Statistics Explained

Statistika dwar l-abitazzjonijiet

This article has been archived, for updated data see Living conditions in Europe - housing.


L-estrazzjoni tad-data saret f’Mejju 2020.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Ottubru 2021.

Punti ewlenin

Fl-2018, il-maġġoranza tal-popolazzjoni f’kull Stat Membru tal-UE-27 kienet tgħix f’abitazzjonijiet okkupati mis-sid, filwaqt li dan is-sehem kien ivarja minn 51.4 % fil-Ġermanja għal 96.4 % fir-Rumanija; il-medja tal-UE-27 kienet ta’ 70.0 %.

Fl-2018, 17.1 % tal-popolazzjoni tal-UE-27 kienet tgħix f’abitazzjonijiet iffullati żżejjed. L-ogħla rata fost l-Istati Membri tal-UE-27 kienet fir-Rumanija (46.3 %).

Fl-UE-27, 4.3 % tal-popolazzjoni esperjenzat privazzjoni ta’ abitazzjoni severa fl-2018.

Fost l-Istati Membri tal-UE-27, il-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni tal-kerrejja li krew bi prezzijiet tas-suq fl-2018 kien l-ogħla fil-Greċja fejn 83.1 % tal-kerrejja nefqu aktar minn 40 % tal-introjtu tagħhom fuq l-abitazzjoni.

[[File:Housing statistics interactive_SILC2020-MT.XLSX]]

Rata tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni: sehem tal-popolazzjoni li tgħix f’unitajiet domestiċi li tonfoq 40 % jew aktar tal-introjtu disponibbli tagħhom fuq l-abitazzjoni, 2018

Dan l-artiklu jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-istatistika riċenti dwar l-abitazzjoni fl-Unjoni Ewropea (UE), fir-Renju Unit, fi tlieta mill-pajjiżi tal-EFTA u f'erba’ pajjiżi kandidati, filwaqt li jiffoka fuq it-tipi ta’ abitazzjoni, l-istat ta' pussess (sjieda jew kiri ta’ proprjetà), il-kwalità tal-abitazzjoni u l-affordabbiltà.

Abitazzjoni diċenti, bi prezz li jista’ jintlaħaq f’ambjent sigur, hija ħtieġa fundamentali u titqies minn ħafna bħala dritt tal-bniedem. L-iżgurar li din il-ħtieġa, li x’aktarx tnaqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali, tiġi sodisfatta għadu sfida sinifikanti f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej.

Artiklu sħiħ

Tipi ta’ abitazzjoni

Fl-2018, 46.0 % tal-persuni fl-UE-27 kienu jgħixu f’appartamenti, qrib wieħed minn kull ħamsa (18.6 %) fi djar li jmissu ma’ bini minn naħa waħda biss u ftit aktar minn terz (34.7 %) fi djar li ma jmissux ma’ bini ieħor (ara l-Illustrazzjoni 1).

Fost l-Istati Membri tal-UE, il-proporzjon ta’ persuni li jgħixu f’appartamenti fl-2018 kien ta’ mill-inqas 60.0 % fil-Latvja (66.2 %), fi Spanja (64.9 %), fl-Estonja (61.5 %) u fil-Greċja (60.6 %), u ftit inqas minn dan il-livell fil-Litwanja (59.5 %); proporzjon għoli simili ta’ persuni kienu jgħixu wkoll f’appartamenti fl-Iżvizzera (62.5 %). Is-sehem ta’ persuni li jgħixu fi djar li ma jmissux ma’ bini ieħor kien l-ogħla fost l-Istati Membri tal-UE fil-Kroazja (69.7 %), fis-Slovenja (66.2 %), fir-Rumanija (65.2 %) u fl-Ungerija (64.6 %); Id-Danimarka u l-Polonja kienu l-uniċi Stati Membri oħra fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni kienet tgħix f’dar li ma tmissx ma’ bini ieħor. Il-Maċedonja ta’ Fuq (74.6 %), is-Serbja (63.6 %) u n-Norveġja (57.5 %) irrapportaw ukoll li proporzjonijiet għoljin tal-popolazzjonijiet tagħhom kienu jgħixu fi djar li ma jmissux ma’ bini ieħor. L-ogħla proporzjonijiet ta’ persuni li jgħixu fi djar li jmissu ma’ bini minn naħa waħda biss fl-Istati Membri tal-UE ġew irrappurtati fin-Netherlands (58.0 %), fl-Irlanda (52.1 %), f’Malta (41.5 %) u fil-Belġju (40.6 %). Dawn kienu l-uniċi Stati Membri fejn tnejn minn kull ħamsa jew aktar mill-popolazzjoni kienu jgħixu fi djar i jmissu ma' bini minn naħa waħda biss. Fir-Renju Unit dan is-sehem kien saħansitra ogħla, u laħaq is-60.8 %.

