżi. Kun af li d-data murija fl-Illustrazzjonijiet 2 u 3 u fit-Tabella 2 hija fi prezzijiet kurrenti u m’għandhiex tintuża għall-kalkolu tar-rati tat-tibdil minħabba l-inflazzjoni u l-fluttwazzjoni fir-rata tal-kambju.

Fl-2019, il-PDG fl-EU-27 laħaq it-13.9-il triljun f’PPS (13 900 biljun f’PPS) — kun af li għall-EU-27, PPS wieħed huwa ugwali għal euro. Intant, il-PDG tal-EU-27 f’PPS baqa’ inqas minn dak għall-Istati Uniti matul kull sena tal-perjodu mill-2009 sal-2019 (kif muri fl-Illustrazzjoni 2; Madankollu, jekk jogħġbok innota li ċ-ċifri tal-PPS huma maħsuba għal paraguni bejn il-pajjiżi aktar milli għal paraguni temporali peress li ma jistgħux jitqiesu bħala serje kronoloġika għal raġunijiet metodoloġiċi). Ta’ min jinnota li ċ-Ċina storikament kellha livell ta’ output ekonomiku aktar baxx mill-EU-27 jew l-Istati Uniti, iżda din is-sitwazzjoni nbidlet bit-trasformazzjoni rapida u l-espansjoni kontinwa tal-ekonomija Ċiniża. Fl-2013, il-PDG taċ-Ċina f’PPS laħaq livell li kien — għall-ewwel darba — ogħla minn dak irreġistrat għall-EU-27. Fl-2016, il-PDG taċ-Ċina f’PPS laħaq l-istess livell bħal dak irreġistrat fl-Istati Uniti u fl-2017 qabeż il-livell tal-Istati Uniti (sitwazzjoni li ċ-Ċina żammet minn dak iż-żmien ’l hawn).

Illustrazzjoni 2: PDG fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2009-2019
(PPS f’biljuni)
Sors: Eurostat (prc_ppp_ind)

Fl-2019, il-Ġermanja kienet responsabbli għal aktar minn 20 % tal-PDG tal-EU-27 f’termini ta’ PPS

Iż-żona tal-euro kienet tirrappreżenta 81.1 % tal-PDG tal-EU-27 fl-2019 (meta mkejjel f’termini ta’ PPS), tnaqqis minn 83.2 % fl-2009. Fl-2019, it-total tal-erba’ l-akbar ekonomiji fost l-Istati Membri tal-UE (il-Ġermanja, Franza, l-Italja u Spanja) irrappreżenta kemm kemm aktar minn tlieta minn ħamsa (60.7 %) tal-PDG tal-EU-27, li kien 2.0 punti perċentwali inqas mis-sehem tagħhom għaxar snin qabel (fl-2009). Il-Ġermanja waħedha rrappreżentat 22.4% tal-PDG tal-EU-27 fl-2019, żieda minn 21.5 % fl-2009. L-ishma tal-ikbar tliet Stati Membri l-oħra kollha naqsu bejn l-2009 u l-2019, bi tnaqqis ta’ 1.8 punti perċentwali fl-Italja, 1.0 punti perċentwali fi Spanja u 0.1 punti perċentwali fi Franza.

Fl-2019, il-PDG per capita kien ta’ medja ta’ EUR 31 100 fost l-EU-27

Sabiex jiġu evalwati l-istandards tal-għajxien, spiss jintuża l-PDG per capita, jiġifieri, aġġustat skont id-daqs ta’ ekonomija f’termini tal-popolazzjoni tagħha: il-popolazzjoni tal-EU-27 fl-2019 kienet ta’ 448 miljun. Fl-2019, il-PDG per capita medju għall-EU-27 (f’termini ta’ prezzijiet kurrenti) kien ta’ EUR 31.1 elf. Il-valuri espressi f’PPS ġew aġġustati għad-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet fost il-pajjiżi. Il-pożizzjoni relattiva tal-pajjiżi individwali tista’ tiġi espressa permezz ta’ paragun mal-medja tal-EU-27, b’din li se tkun issettjata għal 100 (ara n-naħa tal-lemin tat-Tabella 2). Abbażi ta’ dan il-kejl, l-ogħla valur fost l-Istati Membri tal-EU-27 ġie rreġistrat fil-Lussemburgu, fejn il-PDG per capita f’termini ta’ PPS kien madwar 2.6 drabi ogħla mill-medja tal-EU-27 fl-2019 (ħaġa li hija parzjalment spjegata mill-importanza tal-ħaddiema transfruntiera mill-Belġju, Franza u l-Ġermanja). Min-naħa l-oħra, il-PDG per capita f’termini ta’ PPS kien inqas minn nofs il-medja tal-EU-27 fil-Bulgarija.

Tabella 2: PDG fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2009 u 2017-2019
Sors: Eurostat (prc_ppp_ind)

L-iżvilupp taċ-ċifri ta’ PPS matul l-aħħar deċennju jissuġġerixxi li saret xi konverġenza fl-istandards tal-għajxien. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004, l-2007 jew l-2013 avvanzaw minn pożizzjoni aktar baxxa mill-medja tal-EU-27 fl-2009 għal waħda eqreb tal-medja tal-EU-27 fl-2019, minkejja xi ostakli mhux mistennija matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija — ara l-Illustrazzjoni 3. Ċipru kien eċċezzjoni, peress li mexa minn pożizzjoni ’l fuq il-medja tal-EU-27 (106 % tal-medja tal-EU-27 fl-2009) għal pożizzjoni taħtha (89 %). Fost l-Istati Membri l-antiki, l-Italja u Spanja wkoll imxew minn pożizzjoni ’l fuq il-medja tal-EU-27 għal waħda taħtha. Il-Greċja u l-Portugall imxew aktar ’l isfel mill-medja tal-EU-27. Id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Lussemburgu mxew aktar ’il fuq mill-medja tal-EU-27, kif għamlet l-aktar l-Irlanda. L-Istati Membri EU-15 li jifdal — l-Awstrija, il-Belġju, Franza, l-Iżvezja, il-Finlandja u n-Netherlands — imxew ’l isfel minn pożizzjoni ogħla mill-medja tal-EU-27 fl-2009 għal waħda eqreb (iżda xorta ogħla) mill-medja tal-EU-27 fl-2019.

