Statistics Explained

Archive:Statistika dwar l-iskart


Data estratta f’Ġunju 2019.

Aġġornament ippjanat tal-artiklu: Marzu 2021.

Il-verżjoni Ingliża hija aktar riċenti.

This Statistics Explained article has been archived on 8 December 2020.


Highlights

Fl-2016 ġew iġġenerati 5.0 tunnellati ta’ skart għal kull abitant tal-UE.

Fl-2016, fl-UE 45.7 % tal-iskart intrema f’landfills u 37.8 % ġie rriċiklat.

[[File:Waste statistics-interactive_FP2019-MT.XLSX]]

Ġenerazzjoni tal-iskart, 2016

Dan l-artiklu jagħti ħarsa ġenerali lejn il-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart fl-Unjoni Ewropea (UE) u f’diversi pajjiżi li mhumiex membri. Huwa jibbaża esklussivament fuq data miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-iskart.

L-iskart, iddefinit mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew beħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”, li potenzjalment jirrappreżenta telf enormi ta’ riżorsi fil-forma kemm ta’ materjali kif ukoll ta’ enerġija. Barra minn hekk, l-immaniġġjar u r-rimi tal-iskart jista' jkollhom impatti ambjentali serji. Landfill, pereżempju, tieħu l-ispazju tal-art u tista’ tikkawża tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija, filwaqt li inċinerazzjoni tista’ tirriżulta fl-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja.

Għalhekk, il-politiki tal-UE dwar l-immaniġġjar tal-iskart għandhom l-għan li jnaqqsu l-impatti ambjentali u fuq is-saħħa tal-iskart u li jtejbu l-effiċjenza fir-riżorsi tal-UE. L-għan fit-tul ta’ dawn il-politiki huwa li jitnaqqas l-ammont ta’ skart iġġenerat u, meta ma tkunx tista’ tiġi evitata l-ġenerazzjoni tal-iskart, dan għandu jiġi promoss bħala riżorsa u biex jintlaħqu livelli ogħla ta’ riċiklaġġ u r-rimi sikur tal-iskart.

Full article

Il-ġenerazzjoni totali tal-iskart

Fl-2016, l-iskart totali ġġenerat fl-EU-28 mill-attivitajiet ekonomiċi u mill-unitajiet domestiċi kollha ammonta għal 2 538 miljun tunnellata.

Kif wieħed jista’ jistenna, l-ammont globali ta’ skart iġġenerat huwa sa ċertu punt relatat mal-popolazzjoni u mad-daqs ekonomiku ta’ pajjiż. Fit-Tabella 1, l-iżgħar Stati Membri tal-UE b’mod ġenerali rrapportaw l-aktar livelli baxxi ta’ ġenerazzjoni tal-iskart u dawk akbar irrapportaw l-ogħla livelli. Minkejja dan, ġew iġġenerati kwantitajiet relattivament għoljin ta’ skart fil-Bulgarija u fir-Rumanija u kwantità relattivament baxxa fl-Italja.

Tabella 1: Il-ġenerazzjoni tal-iskart mill-attivitajiet ekonomiċi u mill-unitajiet domestiċi, 2016
(%)
Sors: Eurostat (env_wasgen)

Is-sehem tal-attivitajiet ekonomiċi differenti u tal-unitajiet domestiċi fil-ġenerazzjoni totali tal-iskart fl-2016 huwa ppreżentat fl-IIlustrazzjoni 1. Fl-EU-28, il-kostruzzjoni kkontribwiet għal 36.4 % tat-total fl-2016 u kienet segwita mix-xogħol fil-minjieri u fil-barrieri (25.3 %), mill-manifattura (10.3 %), mis-servizzi tal-iskart u tal-ilma (10.0 %) u mill-unitajiet domestiċi (8.5 %); id-9.5 % li jifdal kien skart iġġenerat minn attivitajiet ekonomiċi oħra, prinċipalment is-servizzi (4.6 %) u l-enerġija (3.1 %).

Illustrazzjoni 1: Il-ġenerazzjoni tal-iskart mill-attivitajiet ekonomiċi u mill-unitajiet domestiċi, EU-28, 2016
(%)
Sors: Eurostat (env_wasgen)

L-Illustrazzjoni 2 turi analiżi tal-ammont ta’ skart iġġenerat f’forma standardizzata, f'paragun mad-daqs tal-popolazzjoni. Il-livelli għoljin ta’ skart totali ġġenerat f’xi wħud mill-Istati Membri iżgħar tal-UE jidhru biċ-ċar, b’valur partikolarment għoli rreġistrat għall-Finlandja fejn fl-2016 bħala medja ġew iġġenerati 22.4 tunnellata ta’ skart għal kull abitant, aktar minn erba’ darbiet tal-medja ta’ 5.0 tunnellati għal kull abitant fl-EU-28. Bosta mill-Istati Membri b’livelli partikolarment għoljin ta’ skart iġġenerat għal kull abitant irrapportaw ammonti għoljin ħafna ta’ skart mill-minjieri u mill-barrieri, filwaqt li fi bnadi oħra, il-kostruzzjoni u d-demolizzjoni ta’ sikwit ikkontribwew għall-ammonti għoljin.

