Statistics Explained

Archive:Il-farms u l-art agrikola fl-Unjoni Ewropea - statistika


Data estratta f’Novembru 2018.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ġunju 2023.


This Statistics Explained article has been archived on 23 July 2021.


Highlights

Fl-2016, kien hemm 10.5 miljun azjenda agrikola fl-UE, li żewġ terzi minnhom kellhom daqs ta’ inqas minn 5 ettari.
Il-farms tal-UE użaw 173 miljun ettaru ta’ art għall-produzzjoni agrikola fl-2016, 39 % tal-erja totali tal-art tal-UE.
In-numru ta’ farms fl-UE naqas b’mod qawwi, iżda l-ammont ta’ art użata għall-produzzjoni baqa’ stabbli.
Distribuzzjoni tal-farms tal-UE u art agrikola utilizzata skont id-daqs tal-farm, 2016
(%)
Sors: Eurostat (ef_m_farmleg)

Dan l-artiklu huwa parti minn ġabra li tittieħed mill-pubblikazzjoni tal-Eurostat Statistika dwar l-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd - edizzjoni tal-2018. Il-farms tal-UE huma numerużi u varjati; huma ta’ kull daqs, varjati f’termini ta’ dak li jitkabbar jew l-annimali li jitrabbew, immexxija taħt strutturi ta’ ġestjoni differenti u misjuba f’żoni li għandhom ġeoloġiji, topografiji u klimi differenti.

Full article

Il-farms fl-2016

Fl-2016, kien hemm 10.5 miljun azjenda agrikola fl-UE

Terz (32.7 %) tal-azjendi agrikoli tal-UE (minn hawn ’il quddiem imsejħa “farms”) kienu jinsabu fir-Rumanija, ħafna aktar minn fi kwalunkwe Stat Membru ieħor; dan kien kważi daqs il-farms kollha fil-Polonja (13.5 % tat-total tal-EU-28), fl-Italja (10.9 %) u fi Spanja (9.0 %) ikkombinati, it-tliet Stati Membri segwenti bl-ogħla numru ta’ farms .

Il-maġġoranza kbira tal-farms tal-UE huma azjendi agrikoli tal-familja

Il-maġġoranza assoluta (96.0 % fl-2016) tal-farms tal-UE huma kklassifikati bħala azjendi agrikoli tal-familja. [1]. Tabilħaqq, fl-2016, aktar minn disgħa minn kull għaxar farms (93.0 %) fl-UE kellhom biss ħaddiema tal-familja (il-bidwi(ja) u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha). L-azjendi agrikoli tal-familja kienu t-tip ta’ farm dominanti fl-Istati Membri kollha. Madankollu, Franza kellha minoranza relattivament imdaqqsa ta’ azjendi agrikoli mhux tal-familja (27.3 % tal-kważi 0.5 miljun farm tagħha) flimkien mal-Estonja (21.0 %).

Il-biċċa l-kbira tal-farms tal-UE huma żgħar fin-natura tagħhom

Fl-2016, żewġ terzi tal-farms tal-UE kellhom daqs ta’ inqas minn 5 ettari (ha) (ara l-Figura 1). Dawn il-farms żgħar jista’ jkollhom rwol importanti fit-tnaqqis tar-riskju tal-faqar rurali, billi jipprovdu introjtu u ikel addizzjonali. Fit-tarf l-ieħor tal-iskala tal-produzzjoni, 6.9 % tal-farms tal-UE kellhom daqs ta’ 50 ettaru jew aktar u ħadmu żewġ terzi (68.2 %) tal-erja agrikola utilizzata (EAU) tal-UE. B’hekk, għalkemm id-daqs medju ta’ azjenda agrikola fl-UE kien ta’ 16.6 ettari fl-2016, madwar 15 % biss tal-farms kienu ta’ dan id-daqs jew akbar.