Illustrazzjoni 3: PDG per capita fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2009 u 2019
(EU-27 = 100; ibbażat fuq PPS per capita)
Sors: Eurostat (prc_ppp_ind)

Valur miżjud gross fl-EU-27 skont l-attività ekonomika

Madwar tliet kwarti tal-valur miżjud totali tal-EU-27 fl-2019 kien iġġenerat fis-settur tas-servizzi

Meta wieħed iħares lejn il-PDG mill-perspettiva tal-output, it-Tabella 3 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-importanza relattiva ta’ 10 attivitajiet ekonomiċi (kif iddefiniti minn NACE Rev. 2) f’termini tal-kontribut tagħhom għall-valur miżjud gross totali bil-prezzijiet bażiċi attwali.

Bejn l-2009 u l-2019, is-sehem tal-industrija tal-valur miżjud tal-EU-27 żdied b’0.7 punti perċentwali għal 19.7 %, u b’hekk qabeż dak tal-kummerċ distributtiv, it-trasport, u s-servizzi tal-akkomodazzjoni u l-ikel bħala l-akbar waħda minn dawn l-10 attivitajiet; is-sehem tal-valur miżjud gross totali fil-kummerċ distributtiv, it-trasport, u s-servizzi tal-akkomodazzjoni u l-ikel kien identiku fl-2009 u fl-2019 bi 19.3 %. L-akbar żieda matul dan il-perjodu, żieda ta’ 1.1 punti perċentwali minn 10.2 % għal 11.3 %, ġiet irreġistrata għas-servizzi professjonali, xjentifiċi, tekniċi, amministrattivi u ta’ appoġġ — minn hawn ’il quddiem imsejħa servizzi tan-negozju — li saru r-raba’ l-akbar attività, u qabżu l-attivitajiet ta’ proprjetà immobbli. L-uniċi attivitajiet oħra biex jiġi rreġistrat sehem akbar kienu s-servizzi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni (żieda ta’ 0.3 punti perċentwali għal 5.0 %) u l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd (żieda ta’ 0.1 punti perċentwali għal 1.8 %).

It-tielet l-akbar attività fl-2019 (kif imkejla skont il-valur miżjud gross) kienet tikkonsisti fl-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bnedmin u l-attivitajiet ta' ħidma soċjali, li raw is-sehem tagħhom tal-valur miżjud totali jonqos b’0.6 punti perċentwali biex jilħaq 18.7 % fl-2019. L-attivitajiet l-oħra li rreġistraw tnaqqis daqstant kbir fis-sehem tal-output tagħhom kienu l-kostruzzjoni (tnaqqis ta’ 0.6 punti perċentwali għal 5.6 %) u s-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni (tnaqqis ta’ 0.7 punti perċentwali għal 4.5 %). Iż-żewġ attivitajiet li jifdal it-tnejn irreġistraw tnaqqis iżgħar fis-sehem tal-output tagħhom: is-sehem tal-attivitajiet ta’ proprjetà immobbli naqas b’0.1 punti perċentwali għal 10.8 % u b’hekk mir-raba’ sar il-ħames l-akbar attività; it-tieni l-iżgħar kontribuzzjoni (qabel l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd) ġiet mill-arti, mid-divertiment u minn servizzi oħra, li s-sehem tagħhom naqas b’0.3 punti perċentwali għal 3.3 %.

Tabella 3: Valur miżjud gross fi prezzijiet bażiċi kurrenti, 2009 u 2019
(% sehem tal-valur miżjud gross totali)
Sors: Eurostat (nama_10_a10)

Is-servizzi kkontribwew għal 72.9 % tal-valur miżjud gross totali tal-EU-27 fl-2019 meta mqabbel ma’ 73.2 % fl-2009. L-importanza relattiva tas-servizzi kienet partikolarment għolja fil-Lussemburgu, f'Malta, f'Ċipru, fi Franza, fil-Greċja, fin-Netherlands, fil-Belġju, u fil-Portugall, fejn irrappreżentaw tal-inqas tliet kwarti tal-valur miżjud totali. B’kuntrast ma’ dan, is-sehem tas-servizzi kien bejn 61 % u 66 % fl-Irlanda, fiċ-Ċekja, fir-Rumanija, fil-Polonja, fis-Slovakkja, fis-Slovenja u fl-Ungerija, li kollha kemm huma rreġistraw ishma relattivament għoljin għall-industrija.

Żviluppi diverġenti ta’ attivitajiet ekonomiċi matul l-aħħar deċennju

Il-bidla strutturali hija, tal-inqas parzjalment, riżultat ta’ fenomeni bħal tibdil teknoloġiku, żviluppi fil-prezzijiet relattivi, esternalizzazzjoni u globalizzazzjoni, li spiss iwasslu biex attivitajiet ta’ manifattura u xi servizzi (dawk li jistgħu jiġu pprovduti b’mod remot, bħal online jew permezz ta’ ċentri telefoniċi) jiġu rilokati għal reġjuni b’kost lavorattiv irħas, kemm fl-EU-27 kif ukoll barra minnha. Barra minn hekk, diversi attivitajiet kienu affettwati partikolarment mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u l-konsegwenzi tagħha, iżda għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet l-impatt ewlieni tal-kriżi kien bejn l-2007 u l-2009, fi kliem ieħor qabel il-medda ta’ żmien murija fl-Illustrazzjonijiet 4 u 5.