Illustrazzjoni 1: It-tqassim tal-popolazzjoni skont it-tip ta’ abitazzjoni, 2018
(%)
Sors: Eurostat (ilc_lvho01)

Stat tal-pussess

Fl-2018, kwart (24.9 %) tal-popolazzjoni tal-UE-27 kienet tgħix f’dar okkupata mis-sid b’ipoteka jew self, filwaqt li aktar minn tnejn minn kull ħamsa (45.1 %) tal-popolazzjoni kienu jgħixu f’dar okkupata mis-sid mingħajr self jew ipoteka (ara l-Illustrazzjoni 2). Bħala tali, 7 minn kull 10 persuni (70.0 %) fl-UE-27 kienu jgħixu f’abitazzjonijiet okkupati mis-sid, filwaqt li madwar wieħed minn kull ħamsa (20.8 %) kienu kerrejja li jikru bi prezzijiet tas-suq, u madwar wieħed minn kull għaxra (9.3 %) kienu kerrejja li jikru b’kera mnaqqsa jew bla ħlas.

Illustrazzjoni 2: It-tqassim tal-popolazzjoni skont l-istat tal-pussess, 2018
(%)
Sors: Eurostat (ilc_lvho02)

Aktar minn nofs il-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru tal-UE kienet tgħix f’abitazzjonijiet okkupati mis-sid fl-2018, li varjaw minn 51.4 % fil-Ġermanja sa 96.4 % fir-Rumanija. B’kuntrast, fl-Iżvizzera, il-proporzjon ta’ persuni li kienu jgħixu f’abitazzjonijiet mikrija kien akbar minn dawk li kienu jgħixu f’abitazzjonijiet okkupati mis-sid, minħabba li madwar 57.5 % tal-popolazzjoni kienet kerrejja.

Fin-Netherlands (60.5 %) u fl-Iżvezja (51.7 %), aktar minn nofs il-popolazzjoni kienet tgħix f’abitazzjonijiet okkupati mis-sid b’ipoteka jew self; dan kien ukoll il-każ fl-Iżlanda (63.9 %, data tal-2016) u fin-Norveġja (60.1 %).

Is-sehem tal-persuni li jgħixu f’abitazzjonijiet mikrija b’kera bi prezzijiet tas-suq fl-2018 kien inqas minn 10.0 % fi 11 mill-Istati Membri tal-UE. B’kuntrast, madwar żewġ persuni minn kull ħamsa tal-popolazzjoni fil-Ġermanja (40.8 %) u fid-Danimarka (39.4 %) kienu jgħixu f’abitazzjonijiet mikrija b’kera bi prezzijiet tas-suq, kif għamlu aktar minn terz tal-popolazzjoni fl-Iżvezja (35.0 %), madwar tlett persuni minn kull għaxra tal-popolazzjoni fin-Netherlands (30.2 %) u fl-Awstrija (29.7 %), u madwar persuna minn kull ħamsa fil-Lussemburgu (23.4 %), fil-Greċja (21.3 %) u fil-Belġju (19.4 %). Is-sehem tal-popolazzjoni li kienet tgħix f’abitazzjonijiet mikrija b’kera bi prezzijiet tas-suq kien saħansitra ogħla fl-Iżvizzera fejn qabeż in-nofs (51.1 %).