Figura 1: Distribuzzjoni tal-farms tal-UE u art agrikola utilizzata skont id-daqs tal-farm, 2016
(%)
Sors: Eurostat (ef_m_farmleg)

Din ix-xejra ta’ distribuzzjoni kienet partikolarment ċara fir-Rumanija, l-Istat Membru bl-ogħla numru ta’ farms; disgħa minn kull għaxar farms (91.8 % jew 3.1 miljun farm) kienu iżgħar minn 5 ettari, iżda 0.5 % tal-farms b’daqs ta’ 50 ettaru jew aktar ikkultivaw nofs (51.1 %) l-EAU kollha fil-pajjiż. Il-farms żgħar b’daqs ta’ inqas minn 5 ettari kienu tipiċi wkoll f’Malta (96.5 % tat-total), f’Ċipru (89.6 %), fil-Bulgarija (82.6 %), fl-Ungerija (81.4 %), fil-Greċja (77.3 %), fil-Portugall (71.5 %) u fil-Kroazja (69.5 %), kif ukoll f’reġjuni partikolari ta’ oħrajn, bħall-partijiet tan-nofsinhar tal-Polonja u r-reġjuni kostali ta’ Spanja u tal-Italja. In-numru ta’ farms żgħar f’ċerti Stati Membri u reġjuni jirrifletti taħlita ta’ speċjalizzazzjoni tal-għelejjel (bħal imsaġar żgħar taż-żebbuġ u dwieli), ta’ sjieda wiesgħa tal-art, u restrizzjonijiet ġeoloġiċi u topografiċi.

Il-farms akbar (ta’ 50 ettaru jew aktar) kienu ħafna aktar komuni fil-Lussemburgu (51.8 % tal-farms), fi Franza (41.3 %), fir-Renju Unit (38.6 %) u fid-Danimarka (35.3 %). Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, maġġoranza tal-EAU kienet ikkonċentrata fuq l-akbar farms (b’daqs ta’ 50 ettaru jew aktar).

Il-farms tal-UE jistgħu jiġu kkaratterizzati fi tliet gruppi ta’ daqsijiet distinti

B’mod ġenerali, fl-UE hemm tliet gruppi distinti ta’ farms: (i) farms ta’ semi-sussistenza, fejn l-enfasi hija fuq it-tkabbir ta’ proporzjon għoli ta’ ikel sabiex jittiekel mill-bdiewa u l-familji tagħhom, (ii) farms żgħar u ta’ daqs medju li ġeneralment ikunu negozji mmexxija mill-familja u (iii) intrapriżi agrikoli kbar li huwa aktar probabbli li jkollhom forma legali jew li jkunu kooperattivi.

Dawn id-distinzjonijiet isiru aktar ċari billi l-farms jiġu analizzati f’termini tad-daqs ekonomiku tagħhom. Mill-10.5 miljun farm tal-UE, 4.0 miljuni kellhom produzzjoni standard ta’ inqas minn EUR 2 000 fis-sena u kienu responsabbli għal 1 % biss tal-produzzjoni ekonomika agrikola totali tal-UE. Dawn il-farms żgħar ħafna huma fit-tarf tas-(semi-)sussistenza tal-iskala tal-biedja; madwar tliet kwarti ta’ dawn il-farms fl-UE kkonsmaw aktar minn nofs il-produzzjoni tagħhom.

3.0 miljun farm oħrajn kellhom produzzjoni ekonomika fil-medda ta’ EUR 2 000 - EUR 8 000 fis-sena. Flimkien, dawn il-farms żgħar u żgħar ħafna kienu jammontaw għal żewġ terzi (67.6 %) tal-farms kollha fl-UE fl-2016.

B’kuntrast ma’ dan, fl-2016 kien hemm 304 000 farm (2.9 % tat-total tal-UE) li kull wieħed ipproduċa produzzjoni standard ta’ EUR 250 000 fis-sena jew aktar u dawn kienu responsabbli għal maġġoranza (55.6 %) tal-produzzjoni ekonomika agrikola totali tal-UE; dawn il-farms jistgħu jiġu kkaratterizzati bħala li huma intrapriżi agrikoli kbar. Tnejn minn kull ħamsa minn dawn il-farms kbar kellhom forma legali jew ta’ parteċipazzjoni ta’ grupp.