Ħafna mill-iskart mill-minjieri u mill-barrieri u mill-kostruzzjoni u mid-demolizzjoni huwa kklassifikat bħala skart minerali ewlieni: l-analiżi ppreżentata fl-Illustrazzjoni 2 tiddistingwi l-iskart minerali ewlieni mill-iskart l-ieħor kollu. Kważi żewġ terzi (64 % jew 3.2 tunnellati għal kull abitant) mill-iskart totali ġġenerat fl-EU-28 fl-2016 kien skart minerali ewlieni. Is-sehem relattiv ta’ skart minerali ewlieni fl-iskart totali ġġenerat varja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-UE, li jista’ jirrifletti, għall-anqas sa ċertu punt, strutturi ekonomiċi differenti. B’mod ġenerali, dawk l-Istati Membri tal-UE li kellhom ammonti ogħla ta’ skart minerali ewlieni kienu dawk li kienu kkaratterizzati bħala li għandhom attivitajiet relattivament imdaqqsa ta’ xogħol fil-minjieri u fil-barrieri, bħall-Bulgarija, l-Iżvezja, ir-Rumanija u l-Finlandja, u/jew attivitajiet ta’ kostruzzjoni u demolizzjoni, bħal-Lussemburgu; f’dawn l-Istati Membri, l-iskart minerali ewlieni kien jammonta għal 85 % jew aktar tal-iskart kollu ġġenerat, kif kien ukoll il-każ fil-Liechtenstein (91 %).

Illustrazzjoni 2: Il-ġenerazzjoni tal-iskart, 2016
(kg għal kull abitant)
Sors: Eurostat (env_wasgen)

Il-ġenerazzjoni tal-iskart għajr l-iskart minerali ewlieni

Fl-2016, fl-EU-28, ġew iġġenerati 905 miljun tunnellata ta’ skart għajr l-iskart minerali ewlieni, ekwivalenti għal 36 % tal-iskart totali ġġenerat (Illustrazzjoni 2). Meta espressi b’paragun mad-daqs tal-popolazzjoni, bħala medja, fl-2016 l-EU-28 ġġeneraw 1.8 tunnellati ta' skart għal kull abitant għajr l-iskart minerali ewlieni (Illustrazzjoni 3).

Fl-2016, fl-Istati Membri tal-UE, il-ġenerazzjoni tal-iskart għajr l-iskart minerali ewlieni kien ivarja minn medja ta’ 9.0 tunnellati għal kull abitant fl-Estonja għal 0.8 tunnellati għal kull abitant f’Ċipru u fil-Kroazja. Il-kwantità kbira ta’ skart iġġenerat fl-Estonja hija relatata mal-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq shale bituminuż.

Illustrazzjoni 3: Il-ġenerazzjoni tal-iskart, għajr l-iskart minerali ewlieni, l-2006 u l-2016
(kg għal kull abitant)
Sors: Eurostat (env_wasgen)

It-Tabella 2 turi l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-EU-28 għajr l-iskart minerali ewlieni analizzat skont l-attività ekonomika. Fl-2016, l-ogħla livelli ta’ ġenerazzjoni tal-iskart ġew irreġistrati għas-servizzi tal-iskart u tal-ilma, għall-unitajiet domestiċi u għall-attivitajiet tal-manifattura (228 miljun tunnellata, 209 miljun tunnellata u 191 miljun tunnellata). L-iżviluppi tagħhom segwew xejriet differenti maż-żmien: bejn l-2004 u l-2016, il-ġenerazzjoni tal-iskart (għajr l-iskart minerali ewlieni) mis-servizzi tal-iskart u tal-ilma żdiedet b’105.7 %, mill-unitajiet domestiċi baqgħet pjuttost stabbli (1.8 %), filwaqt li mill-attivitajiet tal-manifattura naqset pjuttost b’mod konsiderevoli, b’29.6 %.

Tabella 2: Il-ġenerazzjoni tal-iskart, għajr l-iskart minerali ewlieni, EU-28, bejn l-2004 u l-2016
(miljun tunnellata)
Sors: Eurostat (env_wasgen)

Trattament ta’ skart perikoluż

L-iskart perikoluż jista’ jkun ta’ riskju għoli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent jekk ma jiġix immaniġġjat u mormi b’mod sikur. Fl-2016, fost l-iskart iġġenerat fl-EU-28, 100.7 miljun tunnellata (4.0 % tat-total) ġew ikklassifikati bħala skart perikoluż.