Is-sehem tal-popolazzjoni li kienet tgħix f’abitazzjoni bi prezz tal-kera mnaqqas jew li kienet tokkupa abitazzjoni mingħajr ħlas kien inqas minn 20.0 % fl-Istati Membri kollha tal-UE u fit-tmien pajjiżi li mhumiex membri li għalihom tintwera d-data.

Il-kwalità tal-abitazzjoni

Waħda mid-dimensjonijiet ewlenin fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-abitazzjoni hija d-disponibbiltà ta’ spazju suffiċjenti f’abitazzjoni. Ir-rata ta’ affollament eċċessiv tiddeskrivi l-proporzjon ta’ nies li jgħixu f’abitazzjoni ffullata żżejjed, kif definita min-numru ta’ kmamar disponibbli għall-unità domestika, id-daqs tal-unità domestika, kif ukoll l-età tal-membri tagħha u s-sitwazzjoni tal-familja tagħhom.

Fl-2018, 17.1 % tal-popolazzjoni tal-UE-27 kienet tgħix f’abitazzjonijiet iffullati żżejjed

L-ogħla rata ta’ affollament eċċessiv fost l-Istati Membri tal-UE (ara l-Illustrazzjoni 3) ġiet irreġistrata fir-Rumanija (46.3 %), filwaqt li rati ogħla minn 50 % ġew irreġistrati għall-Montenegro (57.7 %; data tal-2017) u għas-Serbja (53.3 %). Ċipru (2.5 %), l-Irlanda (2.7 %), Malta (3.4 %), in-Netherlands (4.1 %) u Spanja (4.7 %) irreġistraw l-aktar rati baxxi ta’ affollament eċċessiv, kollha taħt il-5.0 %, filwaqt li seba’ Stati Membri oħra tal-UE, kif ukoll ir-Renju Unit, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Iżlanda (data tal-2016) irrapportaw inqas minn 10.0 % tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom li kienu jgħixu f’abitazzjonijiet iffullati żżejjed.

Illustrazzjoni 3: Ir-rata ta’ affollament eċċessiv, 2018
(%)
Sors: Eurostat (ilc_lvho05a)

Fi ħdan il-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar (fi kliem ieħor, persuni li jgħixu f’unitajiet domestiċi fejn l-introjtu disponibbli ekwivalizzat għal kull persuna kien taħt is-60 % tal-medjan nazzjonali), ir-rata ta’ affollament eċċessiv fl-UE-27 kienet ta’ 28.9 % fl-2018, xi 11.8-il punt perċentwali ogħla mir-rata għall-popolazzjoni kollha (ara l-Illustrazzjoni 3).

L-ogħla rati ta’ affollament eċċessiv fost il-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar ġew irreġistrati fir-Rumanija (56.4 %), fis-Slovakkja (54.9 %), fil-Bulgarija (48.7 %) u fil-Polonja (47.7 %). Rati għolja ta’ affollament eċċessiv fost il-popolazzjoni f’riskju ta’ faqar ġew irrappurtati wkoll mit-Turkija (70.7 %; data tal-2017), mill-Montenegro (69.6 %; data tal-2017), mill-Maċedonja ta’ Fuq u mis-Serbja (it-tnejn 60.6 %). Fit-tarf l-ieħor tal-medda, l-aktar rati baxxi ta’ affollament eċċessiv fost persuni f’riskju ta’ faqar ġew irreġistrati fil-gżejjer, jiġifieri f’Malta (7.0%), f’Ċipru (5.2 %) u fl-Irlanda (4.2 %). Dawn it-tlieta kienu l-uniċi Stati Membri tal-UE li rrappurtaw li inqas minn persuna minn kull għaxra f’riskju ta’ faqar kienu jgħixu f’kundizzjonijiet iffullati żżejjed, sitwazzjoni li ġiet osservata wkoll fir-Renju Unit (9.8 %).