Fl-2016, maġġoranza (55.1 %) tal-produzzjoni standard iġġenerata mill-agrikoltura madwar l-UE kienet minn farms fi Franza (16.8 %), fl-Italja (14.2 %), fil-Ġermanja (13.5 %) u fi Spanja (10.5 %). Għalkemm ir-Rumanija kienet responsabbli għal madwar terz tal-farms tal-UE, hija kienet responsabbli għal 3.3 % biss tal-produzzjoni standard tal-UE (ara l-Figura 2).

Figura 2: Il-farms u l-produzzjoni standard, 2016
(is-sehem tat-total tal-UE, %)
Sors: Eurostat (ef_m_farmleg)

Il-farms tal-UE għadhom diversi f’termini ta’ dak li jkabbru jew irabbu

Id-diversità tat-tipi ta’ farms tista’ tintwera skont dak li jkabbru jew irabbu, abbażi ta’ jekk hemmx attività dominanti waħda jew le. Farm jitqies bħala speċjalizzat meta attività partikolari tipprovdi mill-inqas żewġ terzi tal-produzzjoni jew tad-daqs tan-negozju ta’ azjenda agrikola. Oħrajn għandhom taħlita ta’ attivitajiet li fihom l-ebda attività ma tiddomina.

Uħud mill-farms huma speċjalizzati fil-produzzjoni tal-għelejjel, kemm fejn l-attivitajiet tal-għelejjel ikunu l-attività dominanti, kif ukoll fejn jiddominaw l-għelejjel permanenti (bħal tuffieħ, għeneb u żebbuġ), jew tabilħaqq attivitajiet ortikulturali. Uħud mill-farms huma speċjalizzati fil-produzzjoni tal-annimali u l-prodotti mill-annimali, kemm jekk dan ikun fejn jiddominaw il-bhejjem li jirgħu jew inkella l-granivori (bħal majjali u tjur). Farms oħrajn għandhom taħlita ta’ għelejjel, taħlita ta’ bhejjem, jew taħlita ta’ għelejjel u bhejjem.

Madwar nofs (52.5 %) il-farms kollha fl-2016 setgħu jiġu kkategorizzati bħala farms li jispeċjalizzaw fl-għelejjel; ftit inqas minn terz (31.6 %) tal-farms kollha kienu speċjalizzati fil-kultivazzjoni tar-raba’, madwar wieħed minn kull ħamsa (18.9 %) kienu speċjalizzati fl-għelejjel permanenti, bil-bqija (1.8 %) kienu farms ortikulturali speċjalizzati. F’dan ir-raggruppament ta’ farms, il-farms ġenerali tal-kultivazzjoni tar-raba’ li speċjalizzaw fl-għelejjel tal-għeruq (bħall-patata u l-pitravi taz-zokkor), fil-ħxejjex tal-għelieqi u fl-għelejjel tal-għelieqi kienu l-aktar numerużi (fejn kienu jikkostitwixxu 16.4 % tal-farms tal-UE kollha – ara l-Figura 3). Dan kien segwit mill-qrib mill-farms speċjalizzati fl-għelejjel taċ-ċereali, taż-żrieragħ żejtnija u tal-proteini (15.2 %) tal-farms tal-UE kollha.

Kwart ieħor (25.1 %) tal-farms tal-UE kienu farms speċjalizzati fit-trobbija tal-bhejjem, bil-farms tat-trobbija ta’ nagħaġ, mogħoż u bhejjem li jirgħu oħrajn (6.2 %) u l-farms speċjalizzati fil-prodotti tal-ħalib (5.4 %) kienu l-aktar numerużi f’dan il-grupp. Il-farms imħalltin kienu jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-bqija (21.1 %), b’perċentwal żgħir ta’ farms mhux ikklassifikati.