Meta mqabbel mal-2010, fl-2016 fl-EU-28 ġie ġġenerat 4.9 % aktar ta' skart perikoluż. Dan ifisser żieda f'termini ta' kwantità minn 96.0 għal 100.7 miljun tunnellata. Fl-2016, is-sehem ta’ skart perikoluż fil-ġenerazzjoni totali tal-iskart kien anqas minn 10.0 % fl-Istati Membri kollha tal-UE ħlief għall-Estonja u għall-Bulgarija, fejn kien jammonta, rispettivament, għal sehem ta' 39.9 % u 11.1 % tat-total (ara l-Illustrazzjoni 4). Is-sehem għoli ħafna għall-Estonja kien prinċipalment dovut għall-produzzjoni tal-enerġija mix-shale bituminuż. Fost il-pajjiżi mhux membri li jidhru fl-Illustrazzjoni 4, is-Serbja rreġistrat l-ogħla sehem ta’ skart perikoluż fil-ġenerazzjoni totali tal-iskart (35.2 %) minħabba attività intensiva fil-minjieri u fil-barrieri, segwita mill-Montenegro (19.4 %) u n-Norveġja (14.6 %).

Illustrazzjoni 4: Skart perikoluż iġġenerat, l-2010 u l-2016
(% tas-sehem tal-piż totali tal-iskart)
Sors: Eurostat (env_wasgen)

Trattament tal-iskart

Fl-2016, fl-EU 28, ġew ittrattati madwar 2 312 miljun tunnellata ta’ skart perikoluż. Dan ma jinkludix l-iskart esportat iżda jinkludi t-trattament ta’ skart impurtat fl-UE. Għalhekk, l-ammonti rrapportati mhumiex direttament komparabbli ma’ dawk dwar il-ġenerazzjoni tal-iskart.

L-Illustrazzjoni 5 turi l-iżvilupp tat-trattament tal-iskart fl-EU-28 kollha u ż-żewġ kategoriji ewlenin ta’ trattament – l-irkupru u r-rimi – matul il-perjodu ta’ bejn l-2004 u l-2016. Il-kwantità ta’ skart irkuprat, fi kliem ieħor riċiklat, użat għar-radam mill-ġdid (l-użu ta’ skart f’żoni skavati għall-finijiet ta’ reklamazzjoni jew sikurezza ta' pendil jew għall-finijiet ta’ inġinerija fit-tisbiħ tal-pajsaġġ) jew inċinerat bl-irkupru enerġetiku żdiedet bi 28.2 % minn 960 miljun tunnellata fl-2004 għal 1 231 miljun tunnellata fl-2016; b’riżultat ta’ dan, is-sehem ta’ tali rkupru fit-trattament tal-iskart totali żdied minn 45.4 % fl-2004 għal 53.2 % fl-2016. Il-kwantità ta’ skart soġġetta għar-rimi naqset minn 1 154 miljun tunnellata fl-2004 għal 1 081 miljun tunnellata fl-2016. Dan ifisser tnaqqis ta’ 6.3 %. Is-sehem tar-rimi fit-trattament tal-iskart totali naqas minn 54.6 % fl-2004 għal 46.8 % fl-2016.

Illustrazzjoni 5: Trattament tal-iskart, EU-28, bejn l-2004 u l-2016
(Indiċi 2004 = 100)
Sors: Eurostat (env_wastrt)

Kif iddikjarat hawn fuq, fl-2016 fl-EU-28, ftit aktar minn nofs (53.2 %) l-iskart ġie ttrattat f’operazzjonijiet ta’ rkupru: riċiklaġġ (37.8 % tal-iskart totali ttrattat) radam mill-ġdid (9.9 %) jew irkupru enerġetiku (5.6 %). Is-46.8 % li jifdal intrema fil-landfills (38.8 %), ġie inċinerat mingħajr irkupru enerġetiku (1.0 %) jew intrema mod ieħor (7.0 %). Fost l-Istati Membri tal-UE jistgħu jiġu osservati differenzi sinifikanti fir-rigward ta' kif użaw dawn il-metodi differenti ta’ trattament. Pereżempju, xi Stati Membri kellhom rati ta’ riċiklaġġ għoljin ħafna (l-Italja u l-Belġju), filwaqt li oħrajn ippreferew l-użu tal-landfill (il-Greċja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Iżvezja) (ara t-Tabella 3).