Bejn l-2009 u l-2014, l-output mill-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd fl-EU-27 varja, b’rati ta’ tibdil li jvarjaw minn -4.7 % sa 5.4 %. Minn hemm ’il quddiem il-bidliet kienu aktar baxxi, bi tnaqqisiet ta’ 0.7 % u 1.1 % fl-2015 u fl-2016 segwiti minn tliet espansjonijiet relattivament żgħar (0.4 % -1.3 %) bejn l-2017 u l-2019. B’mod ġenerali, l-output kien 5.0 % ogħla fl-2019 milli kien fl-2009. L-output industrijali tal-EU-27 żdied bi 11.9 % bejn l-2009 u l-2011 hekk kif irkupra mill-kriżi, iżda naqas bi 2.3 % bejn l-2011 u l-2013. Minn hemm ’il quddiem, l-output industrijali kiber b’pass relattivament mgħaġġel fl-erba’ snin ta’ wara (b’żidiet annwali ta’ bejn 2.4 % u 3.3 %) u b’pass aktar kajman (1.9 %) fl-2018 qabel ma ġarrab tnaqqis ta’ 0.5 % fl-2019. L-output industrijali kien 24.5 % ogħla fl-2019 milli fl-2009. Il-kostruzzjoni rreġistrat l-agħar u l-itwal kontrazzjoni wara l-kriżi, bl-output tagħha naqas b’14.9 % fl-EU-27 bejn l-2009 u l-2013 (li kien diġà naqas fl-2008 u fl-2009), bl-output jonqos sena wara l-oħra matul dan il-perjodu. Intant, iż-żieda ta’ 1.6 % irreġistrata għall-kostruzzjoni fl-2015 (wara l-ebda bidla fl-2014) kienet l-ewwel tkabbir annwali fi tmien snin u din ġiet segwita minn tkabbir ta’ bejn 1.3 % u 3.8 % sal-2019. Minkejja dan il-perjodu reċenti ta’ tkabbir sostnut, l-output tal-kostruzzjoni fl-2019 kien 3.4 % inqas milli kien fl-2009 (u għalhekk konsiderevolment aktar baxx milli kien qabel il-bidu tal-kriżi).

Żewġ attivitajiet ta’ servizz — servizzi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni u attivitajiet ta’ proprjetà immobbli — irreġistraw rati annwali pożittivi ta’ tibdil kull sena bejn l-2009 u l-2019. Ġiet irreġistrata sitwazzjoni simili għas-servizzi tan-negozju bl-eċċezzjoni ta’ tnaqqis żgħir ta’ 0.2 % fl-2012, għall-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali ħlief għal ebda tibdil fl-2012 u tnaqqis żgħir ta’ 0.1 % fl-2013, u għal servizzi tal-kummerċ distributtiv, it-trasport, l-akkomodazzjoni u l-ikel ħlief għal tnaqqis ta’ 0.5 % fl-2013. Fost dawn, l-aktar tkabbir globali mgħaġġel bejn l-2009 u l-2019 kien għall-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet, peress li l-output fl-2019 kien 48.9 % ogħla milli fl-2009; it-tkabbir l-aktar bil-mod kien għall-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-attivitajiet ta’ ħidma soċjali (żieda kumplessiva ta’ 9.5 %). Iż-żewġ attivitajiet ta’ servizz li jifdal — l-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni kif ukoll tal-arti, tad-divertiment u servizzi oħra — it-tnejn irreġistraw tliet snin ta’ tnaqqis fil-produzzjoni bejn l-2009 u l-2019 u tkabbir ġenerali relattivament żgħir, 5.4 % u 4.8 % rispettivament.

Fl-2019, l-attivitajiet kollha fl-EU-27 irrapportaw tkabbir fil-valur miżjud gross tagħhom meta mqabbel mal-2018, ħlief għall-industrija. L-attivitajiet bl-akbar tkabbir kienu attivitajiet tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (3.9 %) u l-kostruzzjoni (3.4 %). Il-produzzjoni industrijali naqset b’0.5 %, filwaqt li t-tkabbir l-aktar bil-mod fost l-attivitajiet l-oħra kien għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd (0.4 %).

Illustrazzjoni 4: Żviluppi għall-valur miżjud gross reali, EU-27, 2009-2019
(2010 = 100)
Sors: Eurostat (nama_10_a10)


Illustrazzjoni 5: Żviluppi għall-valur miżjud gross reali, EU-27, 2009-2019
(2010 = 100)
Sors: Eurostat (nama_10_a10)

Produttività tax-xogħol

Sabiex jiġu eliminati l-effetti tal-inflazzjoni, il-produttività tax-xogħol għal kull persuna impjegata tista’ tiġi kkalkolata permezz ta’ data aġġustata għal tibdil fil-prezzijiet. Analiżi tal-produttività tax-xogħol għal kull persuna impjegata f’termini reali (ibbażata fuq volumi inkatenati) matul il-perjodu ta’ 10 snin mill-2009 sal-2019 turi żidiet għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet ekonomiċi fl-EU-27, bl-akbar żidiet fil-produttività rreġistrati għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd (żieda globali ta’ 30.1 %), l-industrija (24.3 %) u s-servizzi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni (22.8 %) — ara l-Illustrazzjoni 6. Kun af li paragun preċiż tal-livelli tal-produttività tax-xogħol f’termini reali bejn l-attivitajiet jista’ jiġi analizzat biss għas-sena ta’ referenza 2010 minħabba n-nonaddittività tal-volumi inkatenati.