Minbarra l-affollament eċċessiv, xi aspetti oħra ta’ privazzjoni ta’ abitazzjoni — bħan-nuqqas ta’ banju jew toilet, saqaf iqattar fl-abitazzjoni, jew abitazzjoni meqjusa bħala mudlama wisq — jitqiesu fl-indikatur tal-kwalità tal-abitazzjoni. Ir-rata ta’ privazzjoni ta’ abitazzjoni severa hija definita bħala l-perċentwal tal-popolazzjoni li tgħix f’abitazzjoni li titqies li hija ffullata żżejjed, filwaqt li fl-istess ħin għandha mill-inqas waħda minn dawn il-miżuri msemmija hawn fuq ta’ privazzjoni ta’ abitazzjoni.

Fl-2018, madwar l-UE-27 kollha kemm hi, 4.3 % tal-popolazzjoni esperjenzat privazzjoni ta’ abitazzjoni severa

Fl-2018 kien hemm tliet Stati Membri tal-UE fejn mill-inqas persuna minn kull għaxra mill-popolazzjoni ffaċċjat privazzjoni ta’ abitazzjoni severa: il-Bulgarija rreġistrat rata ta’ 10.1 %, filwaqt li kien hemm rati ogħla fil-Latvja (14.9 %) u fir-Rumanija (16.1 %); din is-sitwazzjoni ġiet osservata wkoll f’kull wieħed mill-pajjiżi kandidati li għalihom id-data (għall-2017 jew l-2018) tidher fl-Illustrazzjoni 4. B’kuntrast ma’ dan, inqas minn 1.0 % tal-popolazzjoni fil-Finlandja (0.9 %) u fl-Irlanda (0.8 %) iffaċċjaw privazzjoni ta’ abitazzjoni severa fl-2018, kif kien ukoll il-każ fin-Norveġja.

Illustrazzjoni 4: Ir-rata ta’ privazzjoni ta’ abitazzjoni severa, 2017 u 2018
(%)
Sors: Eurostat (ilc_mdho06a)

Il-proporzjon globali ta’ persuni fl-UE-27 li qed jesperjenzaw privazzjoni ta’ abitazzjoni severa niżel xi ftit bejn l-2017 u l-2018, tnaqqis ta’ 0.2 punti perċentwali. Fost l-Istati Membri tal-UE, l-akbar żidiet fil-proporzjon ta’ persuni li qed esperjenzaw privazzjoni ta’ abitazzjoni severa ġew irrappurtati għal Franza, fejn ir-rata żdiedet b’0.6 punti perċentwali bejn l-2017 u l-2018, kif ukoll id-Danimarka, il-Ġermanja u Spanja, fejn ir-rata żdiedet b’0.5 punti perċentwali. Bil-bosta, l-akbar tnaqqis fost l-Istati Membri tal-UE seħħ fl-Ungerija fejn ir-rata naqset bi 8.4 punti perċentwali minn 15.9 % għal 7.5 %, għalkemm għandu jiġi nnotat li hemm intervall fis-serje. Ġie osservat tnaqqis ta’ 1.1 sa 1.5 punti perċentwali fis-Slovakkja, fil-Litwanja, fl-Awstrija, fil-Polonja u fir-Rumanija. Fis-Serbja ġie osservat ukoll tnaqqis relattivament kbir (tnaqqis ta’ 3.4 punti perċentwali).