Tabella 3: Trattament tal-iskart, 2016
(% tat-total)
Sors: Eurostat (env_wastrt)

Trattament tal-iskart perikoluż

Fl-2016, fl-EU-28 b’kollox ġew ittrattati 76.8 miljun tunnellata ta’ skart perikoluż, b’aktar minn nofs dan l-ammont ittrattat fi tliet Stati Membri biss, fil-Ġermanja (28.0 %), fil-Bulgarija (17.2 %) u fl-Estonja (12.5 %) (Illustrazzjoni 6).

Illustrazzjoni 6: Trattament ta’ skart perikoluż, 2016
(elf tunnellata)
Sors: Eurostat (env_wastrt)

Fl-2016, 33.9 % tal-iskart perikoluż ittrattat fl-EU-28 intrema fil-landfills, fi kliem ieħor ġie ddepożitat ġewwa jew fuq l-art jew permezz tat-trattament tal-art u r-rilaxx f’korpi tal-ilma, ekwivalenti għal 51 kg għal kull abitant (Illustrazzjoni 7). 5.9 % tal-iskart perikoluż kollu ġie inċinerat mingħajr irkupru enerġetiku (9 kg għal kull abitant). L-irkupru enerġetiku kien it-trattament użat għal 7.7 % ulterjuri (12-il kg għal kull abitant). Fl-2016, aktar minn terz (35.4 %) tal-iskart perikoluż fl-EU-28 ġie rkuprat bir-riċiklaġġ jew bir-radam mill-ġdid, ekwivalenti għal 53 kg għal kull abitant.

Illustrazzjoni 7: Trattament tal-iskart perikoluż, 2016
(kg għal kull abitant)
Sors: Eurostat (env_wastrt)

Data tas-sors għat-tabelli u l-graffs

Sorsi tad-data

Sabiex tkun immonitorjata l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-iskart, b’mod partikolari l-konformità mal-prinċipji tal-irkupru u r-rimi sikur, hemm bżonn ta’ statistika affidabbli dwar il-produzzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart min-negozji u mill-unitajiet domestiċi privati. Fl-2002, ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart, biex b’hekk inħoloq qafas għall-istatistika Komunitarja armonizzata f’dan il-qasam.

Mis-sena ta’ referenza 2004, ir-Regolament jirrikjedi li kull sentejn l-Istati Membri tal-UE għandhom jipprovdu data dwar il-ġenerazzjoni, l-irkupru u r-rimi tal-iskart. Bħalissa, id-data dwar il-ġenerazzjoni u t-trattament tal-iskart hija disponibbli anke għas-snin ta’ referenza mill-2004 sal-2016.

Kuntest

Il-politiki tal-UE dwar l-immaniġġjar tal-iskart għandhom l-għan li jnaqqsu l-impatti ambjentali u fuq is-saħħa tal-iskart u jtejbu l-effiċjenza fir-riżorsi tal-Ewropa. L-għan fit-tul huwa li l-Ewropa tinbidel f’soċjetà li tirriċikla, u li kull fejn ikun possibbli, jiġi evitat kemm l-iskart kif ukoll l-użu ta’ skart li ma jistax jiġi evitat bħala riżorsa. L-għan huwa li jinkisbu livelli ferm ogħla ta’ riċiklaġġ u li titnaqqas kemm jista’ jkun l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali addizzjonali. L-immaniġġjar xieraq tal-iskart huwa element ewlieni fl-iżgurar tal-effiċjenza fir-riżorsi u t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji Ewropej. Għal aktar informazzjoni ara the Europe 2020 strategy (bl-Ingliż).

Skont dan, id-Direttiva Qafas riveduta dwar l-Iskart tal-2008 introduċiet ġerarkija tal-iskart f’ħames stadji fejn l-aħjar għażla hija l-prevenzjoni, segwita bl-użu mill-ġdid, bir-riċiklaġġ u b'forom oħrajn ta’ rkupru, bir-rimi, bħar-rimi f’landfill, jintuża biss bħala l-aħħar għażla. F’konformità ma’ din il-ġerarkija, 7th Environment Action Programme (bl-Ingliż) jistabbilixxi l-objettivi prijoritarji li ġejjin għall-politika dwar l-iskart fl-UE:

  • jitnaqqas l-ammont ta’ skart iġġenerat;
  • jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid;
  • tiġi limitata l-inċinerazzjoni għall-materjali mhux riċiklabbli;
  • jiġi eliminat b’mod gradwali r-rimi fil-landfills ta’ skart li ma jistax jiġi riċiklat jew irkuprat;
  • tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-miri tal-politika dwar l-iskart fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Direct access to

Other articles
Tables
Database
Dedicated section
Publications
Methodology
Visualisations






  • Waste (t_env_was) (bl-Ingliż), ara:
Waste generation and treatment (t_env_wasgt)
Waste streams (t_env_wasgt)


  • Waste (env_was) (bl-Ingliż), ara:
Waste generation and treatment (env_wasgt)