Illustrazzjoni 6: Produttività tax-xogħol reali, EU-27, 2009, 2014 u 2019
(elf EUR kull persuna impjegata)
Sors: Eurostat (nama_10_a10) u (nama_10_a10e)

Aktar data dwar l-iżvilupp tal-produttività tax-xogħol reali mkejla jew għal kull persuna impjegata jew għal kull siegħa xogħol hija murija fit-Tabella 4. Il-produttività tax-xogħol għal kull persuna impjegata żdiedet, f’termini reali, bejn l-2009 u l-2019 fi kważi kull Stat Membru tal-EU-27, bil-Greċja li tirreġistra tnaqqis (m’hemm l-ebda data disponibbli għal Malta). Bl-istess mod, matul l-istess perjodu, il-produttività tax-xogħol għal kull siegħa xogħol żdiedet ukoll fl-Istati Membri tal-EU-27 kollha ħlief għall-Greċja (għal darb’oħra, m’hemm l-ebda data disponibbli għal Malta). Jekk inħallu dawk l-Istati Membri f’interruzzjoni fis-serje (ara t-Tabella 4), l-akbar żidiet (f’termini perċentwali) għal dawn iż-żewġ miżuri tal-produttività tax-xogħol reali ġew irreġistrati fir-Rumanija, fil-Bulgarija, fl-Estonja u fil-Latvja, filwaqt li l-anqas (apparti l-Greċja) ġew irreġistrati fil-Lussemburgu u fl-Italja.

Tabella 4: Produttività tax-xogħol reali, 2009, 2014 u 2019
Sors: Eurostat (nama_10_gdp) u (nama_10_a10_e)

Nefqa fuq il-konsum

Jekk induru għal analiżi tal-iżvilupp tal-komponenti tal-PDG mill-perspettiva tan-nefqa, naraw li n-nefqa fuq il-konsum finali madwar l-EU-27 żdiedet b’10.8 % f’termini ta’ volum bejn l-2009 u l-2019 (ara l-Illustrazzjoni 7), minkejja tnaqqis żgħir fl-2012 u l-2013. In-nefqa fuq il-konsum finali tal-gvern estiż żdiedet b’pass kemxejn aktar mgħaġġel, b’żieda ta’ 10.0 % bejn l-2009 u l-2019. Matul l-istess perjodu, il-formazzjoni ta’ kapital gross kienet relattivament volatili: bejn l-2009 u l-2011 żdiedet bi 8.2 %, bejn l-2011 u l-2013 naqset bi kważi l-istess ammont (8.1 %), u mbagħad qabdet triq ’il fuq sal-2019, u bejn l-2013 u l-2019 kibret b’26.9 %. It-tkabbir fl-esportazzjonijiet qabeż it-tkabbir fl-importazzjonijiet bejn l-2009 u l-2013, kif ukoll fl-2017, filwaqt li l-importazzjonijiet kibru aktar malajr f’ħamsa mis-sitt snin mill-2014 sal-2019. Matul il-perjodu 2009-2019, l-esportazzjonijiet żdiedu b’total ta’ 61.0 % filwaqt li l-importazzjonijiet żdiedu b’55.3 %.

Illustrazzjoni 7: Żviluppi fin-nefqa fuq il-konsum reali, il-formazzjoni ta’ kapital gross, l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet, EU-27, 2009-2019
(2010 = 100)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

Wara t-tnaqqis tagħha fl-2009, in-nefqa fuq il-konsum tal-EU-27 mill-unitajiet domestiċi u minn istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jservu lill-unitajiet domestiċi (NPISH) irkuprat fl-2010 (żieda ta’ 0.9 % f’termini ta’ volum) u fl-2011 (0.3 %), qabel ma reġgħet naqset fl-2012 (tnaqqis ta’ 0.9 %) u fl-2013 (tnaqqis ta’ 0.5 %). Minn hemm ’il quddiem, din in-nefqa żdiedet għal sitt snin konsekuttivi, b’żidiet li inizjalment aċċelleraw minn 1.1 % għal 2.2 % qabel tnaqqis fil-pass għal 1.6 % fl-2019.

Fl-2010, il-pass tat-tkabbir għan-nefqa tal-gvern estiż tal-EU-27 naqas f’termini tal-volum u din ir-rata ta’ tibdil baqgħet relattivament stabbli (fil-medda ta’ -0.2 % sa 0.4 %) bejn l-2011 u l-2013, qabel irritornat għal tkabbir kemxejn aktar b’saħħtu wara (bejn 1.0 % u 2.0 %) mill-2014 sal-2019.

Investiment

Minkejja żieda fl-2011 (2.0 %), il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross tal-EU-27 naqset milli tirkupra b’mod sħiħ mit-tnaqqis qawwi tagħha fl-2009 (-11.3 %) u reġgħet lura għal rata negattiva ta’ tibdil fl-2012 u fl-2013. Madankollu, il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross fl-EU-27 żdiedet matul il-perjodu 2014-2019, b’żieda kull sena fil-medda ta’ 2.1 % sa 5.6 %.

Illustrazzjoni 8: Rata annwali reali ta’ tibdil f’komponenti tan-nefqa tal-PDG, EU-27, 2009-2019
(%)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

F’termini ta’ prezzijiet kurrenti, in-nefqa fuq il-konsum mill-unitajiet domestiċi u l-istituzzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jservu l-unitajiet domestiċi kkontribwiet 53.2 % tal-PDG tal-EU-27 fl-2019, filwaqt li s-sehem tal-formazzjoni ta’ kapital gross kien ta’ 22.5 % u dak tan-nefqa tal-gvern estiż kien ta’ 20.6 %, filwaqt li l-bilanċ estern tal-prodotti u s-servizzi kien ta’ 3.8 % (ara l-Illustrazzjoni 9).