Affordabbiltà tal-abitazzjoni

Fl-2018, 9.6 % tal-popolazzjoni tal-UE-27 kienet tgħix f’unitajiet domestiċi li nefqu 40 % jew aktar tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom fl-abitazzjoni

Il-proporzjon tal-popolazzjoni li l-kostijiet tal-abitazzjoni tagħhom qabżu l-40 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom kien l-ogħla għall-kerrejja b’kirjiet bi prezzijiet tas-suq (25.1 %) u l-inqas għall-persuni f’abitazzjonijiet okkupati mis-sid b’self jew ipoteka (4.0 %) (ara t-Tabella 1).

Tabella 1: Ir-rata tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni, analizzata skont l-istat tal-pussess, 2018
(%)
Sors: Eurostat (ilc_lvho07c)

Il-medja tal-UE-27 taħbi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri tal-UE: f’estrem wieħed kien hemm għadd ta’ pajjiżi fejn proporzjon relattivament żgħir tal-popolazzjoni kien jgħix f’unitajiet domestiċi fejn il-kostijiet tal-abitazzjoni qabżu l-40 % tal-introjtu disponibbli tagħhom fl-2018, b’mod partikolari Malta (1.7 %) u Ċipru (2.0 %). Fl-estrem l-ieħor, tnejn minn kull ħames persuni (39.5 %) fil-Greċja u aktar minn persuna waħda minn kull sitta (17.9 %) tal-popolazzjoni fil-Bulgarija nefqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom fuq l-abitazzjoni, kif għamlu madwar persuna waħda minn kull sebgħa fid-Danimarka (14.7 %) u fil-Ġermanja (14.2 %).

Meta wieħed janalizza l-istat tal-pussess bl-ogħla proporzjon tal-popolazzjoni fejn il-kostijiet tal-abitazzjoni qabżu l-40 % tal-introjtu disponibbli tagħhom, jiġifieri l-kerrejja li jikru bi prezzijiet tas-suq, kien hemm ukoll differenzi kbar bejn l-Istati Membri tal-UE. Fl-2018, kien hemm sitt Stati Membri fejn aktar minn terz tal-popolazzjoni li tgħix bħala kerrejja b’kirjiet bi prezzijiet tas-suq nefqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tagħhom fuq l-abitazzjoni, b’dan il-proporzjon tal-popolazzjoni jaqbeż tnejn minn kull ħamsa fir-Rumanija (46.3 %) u fl-Ungerija (46.9 %), li jilħaq in-nofs fil-Bulgarija (50.1 %) u li jaqbeż l-erbgħa minn kull ħamsa (83.1 %) fil-Greċja. Fit-tarf l-ieħor tal-medda, Malta (12.1 %), il-Latvja (11.5 %) u Ċipru (11.3 %) irrapportaw l-aktar rati baxxi tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni għall-kerrejja b’kirjiet bi prezzijiet tas-suq.

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi ta’ data

Id-data użata f’dan l-artiklu ġejja primarjament minn mikrodata mill-istatistika tal-UE dwar l-introjtu u l-kondizzjonijiet tal-għajxien (UE-SILC). L-istħarriġ UE-SILC jitwettaq kull sena u huwa l-istħarriġ ewlieni li jkejjel l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Ewropa. Il-popolazzjoni ta’ referenza hija l-unitajiet domestiċi privati kollha u l-membri attwali tagħhom residenti fit-territorju ta' Stat Membru tal-UE meta sar il-ġbir tad-data; persuni li jgħixu f’unitajiet domestiċi kollettivi u f’istituzzjonijiet huma ġeneralment esklużi mill-popolazzjoni fil-mira. Id-data għall-UE u għaż-żona tal-euro hija medja ponderata skont il-popolazzjoni tad-data nazzjonali.

It-tabelli f’dan l-artiklu jużaw in-notazzjoni li ġejja:

Valur fil-korsiv     il-valur tad-data huwa previst, proviżorju jew stmat u għalhekk x’aktarx li jinbidel;
: valur mhux disponibbli, kunfidenzjali jew mhux affidabbli.