Figura 3: Il-farms skont it-tip ta’ speċjalizzazzjoni, EU-28, 2016
(is-sehem tal-farms tal-UE kollha, %)
Sors: Eurostat (ef_m_farmleg)

F’ħafna pajjiżi tal-Mediterran (Spanja, l-Italja, il-Greċja, Ċipru), kif ukoll fil-Finlandja, il-kultivazzjoni speċjalizzata tar-raba’ kienet it-tip ta’ farm dominanti (b’sehem ta’ aktar minn 60 % tal-farms kollha), filwaqt li f’partijiet tal-Majjistral tal-Ewropa (il-Benelux, l-Awstrija, ir-Renju Unit, l-Irlanda, in-Norveġja), it-trobbija speċjalizzata tal-bhejjem kienet l-attività dominanti (b’sehem ta’ aktar minn 50 % tal-farms kollha). Aktar minn 30 % tal-farms kienu azjendi mħalltin fil-Portugall, fir-Rumanija, fil-Bulgarija, fil-Litwanja u fil-Kroazja [2].

L-art agrikola fl-2016

Fl-2016, il-farms tal-UE użaw 173 miljun ettaru (ha) ta’ art għall-produzzjoni agrikola

Kważi tliet kwarti (71.5 %) tal-erja agrikola utilizzata tal-UE kienet ibbażata f’seba’ Stati Membri biss; Fl-2016, Franza użat 27.8 miljun ettaru għal skopijiet agrikoli, Spanja użat 23.2 miljun ettaru, ir-Renju Unit u l-Ġermanja użaw it-tnejn 16.7 miljun ettaru, il-Polonja użat 14.4 miljun ettaru, l-Italja użat 12.6 miljun ettaru oħra u r-Rumanija użat 12.5 miljun ettaru.

Fl-2016, il-farms amministraw biss ftit inqas minn nofs (47.1 %) l-erja totali tal-art tal-UE

Il-farms fl-UE amministraw tnejn minn kull ħamsa (38.8 %) tal-erja totali tal-art tal-UE bħala EAU, kif ukoll żoni msaġġra (6.2 %) u art agrikola oħra mhux użata għall-agrikoltura (2.1 %). Il-pajsaġġi agrikoli ddominaw il-kampanja f’xi Stati Membri; madwar żewġ terzi tal-erja tal-art fl-Irlanda (70.0 %) u fir-Renju Unit (65.7%) intużat bħala art agrikola u s-sehem kien ukoll partikolarment għoli fid-Danimarka (60.9 %). Dan kien f’kuntrast qawwi mal-Finlandja (6.5 %) u mal-Iżvezja (6.9 %), fejn il-foresti ddominaw il-pajsaġġ. Dawn iż-żewġ Stati Membri Nordiċi kienu l-uniċi Stati Membri tal-UE fejn iż-żoni msaġġra li jappartjenu għal azjendi agrikoli kienu jikkostitwixxu sehem ogħla ta’ erja tal-art minn dik użata għal skopijiet agrikoli.

Figura 4: Art li tappartjeni għal farms, skont it-tip ta’ art, 2016
(sehem perċentwali fuq l-erja totali tal-art)
Sors: Eurostat (ef_lus_main) u (reg_area3)

L-evoluzzjoni tal-farms u tal-art agrikola mill-2005 sal-2016

In-numru ta’ farms fl-UE kien qed jonqos ħafna

In-numru ta’ farms fl-UE ilu jonqos għal żmien twil. Madankollu, it-tqegħid ta’ ċifra preċiża dwar it-telf tal-farms għandu jiġi ttrattat b’ċerta kawtela, minħabba li l-kopertura naqset f’xi pajjiżi biż-żieda tal-limitu tad-daqs għal dak li huwa meqjus bħala farm. Dan ifisser li ċ-ċifri fl-analiżi tas-serje kronoloġika tan-numri ta’ farms, it-tipi ta’ farms u l-karatteristiċi tal-forza tax-xogħol għandhom jitqiesu bħala indikattivi aktar milli preċiżi [3].