Illustrazzjoni 9: Komponenti tan-nefqa tal-PDG fi prezzijiet kurrenti tas-suq, EU-27, 2019
(% sehem tal-PDG)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp), (tec00009), (tec00010), (tec00011) u (tec00110)

Fost l-Istati Membri tal-EU-27, kien hemm varjazzjoni kbira fl-intensità tal-investiment (ara l-Illustrazzjoni 10) u dan jista’ jirrifletti parzjalment l-istadji differenti tal-iżvilupp ekonomiku kif ukoll id-dinamika tat-tkabbir matul dawn l-aħħar snin. Fl-2019, il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross (fi prezzijiet kurrenti) bħala sehem tal-PDG kienet ta’ 22.1 % fl-EU-27 u kważi l-istess (22.0 %) fiż-żona tal-euro. Din kienet l-ogħla bil-bosta fl-Irlanda (45.6 %), filwaqt li l-Ungerija (28.6 %), iċ-Ċekja (26.2 %) u l-Estonja (26.1 %) irreġistraw ukoll ishma ogħla minn 25.0 %. Bla dubju, is-sehem l-aktar baxx kien fil-Greċja (11.4 %).

Illustrazzjoni 10: Formazzjoni ta’ kapital fiss gross fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2019
(% sehem tal-PDG)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

Il-maġġoranza vasta tal-investiment fl-EU-27 saret mis-settur privat, kif muri fit-Tabella 5: fl-2019, l-investiment min-negozji u l-unitajiet domestiċi rrappreżenta 19.4 % tal-PDG tal-EU-27, filwaqt li l-figura ekwivalenti għall-investiment tas-settur pubbliku kienet ta’ 3.0 %. Fir-rigward tal-PDG, l-Ungerija u Ċipru (it-tnejn 5.8 %; data tal-2018) kellhom l-ogħla proporzjonijiet ta’ investiment pubbliku mal-PDG, filwaqt li l-investiment mis-settur tan-negozju kien l-ogħla fl-Irlanda (19.1 %; data tal-2018), iċ-Ċekja (16.9 %) u l-Iżvezja (16.4 %) u skont l-unitajiet domestiċi kien l-ogħla fil-Finlandja (7.2 %) u f’Ċipru (7.1 %; data tal-2018). L-investiment mill-unitajiet domestiċi (bħala sehem tal-PDG) fl-2018 kien ferm aktar baxx mill-2009 fil-Greċja, Ċipru, Spanja, u l-Irlanda, filwaqt li kien ferm ogħla fir-Rumanija (2019 meta mqabbel mal-2009).

Tabella 5: Investiment fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2009, 2014 u 2019
(% sehem tal-PDG)
Sors: Eurostat (nasa_10_ki)

Introjtu

Analiżi tal-PDG fl-EU-27 mill-perspettiva tal-introjtu turi li d-distribuzzjoni bejn il-fatturi tal-produzzjoni tal-introjtu li jirriżultaw mill-proċess tal-produzzjoni kienet iddominata mill-kumpens tal-impjegati, li rrappreżenta 47.5 % tal-PDG fi prezzijiet kurrenti tas-suq fl-2019. Is-sehem għal surplus operatorju gross u l-introjtu mħallat kien ta’ 40.6 % tal-PDG, filwaqt li dak għat-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet bis-sussidji mnaqqsa kien ta’ 11.9 % (ara l-Illustrazzjoni 11). L-Irlanda kellha l-aktar sehem baxx mill-kumpens tal-impjegati fil-PDG (28.2 %), segwita mill-Greċja (34.7 %), filwaqt li ishma ta’ aktar minn 50.0 % ġew irreġistrati fis-Slovenja, fi Franza, fid-Danimarka u fil-Ġermanja (fejn is-sehem laħaq l-ogħla livell b’53.6 %). Fil-każ tal-Irlanda dan is-sehem partikolarment baxx huwa konsegwenza ta’ effetti relatati mal-globalizzazzjoni.

Illustrazzjoni 11: Distribuzzjoni tal-introjtu fi prezzijiet kurrenti tas-suq, 2019
(% sehem tal-PDG)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

L-aggregati tal-introjtu, sal-2011, kienu rkupraw mit-telf tagħhom esperjenzat matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika. L-introjtu mill-kumpens tal-impjegati żdied kull sena bejn l-2009 u l-2019 fl-EU-27, hekk kif kiseb 30.5 % matul dan il-perjodu (f’termini ta’ prezzijiet kurrenti). Għas-surplus operatorju gross u l-introjtu mħallat, it-tkabbir kumplessiv kien kważi l-istess (żieda ta’ 29.9 %); din iż-żieda kienet magħmula minn żidiet annwali li seħħew kull sena ħlief għall-2012. L-introjtu mit-taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjonijiet żdied kull sena bejn l-2009 u l-2019, u dan kumplessivament irriżulta fi tkabbir ta’ 43.1 %.

Illustrazzjoni 12: Żvilupp tal-introjtu fi prezzijiet kurrenti tas-suq, EU-27, 2009-2019
(2009 = 100)
Sors: Eurostat (nama_10_gdp)

Konsum tal-unitajiet domestiċi

In-nefqa fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi irrappreżentat tal-inqas nofs il-PDG (fi prezzijiet kurrenti tas-suq) fl-2019 fi 17 mis-27 Stat Membru tal-UE; dan is-sehem kien l-ogħla fil-Greċja (65.2 %) u f’Ċipru (63.9 %). B’kuntrast, dan kien l-inqas fil-Lussemburgu (27.8 %), li, minkejja dan, kellu l-ogħla nefqa medja bil-bosta fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi per capita (PPS 23 010) — ara t-Tabella 6 — anke wara l-aġġustament għal differenzi fil-livell tal-prezzijiet bejn l-Istati Membri.