Kuntest

Il-kundizzjonijiet tal-abitazzjoni jinfluwenzaw il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’ħafna modi: jipprovdu kenn, sigurtà, privatezza u spazju fejn wieħed jista’ jirrilassa, jitgħallem, jaħdem u jgħix. L-abitazzjoni tista’ titqies ukoll fil-kuntest tal-ambjent lokali tagħha, f’termini tal-faċilità ta’ aċċess għall-indukrar tat-tfal, l-istabbilimenti tal-edukazzjoni, l-impjiegi, l-opportunitajiet ta’ rikreazzjoni, il-ħwienet, is-servizzi pubbliċi u l-bqija. Il-finanzjament tal-abitazzjoni, kemm jekk mixtrija kif ukoll jekk mikrija, huwa problema kbira għal ħafna unitajiet domestiċi, li spiss hija marbuta mal-kwalità tal-abitazzjoni.

L-UE ma għandha l-ebda responsabbiltà speċifika fir-rigward tal-abitazzjoni; anzi, il-gvernijiet nazzjonali jiżviluppaw il-politiki tal-abitazzjoni tagħhom stess. Madankollu, ħafna mill-Istati Membri tal-UE jiffaċċjaw sfidi simili, pereżempju: kif iġeddu l-istokkijiet tal-abitazzjonijiet, kif jippjanaw u jiġġieldu t-tifrix urban, kif jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, kif jgħinu liż-żgħażagħ u l-gruppi żvantaġġati biex jidħlu fis-suq tal-abitazzjoni, jew kif jippromwovu l-effiċjenza enerġetika fost is-sidien tad-djar.

Il-kwistjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali, tal-problema tal-persuni mingħajr dar jew tal-integrazzjoni għandhom rwol importanti fi ħdan l-aġenda tal-politika soċjali tal-UE. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-Artikolu IV-34 tistipula li “sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skont ir-regoli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. F'dan il-kuntest, fis-sena 2000 fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza ntlaħaq ftehim dwar sett ta’ objettivi komuni għall-istrateġija tal-UE kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inklużi żewġ objettivi relatati mal-abitazzjoni, jiġifieri “li jiġu implimentati politiki li għandhom l-għan li jipprovdu aċċess għal kulħadd għal abitazzjoni diċenti u sanitarja, kif ukoll għal servizzi bażiċi meħtieġa sabiex wieħed jgħix b’mod normali filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi lokali (elettriku, ilma, tisħin, eċċ.)” u “li jiddaħħlu fis-seħħ politiki li għandhom l-għan li jipprevjenu kriżijiet fil-ħajja, li jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni soċjali, bħal dejn, esklużjoni mill-iskola u li persuna tispiċċa bla dar”. Dan il-mandat ġie estiż fl-2010 meta l-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (KUMM (2010) 758 finali) stabbiliet sensiela ta’ azzjonijiet biex jgħinu jnaqqsu n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali b’mill-inqas 20 miljun persuna sal-2020 (meta mqabbel mal-2008) — ara wkoll l-artiklu dwar persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

Aċċess dirett għal

Artikoli oħrajn
Tabelli
Bażi tad-data
Taqsima ddedikata
Pubblikazzjonijiet
Metodoloġija
Viżwalizzazzjonijiet




Living conditions (t_ilc_lv)
Housing conditions (t_ilc_lvho)
Overcrowding rate (t_ilc_lvho_or)
Housing cost burden (t_ilc_lvho_hc)
Material deprivation (t_ilc_md)
Housing deprivation (t_ilc_mdho)
Living conditions (ilc_lv)
Housing conditions (ilc_lvho)
Overcrowding rate (ilc_lvho_or)
Under-occupied dwellings (ilc_lvho_uo)
Housing cost burden (ilc_lvho_hc)
Material deprivation (ilc_md)
Housing deprivation (ilc_mdho)