Meta wieħed iżomm din il-prekawzjoni f’moħħu, in-numru ta’ farms fl-UE naqas b’madwar kwart fil-perjodu relattivament qasir bejn l-2005 u l-2016. Dan jissuġġerixxi telf sa 4.2 miljun farm fl-Istati Membri kollha, li l-maġġoranza kbira tagħhom (madwar 85 %) kienu farms żgħar b’daqs ta’ inqas minn 5 ettari. Matul dan il-perjodu, l-akbar tnaqqis fin-numri ta’ farms kien irreġistrat fil-Polonja (telf indikattiv ta’ 1.1 miljun farm, jew 43 %), fir-Rumanija (tnaqqis indikattiv ta’ 0.8 miljun farm, jew 20 %) u fl-Italja (tnaqqis indikattiv ta’ 0.6 miljun farm, jew 34 %). L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni notevoli tal-Irlanda, irreġistraw tnaqqis fin-numri ta’ farms. F’termini proporzjonali, l-aktar tnaqqis qawwi ta’ kważi żewġ terzi kien fis-Slovakkja u fil-Bulgarija.

L-ammont ta’ art użata fl-UE għall-produzzjoni agrikola baqa’ stabbli

L-ammont ta’ art li ntużat għall-produzzjoni agrikola baqa’ b’mod ġenerali l-istess (+0.2 %) bejn l-2005 u l-2016, minkejja t-tnaqqis qawwi fin-numri ta’ farms. Fil-livell tal-UE, din il-konsolidazzjoni tal-art agrikola kienet tirrifletti t-tkabbir fin-numru tal-akbar azjendi u l-art li huma użaw għal skopijiet agrikoli (ara l-Figura 5).

Figura 5: Bidla fin-numru ta’ farms u l-erja agrikola utilizzata skont il-klassi tad-daqs, EU-28, 2005–2016
(%)
Sors: Eurostat (ef_m_farmleg)

Fost l-Istati Membri, dan l-aġġustament mill-ġdid seħħ fi klassijiet ta’ daqsijiet differenti. Fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Finlandja u fir-Renju Unit, b’mod partikolari, kien biss fl-akbar kategorija ta’ daqs tal-farms ta’ 100 ettaru (ha) jew aktar li kien hemm tkabbir fin-numri u fl-erja agrikola utilizzata, bil-klassijiet tad-daqsijiet l-oħrajn kollha qegħdin jonqsu. Dan l-aġġustament mill-ġdid seħħ fi klassijiet ta’ daqsijiet iżgħar f’ħafna Stati Membri oħrajn; pereżempju, kien hemm tkabbir fin-numri ta’ farms u fl-erja agrikola utilizzata f’farms li kienu akbar minn 20 ettaru fl-Italja u fir-Rumanija, u f’farms ta’ aktar minn 10 ettari fl-Ungerija u fil-Bulgarija fil-perjodu bejn l-2005 u l-2016.

Għalkemm huma komparattivament ftit, in-numru ta’ farms fl-UE li ħadu forma legali żdiedu b’madwar 40 000 sal-2016. Dan it-tkabbir fil-farms ta’ natura legali ġie nnotat f’kull kategorija ta’ daqs, għalkemm kien l-aktar notevoli f’farms b’daqs ta’ 100 ettaru jew aktar.

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

Kważi l-istatistika kollha għall-farms u l-bdiewa ttieħdet mill-Istħarriġ tal-Istruttura tal-Farms għall-2016. L-Istħarriġ tal-Istruttura tal-Farms (FSS) jipprovdi firxa wiesgħa ta’ informazzjoni dwar l-azjendi agrikoli, inkluża data dettaljata dwar il-karatteristiċi tal-ħaddiema tal-farms. L-FSS jitwettaq fil-forma ta’ ċensiment agrikolu kull 10 snin u f’xi perjodi matulhom bħala kampjun ta’ stħarriġ kull 3 jew 4 snin.