Tabella 6: Nefqa fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi, 2009, 2014 u 2019
Sors: Eurostat (nama_10_gdp) u (nama_10_pc)

Minbarra l-Lussemburgu, in-nefqa medja fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi per capita f’termini ta’ PPS kienet ukoll relattivament għolja fl-2019 fl-Awstrija (PPS 19 990) u fil-Ġermanja (PPS 19 450). B’kuntrast, il-Bulgarija kienet l-uniku Stat Membru tal-EU-27 li rrapporta nefqa medja fuq il-konsum tal-unitajiet domestiċi per capita li kienet inqas minn PPS 10 000.

Analiżi tal-iżviluppi reali fin-nefqa medja fuq il-konsum per capita f’termini ta’ euro (ibbażata fuq indiċi ta’ volumi inkatenati) matul il-perjodu 2014-2019 uriet li l-aktar tkabbir mgħaġġel kien irreġistrat fir-Rumanija, fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fil-Litwanja. L-Awstrija rreġistrat l-inqas żieda fin-nefqa fuq il-konsum per capita tal-unitajiet domestiċi, żieda b’medja ta’ 0.4 % kull sena matul il-perjodu mill-2014 sal-2019, filwaqt li żidiet li jilħqu medja ta’ inqas minn 1.0 % kull sena kienu rreġistrati wkoll fil-Lussemburgu (0.5 %), u fil-Greċja (0.8 %).

Sors tad-data għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA) tipprovdi l-metodoloġija għall-kontijiet nazzjonali fl-UE. Il-verżjoni attwali, ESA 2010, ġiet adottata f’Mejju 2013 u ġiet implimentata minn Settembru 2014. Hija konsistenti bis-sħiħ mal-linji gwida dinjija għall-kontijiet nazzjonali, l-2008 SNA. Jekk jogħġbok kun af li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-EU-27 wettqu reviżjonijiet tal-valuri referenzjarji bejn Awwissu u Ottubru tal-2019. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ikkonsulta s-sit web tal-Eurostat u b’mod partikolari dan id-dokument.

Il-PDG u l-komponenti ewlenin

L-aggregati ewlenin tal-kontijiet nazzjonali huma kkompilati minn unitajiet istituzzjonali, prinċipalment minn korporazzjonijiet finanzjarji jew mhux finanzjarji, gvern estiż, unitajiet domestiċi, u istituzzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jservu l-unitajiet domestiċi (NPISH).

Id-data fid-dominju tal-kontijiet nazzjonali tinkludi informazzjoni dwar il-komponenti tal-PDG, l-impjieg, aggregati tal-konsum finali u tfaddil. Ħafna minn dawn il-varjabbli huma kkalkolati fuq bażi annwali u trimestrali.

Il-PDG huwa l-kejl ċentrali tal-kontijiet nazzjonali, li jiġbor fil-qosor il-pożizzjoni ekonomika ta’ pajjiż (jew reġjun). Dan jista’ jiġi kkalkolat b’approċċi differenti: l-approċċ tal-output; l-approċċ tan-nefqa; u l-approċċ tal-introjtu.

Analiżi tal-PDG per capita tneħħi l-influwenza tad-daqs assolut tal-popolazzjoni, biex b’hekk tagħmel il-paraguni bejn pajjiżi differenti eħfef. Il-PDG per capita huwa indikatur ekonomiku wiesa’ tal-istandards tal-għajxien. Id-data tal-PDG f’muniti nazzjonali tista’ tinqaleb għal standards tal-kapaċità tal-akkwist (PPS) billi jintużaw paritajiet tal-kapaċità tal-akkwist (PPPs) li jirriflettu l-kapaċità tal-akkwist ta’ kull munita, minflok jintużaw ir-rati tal-kambju tas-suq; b’dan il-mod id-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet bejn il-pajjiżi jiġu eliminati. L-indiċi tal-volum tal-PDG per capita f’PPS huwa espress f’relazzjoni mal-medja tal-EU-27 (issettjata għal 100). Jekk l-indiċi ta’ pajjiż ikun ogħla/anqas minn 100, il-livell tal-PDG per capita ta’ dak il-pajjiż ikun ogħla/anqas mill-medja tal-EU-27; dan l-indiċi huwa intenzjonat għal paraguni bejn il-pajjiżi aktar milli paraguni matul iż-żmien.

Il-kalkolu tar-rata annwali ta’ kambju tal-PDG bl-użu ta’ indiċi ta’ volumi inkatenati (bidliet reali) huwa intenzjonat sabiex jippermetti paraguni tad-dinamika tal-iżvilupp ekonomiku kemm matul iż-żmien kif ukoll bejn ekonomiji ta’ daqsijiet differenti, irrispettivament mil-livelli tal-prezzijiet.

Data komplementarja

L-output ekonomiku jista’ jiġi analizzat ukoll skont l-attività. Fil-livell l-iżjed aggregat tal-analiżi użata għall-kontijiet nazzjonali, huma identifikati 10 intestaturi NACE: agrikoltura, forestrija u sajd; industrija; kostruzzjoni; negozji tad-distribuzzjoni, trasport, servizzi ta’ akkomodazzjoni u ikel; servizzi ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni; servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni; attivitajiet marbuta ma’ proprjetà immobbli; servizzi professjonali, xjentifiċi, tekniċi, amministrattivi u ta’ appoġġ; amministrazzjoni pubblika, difiża, edukazzjoni, saħħa tal-bniedem u assistenza soċjali; arti, divertiment, rikreazzjoni, servizzi u attivitajiet oħra ta’ unitajiet domestiċi u organizzazzjonijiet u korpi ekstraterritorjali.