Kuntest

Il-biedja hija attività li tikkonċerna t-tkabbir tal-għelejjel u t-trobbija tal-bhejjem. Huwa n-negozju li jipprovdi ingredjenti primarji ewlenin għall-ikel li nieklu u ħafna minn dak li nixorbu. Il-biedja tibbaża fuq ġabra ta’ riżorsi sabiex tipproduċi dawn il-prodotti agrikoli, kif ukoll servizzi agrikoli. Dawn ir-riżorsi jew “fatturi ta’ produzzjoni” jistgħu jiġu kkategorizzati b’mod ġenerali bħala art, xogħol, għarfien, kapital u intraprenditorija. Fl-UE, is-settur tal-biedja jopera taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-PAK). Bħalma jeħtieġ li l-agrikoltura żżomm il-pass mal-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi, hekk ukoll jeħtieġ li l-PAK twieġeb għall-isfidi li qegħdin jiżviluppaw. Il-PAK ġiet riformata diversi drabi matul is-snin u, fl-1 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti għal aktar bidliet wara l-2020. Id-disa’ objettivi proposti ta’ din il-PAK futura jenfasizzaw ir-rwol ċentrali tal-farms u tal-bdiewa sabiex jiffaċċjaw l-isfidi li għandhom x’jaqsmu mat-tibdil fil-klima, il-ħolqien ta’ żoni rurali vibranti, il-preservazzjoni tal-pajsaġġi rurali, il-kura ambjentali u l-protezzjoni tal-ikel u l-kwalità tas-saħħa. Dawn l-isfidi ekonomiċi, soċjo-ekonomiċi, ambjentali u dawk relatati mal-klima jirrikjedu li l-bdiewa jkunu fil-qalba tal-komunitajiet rurali tal-Ewropa. Dan jgħin sabiex jiġi spjegat għaliex l-appoġġ għas-suċċessjoni ġenerazzjonali tal-farms u l-inkoraġġiment ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ bdiewa huma wkoll parti ewlenija mill-proposta għal PAK ġdida.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations




Struttura ta' farm (ef)

<legislation>


Leġiżlazzjoni ewlenija

  • Ir-Regolament 1166/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar stħarriġ tal-istrutturi tal-impriżi agrikoli u stħarriġ dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola (stħarriġ tal-istrutturi tal-impriżi agrikoli mill-2010 sal-2016)
  • Ir-Regolament Nru 378/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1166/2008 rigward il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2018
  • Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 715/2014 tas-26 ta’ Ġunju 2014 li jemenda l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 1166/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar stħarriġ ta’ strutturi tal-impriżi agrikoli u l-istħarriġ dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola, fir-rigward tal-lista ta’ karatteristiċi li jridu jinġabru fl-istħarriġ dwar l-istruttura tal-impriżi agrikoli 2016

Leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni

Leġiżlazzjoni relatata u leġiżlazzjoni aktar antika

  • Ir-Regolament tal-Kunsill 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fil-Komunità Ewropea
  • Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 1198/2014 tal-1 ta’ Awwissu 2014 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2015/220 tat-3 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta’ informazzjoni tal-kontabbiltà dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta’ azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea

Noti

  1. It-terminu “azjenda agrikola tal-familja” jirreferi għal kwalunkwe farm taħt ġestjoni familjari fejn 50 % jew aktar tal-ħaddiema agrikoli regolari huma membri tal-familja nfushom
  2. Għal aktar dettalji, ara l-artiklu Statistika Spjegata dwar l-ispeċjalizzazzjoni.
  3. Għal aktar dettalji, ara l-artiklu Statistika Spjegata dwar l-istħarriġ tal-istruttura tal-farms – kopertura tal-istħarriġ.