Analiżi tal-output skont l-attività matul iż-żmien tista’ tiġi ffaċilitata bl-użu ta’ miżura ta’ volum (tibdil reali), fi kliem ieħor, bid-deflazzjoni tal-valur tal-output biex jitneħħa l-impatt ta’ tibdil fil-prezzijiet; kull attività hija deflata b’mod individwali biex tirrifletti l-bidliet fil-prezzijiet tal-prodotti assoċjati tagħha.

Sett ieħor ta’ data tal-kontijiet nazzjonali fil-kuntest ta’ analiżijiet tal-kompetittività, prinċipalment indikaturi li huma relatati mal-produttività tal-forza ta-xogħol, bħal mezzi ta’ kejl tal-produttività tax-xogħol. Mezzi ta’ kejl tal-produttività espressi f’PPS huma utli b’mod partikolari għal paraguni bejn il-pajjiżi. Il-PDG għal kull persuna impjegata huwa maħsub biex jagħti impressjoni globali tal-produttività tal-ekonomiji nazzjonali. Wieħed għandu jiftakar, madankollu, li dan il-kejl jiddependi mill-istruttura tal-impjieg totali u jista’, pereżempju, jitnaqqas b’qalba minn xogħol full-time għal xogħol part-time. Il-PDG għal kull siegħa xogħol jagħti stampa aktar ċara tal-produttività peress li l-inċidenza ta’ impjieg part-time tvarja ħafna bejn il-pajjiżi u l-attivitajiet.

Informazzjoni annwali dwar in-nefqa tal-unitajiet domestiċi hija disponibbli minn kontijiet nazzjonali kkompilati permezz ta’ approċċ makroekonomiku. Sors alternattiv għall-analiżi tan-nefqa tal-unitajiet domestiċi huwa l-istħarriġ tal-baġit tal-unitajiet domestiċi (HBS): din l-informazzjoni tinkiseb billi l-unitajiet domestiċi jintalbu jżommu djarju tax-xirjiet tagħhom u hija ħafna aktar iddettaljata fil-kopertura tagħha tal-prodotti u s-servizzi kif ukoll fit-tipi ta’ analiżi soċjoekonomika li jsiru disponibbli. L-HBS jitwettaq u jiġi ppubblikat biss kull ħames snin: l-aħħar sena ta’ referenza li għaliha d-data hija attwalment disponibbli hija l-2015, għalkemm (fil-mument tal-kitba), id-data għadha mhix disponibbli għal tnejn mill-Istati Membri tal-EU-27 (id-Danimarka u Franza).

Kuntest

L-istituzzjonijiet, il-gvernijiet, il-banek ċentrali kif ukoll korpi ekonomiċi u soċjali oħrajn Ewropej fis-settur pubbliku u dak privat għandhom bżonn sett ta’ statistiċi komparabbli u affidabbli fuq xiex jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Il-kontijiet nazzjonali jistgħu jintużaw għal diversi tipi ta’ analiżi u evalwazzjoni. L-użu ta’ kunċetti u definizzjonijiet aċċettati internazzjonalment jippermetti analiżi ta’ ekonomiji differenti, bħall-interdipendenzi bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri tal-UE, jew paragun bejn pajjiżi tal-UE u pajjiżi mhux membri.

Analiżi taċ-ċiklu kummerċjali u l-politika makroekonomika

Wieħed mill-użi prinċipali tad-data tal-kontijiet nazzjonali huwa relatat mal-bżonn li jiġu appoġġjati deċiżjonijiet dwar il-politika ekonomika Ewropea u l-ilħuq ta’ objettivi tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) bi statistiki ta’ terminu qasir ta’ kwalità għolja li jippermettu l-monitoraġġ ta’ żviluppi makroekonomiċi u d-derivazzjoni ta’ pariri dwar il-politika makroekonomika. Pereżempju, wieħed mill-użi bażiċi u li ilhom jeżistu tal-kontijiet nazzjonali huwa l-kwantifikazzjoni tar-rata ta’ tkabbir ta’ ekonomija, f’termini sempliċi t-tkabbir tal-PDG. Figuri essenzjali tal-kontijiet nazzjonali jintużaw b’mod partikolari biex jiġu żviluppati u mmonitorjati politiki makroekonomiċi, filwaqt li data ddettaljata dwar il-kontijiet nazzjonali tista’ tintuża wkoll biex jiġu żviluppati politiki settorjali jew industrijali, b’mod partikolari permezz ta’ analiżi ta’ tabelli tal-input-output.

Mill-bidu tal-UEM fl-1999, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kien wieħed mill-utenti prinċipali tal-kontijiet nazzjonali. L-istrateġija tal-BĊE għall-valutazzjoni tar-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet hija bbażata fuq żewġ perspettivi analitiċi, magħrufa bħala ż-“żewġ pilastri”: analiżi ekonomika u analiżi monetarja. Għalhekk, jiġu evalwati numru kbir ta’ indikaturi monetarji u finanzjarji f’relazzjoni ma’ data rilevanti oħra li tippermetti l-kombinazzjoni ta’ analiżi monetarja, finanzjarja u ekonomika, pereżempju, aggregati ewlenin tal-kontijiet nazzjonali. B’dan il-mod l-indikaturi monetarji u finanzjarji jistgħu jiġi analizzati fil-kuntest tal-bqija tal-ekonomija.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jimmonitorja l-iżviluppi ekonomiċi. L-UE għandha ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika msejjaħ is-Semestru Ewropew. Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi dettaljata tal-pjanijiet ta’ riformi baġitarji, makroekonomiċi u strutturali tal-Istati Membri tal-UE u tipprovdilhom rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għat-12-18-il xahar ta’ wara.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jipproduċi wkoll il-previżjonijiet makroekonomiċi previżonijiet tal-Kummissjoni Ewropea erba’ darbiet fis-sena (fil-ħarifa, fix-xitwa, fir-rebbiegħa u fis-sajf), f’koordinazzjoni maċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew. Dawn il-previżjonijiet ikopru l-Istati Membri kollha tal-UE sabiex jiġu dderivati previżjonijiet għaż-żona tal-euro u l-UE, iżda jinkludu wkoll prospettivi għall-pajjiżi kandidati, kif ukoll xi pajjiżi li mhumiex membri.

L-analiżi tal-finanzi pubbliċi permezz tal-kontijiet nazzjonali hija użu ieħor stabbilit sew ta’ dawn l-istatistiċi. Fl-UE ġiet żviluppata applikazzjoni speċifika fir-rigward tal-kriterji ta’ konverġenza għall-UEM, tnejn minnhom jirreferu direttament għall-finanzi pubbliċi. Dawn il-kriterji ġew iddefiniti f’termini ta’ illustrazzjonijiet ta’ kontijiet nazzjonali, prinċipalment, id-defiċit tal-gvern u d-dejn tal-gvern relattivi għall-PDG; ara l-artiklu dwar l-istatistika tal-finanzi tal-gvern għal aktar informazzjoni.

Politiki reġjonali, strutturali u settorjali

Minbarra l-analiżi taċ-ċiklu kummerċjali u l-analiżi tal-politika makroekonomika, hemm ukoll użi oħra relatati mal-politika tad-data ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali tal-UE, b’mod speċjali dik li tikkonċerna kwistjonijiet reġjonali, strutturali u settorjali.

L-allokazzjoni tan-nefqa għall-fondi strutturali hija parzjalment ibbażata fuq kontijiet reġjonali. Barra minn hekk, l-istatistika reġjonali tintuża għal valutazzjoni ex post tar-riżultati tal-politika reġjonali u ta’ koeżjoni.

Ekonomija li taħdem għan-nies hija prijorità strateġika għall-UE u l-Istati Membri. B’appoġġ għal dawn il-prijoritajiet strateġiċi, il-politiki komuni huma implimentati fost is-setturi kollha tal-ekonomija tal-UE filwaqt li l-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi strutturali tagħhom stess.

Il-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi ekonomika li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politika agrikola komuni (PAK) billi tanalizza l-effiċjenza tad-diversi mekkaniżmi ta’ appoġġ tagħha u tiżviluppa perspettiva fuq perjodu twil. Din tinkludi riċerka, analiżi u valutazzjonijiet tal-impatt fuq suġġetti relatati mal-agrikoltura u l-ekonomija rurali fl-UE u f’pajjiżi li mhumiex membri, parzjalment bl-użu ta’ kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura.

L-issettjar tal-miri, valutazzjoni komparattiva u kontribuzzjonijiet

Il-politiki fl-UE qegħdin dejjem aktar jissettjaw miri ta’ terminu medju jew twil, sew jekk huma vinkolanti u sew jekk le. Għal uħud minn dawn, il-livell tal-PDG jintuża bħala denominatur parametru referenzjarju, pereżempju, l-issettjar ta’ mira għan-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp f’livell ta’ 3.00 % tal-PDG (li hija waħda mill-miri tal-Ewropa 2020).

Il-kontijiet nazzjonali jintużaw ukoll biex jiddeterminaw ir-riżorsi tal-UE, bir-regoli bażiċi stabbiliti f’Deċiżjoni tal-Kunsill. L-ammont globali ta’ riżorsi proprji neċessarji għall-finanzjament tal-baġit tal-UE huwa ddeterminat min-nefqa totali nieqes dħul ieħor, u d-daqs massimu tar-riżorsi proprji huwa marbut mal-introjtu nazzjonali gross tal-UE.

Minbarra li tintuża biex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet baġitarji fl-UE, id-data tal-kontijiet nazzjonali tintuża wkoll biex tiddetermina l-kontribuzzjonijiet lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħan-Nazzjonijiet Uniti (NU). Il-kontribuzzjonijiet għall-baġit tan-NU huma bbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross flimkien ma’ varjetà ta’ aġġustamenti u limiti.

Analisti u previżjonisti

Il-kontijiet nazzjonali jintużaw ukoll b’mod mifrux mill-analisti u r-riċerkaturi biex jeżaminaw is-sitwazzjoni ekonomika u l-iżviluppi. Is-sieħba soċjali, bħar-rappreżentanti tan-negozji (pereżempju, il-korpi tan-negozji) jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema (pereżempju, it-trade unions), ukoll għandhom interess fil-kontijiet nazzjonali għall-iskop tal-analiżi tal-iżviluppi li jaffettwaw ir-relazzjonijiet industrijali. Fost użi oħra, ir-riċerkaturi u l-analisti jużaw il-kontijiet nazzjonali għall-analiżi taċ-ċiklu kummerċjali u l-analiżi ta’ ċikli ekonomiċi ta’ terminu twil u jirrelataw dawn ma’ żviluppi ekonomiċi, politiċi jew teknoloġiċi.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Main GDP aggregates (t_nama_10_ma)
Auxiliary indicators (population, GDP per capita and productivity) (t_nama_10_aux)
Basic breakdowns of main GDP aggregates and employment (by industry and by assets) (t_nama_10_bbr)
Detailed breakdowns of main GDP aggregates (by industry and consumption purpose) (t_nama_10_dbr)
Regional economic accounts - ESA 2010 (t_nama_10reg)
Main GDP aggregates (nama_10_ma)
Auxiliary indicators (population, GDP per capita and productivity) (nama_10_aux)
Basic breakdowns of main GDP aggregates and employment (by industry and by assets) (nama_10_bbr)
Detailed breakdowns of main GDP aggregates (by industry and consumption purpose) (nama_10_dbr)
Breakdowns of non-financial assets by type, industry and sector (nama_10_nfa)
Regional economic accounts (nama_10reg)

Noti

*Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.